Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tiftaħ dibattitu sabiex jinbidel il-metodu ta' ħidma fil-ġlieda kontra l-faqar

European Commission - IP/10/1494   10/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1494

Brussell, 10 ta’ Novembru 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tiftaħ dibattitu sabiex jinbidel il-metodu ta' ħidma fil-ġlieda kontra l-faqar

Illum il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tal-politika tal-UE dwar l-Iżvilupp. Issa li qed tiffaċċja l-isfida tripla li ġejja mill-kriżijiet tal-ekonomija, tal-ikel u tal- ambjent, imma wkoll il-prestazzjoni b'mod ġenerali inkoraġġanti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-Kummissjoni tixtieq tisma' opinjonijiet dwar kif l-UE tista’ tappoġġa bl-aħjar mod il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tħaffef il-progress tagħhom lejn l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp u anki lilhinn. Filwaqt li tkompli tibni fuq dak li diġà kisbet, il-Kummissjoni qed tipproponi erba' temi għad-dibattitu, billi tiffoka fuq l-impatt tal-għajnuna mill-UE, it-tħaffif ta' tkabbir iktar inklussiv, il-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli, u riżultati dejjiema fil-qasam tal-agrikoltura u tas-sigurtà fil-provvista tal-ikel. Wara l-konsultazzjoni pubblika miftuħa għall-pajjiżi tal-UE u pajjiżi msieħba, il-Kummissjoni fl-2011 se tressaq Komunikazzjoni dwar politika Modernizzata tal-UE dwar l-Iżvilupp.

“L-għajnuna tal-UE għandha tipprovdi għajxien diċenti għal kulħadd, u tagħti lin-nies il-possibilità li jibnu l-futur tagħhom. Iċ-ċittadini tal-UE għadhom impenjati li jappoġġaw l-iktar pajjiżi foqra, u għalhekk jistennew li jkun hemm riżultati konkreti. “Irrid nindirizza dawn l-aspettattivi u niżgura li l-għajnuna tal-UE jkollha impatt għoli u dejjiemi fil-post”, qal Andris Piebalgs, il-Kummissjaru għall-Iżvilupp. “Il-politika tagħna trid tindirizza l-kawżi prinċipali tal-faqar u sservi ta’ katalizzatur biex toħloq kundizzjonijiet għal tkabbir inklussiv fil-pajjiżi msieħba tagħna. Ingħatajt il-mandat li naħdem sabiex jonqos il-faqar u jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-għajnuna mill-UE, li tirrappreżenta iktar minn 50% tal-għajnuna globali. Ninsab konvint li permezz ta’ politika moderna u l-istrumenti xierqa, l-UE se tibdel il-metodu ta’ ħidma u tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jirrankaw fuq medda twila ta' żmien.

Il-Green Paper tfittex li tniedi dibattitu dwar x’inhu l-aħjar metodu biex il-politika tal-UE dwar l-Iżvilupp tiġi addattata għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għall-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni tagħraf li se jkun meħtieġ li jiġu applikati metodi differenti u flessibbli. Madankollu, tqajjem kwistjonijiet rigward erba' objettivi komuni li għandhom jissegwew b'kollaborazzjoni mill-UE u mill-Istati Membri tagħha:

  • Kif għandu jiġi żgurat impatt għoli tal-politika tal-UE għall-Iżvilupp, sabiex kull euro minfuq jissarraf fl-aħjar valur miżjud u valur għall-flus, l-aħjar rendiment u l-aħjar wirt ta’ opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-għajnuna Ewropea għandha tiffoka fuq oqsma fejn jista’ jintwera valur miżjud ċar. Dan għandu jibda billi jiġu identifikati erba’ ħtiġijiet fundamentali: l-iżvilupp uman, inklużi s-saħħa u l-edukazzjoni, u s-sikurezza bħala kundizzjonijiet meħtieġa minn qabel għall-iżvilupp ta' kwalunkwe pajjiż; it-tkabbir u l-inklużjoni soċjali għal impenn dejjiemi. Dan ikopri wkoll l-appoġġ għal tmexxija tajba, il-koordinazzjoni tal-għajnuna u l-koerenza bejn il-politiki.

