Navigation path

Left navigation

Additional tools

Stħarriġ madwar l-Ewropa juri appoġġ pubbliku għal innovazzjoni responsabbli fix-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija

European Commission - IP/10/1499   11/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1499

Brussell, il-11 ta’ Novembru 2010

Stħarriġ madwar l-Ewropa juri appoġġ pubbliku għal innovazzjoni responsabbli fix-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija

Stħarriġ ġdid tal-Eurobarometer rigward ix-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija juri li l-Ewropej huma ottimisti dwar il-bijoteknoloġija. 53% ta' dawk li wieġbu jemmnu li l-bijoteknoloġija se jkollha effett pożittiv fil-futur filwaqt li 20% biss jaħsbu li se jkollha effett negattiv. L-istħarriġ jiżvela wkoll nuqqasijiet importanti fl-għarfien li juru l-ħtieġa ta' aktar komunikazzjoni: il-maġġoranza ta' dawk li wieġbu qatt ma semgħu dwar uħud mill-oqmsa koperti minn dan l-istħarriġ, fosthom, in-nanoteknoloġija (55% ma semgħux dwarha), il-bijobanek (67% ma semgħux dwarhom) u l-bijoloġija sintetika (83% ma semgħux dwarha) filwaqt li għad hemm xettiċiżmu u tħassib fir-rigward ta' ikel immodifikat ġenetikament. Il-Eurobarometer, li sar fi Frar 2010, huwa is-seba' wieħed f'sensiela li bdiet fl-1991 u li huwa bbażat fuq kampjuni rappreżentattivi minn 32 pajjiż Ewropew.

Il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza Máire Geoghegan-Quinn qalet: "Dan l-istħarriġ juri tliet affarijiet: L-ewwelnett, l-Ewropej, fil-maġġor parti tagħhom, huma pjuttost pożittivi dwar il-bijoteknoloġija minkejja li jħossuhom inċerti dwar ċerti aspett tagħha. Fit-tieni lok, bosta nies iħossu li huma neqsin minn ċertu informazzjoni bażika dwar aspetti importanti tal-bijoteknoloġija u għalhekk hemm sfida ewlenija marbuta mal-kommunikazzjoni. Beħsiebni nilqa l-isfida u nħeġġeġ lill-partijiet interessati biex jagħmlu l-istess. It-tielet punt huwa li d-deċiżjonijiet kollha dwar il-bijoteknoloġija għandhom ikunu bbażati fuq xjenza soda u jqisu, b'mod xieraq, il-fatturi etiċi, tas-saħħa kif ukoll dawk ambjentali: ma nistgħux inkunu mmexxija minn reazzjonijiet emozzjonali jew kunsiderazzjonijiet kummerċjali fuq żmien qasir.

Il-bijoteknoloġija tista' tagħmel kontribut enormi lill-miri tagħna għall-Ewropa 2020 dwar it-tkabbir sostenibbli u saħħa u kwalità tal-ħajja aħjar, għalhekk se tkompli tkun qasam ewlieni tar-riċerka taħt il-Programmi tagħna ta' Qafas tal-UE ."

Fir-rigward ta' stħarriġ preċedenti tal-Eurobarometer, il-kwestjonarju tal-istħarriġ tħejja, u r-riżultati ġew analizzati, minn tim indipendenti ta' xjentisti soċjali esperti li għal din l-okkażjoni, kienu mmexxija mil-London School of Economics. Dawn jikkonkludu li mhemm l-ebda rifjut għall-impetu lejn l-innovazzjoni. B'mod ġenerali, l-Ewropej huma favur innovazzjoni responsabbli b'regolamentazzjoni adatta li tibbilanċa s-suq, u jixtiequ jkunu nvoluti fid-deċiżjonijiet dwar teknoloġiji ġodda kull meta jkun hemm valuri soċjali fin-nofs. Fl-istess waqt, mill-2005, kien hemm żieda fil-fiduċja fil-maġġor parti tal-atturi ewlenin – bħat-tobba, ix-xjenzati, l-UE, il-gvernijiet nazzjonali u l-industrija – fir-rigward tat-teħid ta' deċiżjonijiet tajba fuq kwistjonijiet marbuta mal-bijoteknoloġija (ara t-Tabella 9 tar-Rapport). Kunsiderazzjonijiet dwar is-sostennibbiltà saru aktar importanti maż-żmien.

