Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1495

Brussell, l-10 ta’ Novembru 2010

L-Afrika - Ewropa: 80 pajjiż, żewġ kontinenti fi sħubija għal futur aħjar.

Il-Kummissjoni llum qed tippreżenta l-proposti tagħha ta’ konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE qabel is-Samit bejn l-Afrika u l-UE li se jinżamm fil-Libja bejn id-29 u 30 ta’ Novembru. Fuq il-bażi tal-Istrateġija Konġunta tal-Afrika u l-UE li tnediet fl-2007, il-Kummissjoni tispeċifika l-isfidi komuni li sar progress dwarhom u li għad iridu jiġu indirizzati b'mod konġunt, bħalma huma l-eliminazzjoni tal-faqar, il-paċi u s-sigurtà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza globali u t-tibdil fil-klima. Filwaqt li l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (GħŻM) se tibqa’ fil-qalba tal-Istrateġija Konġunta tal-Afrika u l-UE, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li jeħtieġ li jingħata appoġġ lill-Afrika biex issaħħaħ il-governanza politika u ekonomika tagħha biex l-assi tal-kontinent ikunu jistgħu jintużaw b’mod aktar sostenibbli. F’dak l-ispirtu l-Kummissjoni qed tipproponi li tiffoka fuq inizjattivi li jistgħu jgħinu biex tingħata spinta lil tkabbir inklussiv u sostenibbli fit-tul. Dawn il-proposti se jikkontribwixxu għat-tfassil ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta tal-Afrika u l-UE li se jiġi adottat matul is-Samit.

Cathy Ashton, Rappreżentanta Għolja u Viċi President tal-Kummissjoni, qalet: “It-tisħiħ u l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika huma prijorità ewlenija tal-mandat tiegħi. L-Afrika mhijiex biss benefiċjarja tal-UE, iżda hija wkoll sieħba importanti f’numru ta’ kwistjonijiet ewlenin ta’ interess komuni reġjonali u internazzjonali bħalma huma s-sigurtà reġjonali, fejn naħdmu flimkien fil-ġlieda kontra l-piraterija u nikkoperaw biex inwasslu l-paċi u l-istabbiltà lir-reġjun, u l-governanza globali, bħat-tibdil fil-klima."

Andris Piebalgs, il-Kummissjoni tal-UE għall-Iżvilupp qal: “Tliet snin wara li tnediet Sħubija unika, wasal iż-żmien biex jiġu kkonsolidati r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika, li joffru l-perspettiva ta’ ġejjieni b’aktar prosperità għal 1.5 biljun ruħ fi 80 pajjiż.” “Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm żvilupp fit-tul, se tingħata aktar attenzjoni lil mod kif il-koperazzjoni fl-iżvilupp għandha tgħin fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jiffavorixxu tkabbir inklussiv u sostenibbli. Dan se jgħin biex jitnaqqas il-faqar u biex jiġi kkonfermat id-dinamiżmu politiku u ekonomiku tal-Afrika fix-xena globali.”

Il-kriżi ekonomika, ambjentali u tal-ikel, it-tfaċċar ta’ donaturi ġodda kif ukoll il-qafas istituzzjonali l-ġdid tal-UE jeħtieġu li jsiru aġġustamenti lis-sħubija UE-Afrika. L-Ewropa u l-Afrika se jibnu fuq il-kisbiet tal-Istrateġija Konġunta sabiex iżidu l-impatt tagħha fil-livell globali, f’dak kontinentali u f’dak reġjonali.

L-UE-Afrika: nindirizzaw l-isfidi komuni flimkien

Il-valur miżjud speċifiku tas-Sħubija Afrika-UE huma n-natura politika u l-ambitu wiesa’ tagħha, u l-ħila tagħha li tindirizza kwistjonijiet globali. Se titkompla l-koperazzjoni fi ħdan is-sħubijiet tematiċi differenti sabiex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju; l-indirizzar ta’ theddid għall-paċi u s-sigurtà inkluża ħidma komuni dwar theddid emerġenti bħat-terroriżmu, il-piraterija u diversi tipi ta’ traffikar; il-promozzjoni tal-governanza, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; it-tisħiħ tal-leġittimità u l-effiċjenza tal-istituzzjonijiet multilaterali: u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ħsara ambjentali.