  • Kif għandu jiġi ffaċilitat iktar, u b'mod iktar inklussiv, it-tkabbir fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħala mezz biex jitnaqqas il-faqar. L-għajnuna biss ma tkunx biżżejjed biex tappoġġa l-kapaċità tal-pajjiżi li jiksbu tnaqqis fir-rata tal-faqar, u t-tkabbir jista’ jkollu effett ta’ multiplikazzjoni permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi u l-protezzjoni soċjali. Tqum il-kwistjoni dwar jekk l-UE għandhiex tikkunsidra Strateġiji Konġunti ġodda għat-Tkabbir Inklussiv bi sħubija mal-gruppi individwali jew reġjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u anki bl-involviment tal-partijiet interessati fis-settur privat. Dawn l-istrateġiji jistgħu jkopru kwistjonijiet ċentrali bħall-iżgurar ta’ qafas legali u regolatorju, aċċess għall-kreditu u għal xogħol diċenti. Dan l-objettiv jittratta wkoll l-aħjar mod ta’ kif il-politika għall-iżvilupp tista’ sservi biex issaħħaħ l-integrazzjoni reġjonali u tiżgura integrazzjoni pożittiva ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kummerċ globali.

  • Kif għandu jiġi promoss l-żvilupp sostenibbli bħala l-mutur għall-progress: l-iżvilupp imsejjes fuq ekonomija li tirispetta l-ambjent m’għandux jitiqies bħala piż, imma fil-verità huwa mutur kbir li jiġġenera l-opportunitajiet. Il-Green Paper tirrifletti dwar kif għandu jiġi żgurat li l-iżvilupp sostenibbli jkun il-parti ċentrali tal-politiki tagħna dwar l-iżvilupp u l-bidla fil-klima sabiex ikun hemm garanzija li l-azzjonijiet fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima jservu wkoll biex itejbu l-potenzjal ta' tkabbir taċ-ċittadini l-iktar foqra tad-dinja. Il-Kummissjoni tqajjem ukoll il-kwistjoni tal-aċċess għall-enerġija, li hija prerekwiżit sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu ħafna mill-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp: mingħajr enerġija ma jistgħux jitħaddmu l-isptarijiet, l-skejjel jew il-produzzjoni agrikola. Il-Kummissjoni tinnota li l-Afrika għandha potenzjal kbir mhux sfruttat ta’ enerġija li tiġġedded, li tista’ tintuża biex tingħata garanzija ta’ aċċess għall-enerġija lil miljuni ta’ persuni. Hija qed tiddiskuti wkoll l-iktar użu xieraq tal-fondi għall-klima, għall-biodiversità u għall-iżvilupp, li ġejjin minn għotjiet u self jew minn taħlita tat-tnejn li huma.

  • Kif se jinkisbu riżultati dejjiema fl-oqsma tal-agrikoltura u tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel. L-iżvilupp u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel jimxu id f’id; l-esperjenza turi li r-riforma agrikola u l-kapaċita li titma l-popolazzjoni ta’ pajjiż huma kundizzjoni minn qabel għal żvilupp iktar wiesa’ u t-tnaqqis tal-faqar. Il-Green Paper tipproponi li l-agrikoltura u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel ikunu l-mezz li bih l-UE tkejjel il-kapaċità tagħha li tipprovdi koperazzjoni ta' impatt għoli u tippromwovi tkabbir inklussiv u li jirrispetta l-ambjent billi tikkonċentra l-isforzi tagħha lejn il-garanzija li meta tingħata l-għajnuna, tiġi kkunsidrata l-katina kollha ta' produzzjoni.

Kuntest

L-Unjoni Ewropea hija l-ikbar donatriċi fid-dinja, billi tikkontribwixxi madwar 56% tal-għajnuna dinjija. Fl-2009 l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha taw total ta' EUR 49 biljun f’għajnuna għall-iżvilupp. L-għajnuna esterna li hija ġġestita mill-Kummissjoni Ewropea ammontat għal EUR 12-il biljun fl-2009. L-Artikolu 208 tat-Trattat ta’ Liżbona jistipula: "(…) Il-politika tal-Unjoni għall-koperazzjoni fl-iżvilupp u dik tal-Istati Membri jikkumplimentaw u jsaħħu lil xulxin. L-objettiv prinċipali tal-politika tal-Unjoni għall-koperazzjoni fl-iżvilupp għandu jkun it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar. L-Unjoni għandha tikkunsidra l-objettivi tal-koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni ta’ politiki li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.”

Għat-test komplet tal-Green Paper u kif ukoll għall-parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni:

http://ec.europa.eu/yourvoice/consultations/index_en.htm

Ara wkoll:

MEMO dwar il-Green Paper: MEMO/10/565

IP u MEMO dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika: IP/10/1495 , MEMO/10/566

Konsultazzjoni pubblika dwar l-Appoġġ għall-Baġit:

http://ec.europa.eu/development/how/consultation/index.cfm?action=viewcons&id=5221


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website