Fost it-53% tar-residenti tal-UE li kienu ottimisti dwar il-bijoteknoloġija (Grafika 2 tar-Rapport), dawk li kienu partikolarment pożittivi ġejjin minn dawn il-pajjiiżi – l-Estonja 77 %, l-Isvezja 72 % u l-Finlandja 69 %. L-uniku Stat Membru fejn dawk li jaħsbu li l-bijoteknoloġija se jkollha effett negattiv kienu aktar minn dawk li kienu ottimisti, kien l-Awstrija b'41 % kontra 35 %.

Kien hemm appoġġ qawwi madwar l-UE għall-bijofjuwils. 72 % fost dawk li wieġbu jappoġġaw il-bijofjuwils bbażati fuq l-għelejjel u 83 % kienu favur il-bijofjuwils li ġejjin minn materjal li ma jittikilx (Grafika 7 tar-Rapport).

Kien hemm appoġġ predominanti għall-applikazzjonijiet mediċi tal-bijoteknoloġija, sakemm ikunu soġġetti għal liġijiet stretti (Grafika 21). 63 % ta’ dawk li wieġbu kienu favur riċerka fuq iċ-ċelluli staminali tal-embrijoni, żieda mid-59 % tal-2005. 69% appoġġaw kundizzjonalment tipi oħra ta’ riċerka fuq iċ-ċelluli staminali, żieda mill-65 %, filwaqt l-63% appoġġaw terapija fuq il-ġeni meta mqabbel ml-54% ta’ ħames snin ilu. Bejn 15% u 18% oħra kienu lesti li jaċċettaw l-applikazzjonijiet imsemmija hawn fuq f’ċirkostanzi speċjali. B'mod ġenerali, il-pajjiżi fejn dawk li wieġbu kienu l-aktar favur ta’ dawn l-applikazzjonijiet kienu r-Renju Unit, Spanja u d-Danimarka.

Maġġoranza ċara tal-Ewropej (61 %, żieda mis-57 % fl-2005) jibqgħu, b'mod ġenerali, kontra l-ikel immodifikat ġenetikament (Grafika 13). Dawk li wieġbu jsemmu tħassib marbut mas-sikurezza, nuqqas perċepit ta’ benefiċċji u inċertezza ġenerali. Madankollu, hemm appoġġ kawt għall-ġenerazzjonijiet ġodda “technolite” tal-appilkazzjonijiet tal-ikel immodifikat ġenetikament – per eżempju l-introduzzjoni ta’ ġeni minn tuffieħ selvaġġ fit-tuffieħ għall-konsum normali, b’46 % ta’ dawk li wieġbu jkunu favur din meta mqabbel mat-38 % li jopponuha (Grafika 18).

Kien hemm ukoll oppożizzjoni qawwija għall-ikklonjar tal-annimali għall-ikel fejn 18% biss jappoġġaw dan.

L-analiżi ta’ dan il-Eurobarometer hija parti minn proġett ta’ riċerka bl-isem Teknoloġiji Sensittivi u l-Etika Pubblika Ewropea (STEPE), iffinanzjat mill-Programm tax-Xjenza u s-Soċjetà tas-Seba’ Programm Qafas ta’ Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku (FP7) tal-KE. L-opinijiet mogħtija fir-rapport tax-xjentisti soċjali huma dawk tal-awturi u mhux neċessarjament jirrappreżentaw il-fehma tal-Kummissjoni.

Dan ir-rapport – b’sommarju – id-dejta u l-iskedi tal-pajjiżi huma disponibbli fuq il-websajt tal-Eurobarometer:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_en.htm#341


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website