L-UE-Afrika: sħubija orjentata lejn il-ġejjieni

Fid-dawl tad-daqs tal-isfidi li ż-żewġ kontinenti qegħdin jaffaċċjaw, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Isħubija UE-Afrika teħtieġ li tevolvi aktar. Tipproponi li l-koperazzjoni fl-iżvilupp tikkonċentra fuq l-għoti ta’ appoġġ għat-tkabbir inklussiv u sostenibbli fl-Afrika. Fid-deċennju li jmiss, il-koperazzjoni għandha tiffoka fuq attivitajiet b’impatt kbir li jistgħu jinfluwenzaw l-investimenti bl-għan li jitwettaq il-potenzjal enormi tas-sħubija tagħna.

It-tkabbir inklussiv huwa relatat mat-tnaqqis fil-faqar u n-nuqqas ta’ ugwaljanza. L-enfasi tal-koperazzjoni fl-iżvilupp għandu jkun, b’mod partikolari, li jiżgura li jkun hemm popolazzjoni b’saħħitha u b’edukazzjoni tajba, fuq provvista aħjar ta’ servizzi u ta’ infrastruttura, fuq il-ħiliet, l-innovazzjoni u l-intraprenditorjat kif ukoll fuq kwistjonijiet bħall-immigrazzjoni. L-għan huwa li naħdmu flimkien fi sħubija biex nistabbilixxu ambjent li jwassal għall-inkoraġġiment tal-investiment, tal-kummerċ u tal-ħolqien tal-impjiegi.

It-tkabbir sostenibbli huwa relatat mal-iżvilupp ta’ ekonomiji effiċjenti, ekoloġiċi u kompetittivi. L-Afrika għandha potenzjal ta’ enerġija li tiġġedded enormi u li għadu mhuwiex sfruttat – li jmur mill-enerġija mill-ilma, għal dik solari, mir-riħ, ġeotermali u mill-bijomassa – li jista’ jintuża biex jiġi żgurat li miljuni ta’ persuni jkollhom aċċess għall-elettriċità. It-tkabbir sostenibbli jinkludi wkoll koperazzjoni fit-tisħiħ tal-integrazzjoni u l-kummerċ reġjonali fl-Afrika; appoġġ għall-ġestjoni sostenibbli tal-materja prima, bit-trasferiment tal-appoġġ għall-agrikoltura lil bdiewa fuq skala żgħira li joperaw b’mod aktar ekoloġiku; u l-implimentazzjoni ta’ programmi konġunti biex tiġi pprovduta enerġija nadifa liċ-ċittadini kollha.

Il-passi li jmiss

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika se tikkontribwixxi għat-tielet Samit bejn l-Afrika u l-UE li se jseħħ dalwaqt. It-tema ewlenija ta’ “Tkabbir, Investiment u Ħolqien tal-Impjiegi” se sservi ta' sfond għal koperazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti u se tipprovdi d-direzzjoni fit-tul f’dawn l-oqsma. Se jiġi adottat Pjan ta’ Azzjoni konġunt u realistiku li jagħti prijoritajiet lil attivitajiet li għandhom dimensjoni reġjonali, kontinentali jew globali ċara, li għandhom valur miżjud ċar u li għandhom massa kritika ppruvata.

Sfond

Fis-Samit ta’ Lisbona, 80 Kap ta’ Stat u ta’ Gvern mill-Ewropa u mill-Afrika taw bidu għall-Isħubija Strateġika Konġunta bejn l-Afrika u l-UE biex jindirizzaw flimkien interessi komuni u għanijiet strateġiċi, li jmorru lil hinn mill-enfasi tal-politika tradizzjonali tal-iżvilupp. Is-Sħubija UE-Afrika hija l-unika sħubija strateġika ta’ kontinent ma’ kontinent li għandha l-UE. Hemm tmien sħubijiet tematiċi b’segwitu operazzjonali: Il-paċi u s-sigurtà, il-governanza demokratika u d-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ, l-integrazzjoni reġjonali u l-infrastruttura, l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (GħŻM), l-enerġija, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, il-mobbiltà u l-impjiegi; ix-xjenza, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-ispazju.

Għal aktar informazzjoni ara wkoll:

MEMO/10/566

Ara wkoll IP/10/1494 u MEMO/10/565 dwar il-Green Paper: “Il-politika tal-UE għall-iżvilupp b’appoġġ għal tkabbir inklussiv u l-iżvilupp sostenibbli; żieda fl-impatt tal-politika tal-UE għall-iżvilupp”;

il-websajt tas-Sħubija UE-Afrika

http://www.africa-eu-partnership.org/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website