Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/1493

Brussell, l-16 ta' Novembru 2010

Vjaġġar mingħajr funtieri: Il-Kummissjoni tipproponi verifika iktar b'saħħitha tar-rispett tar-regoli Schengen

Fl-UE, iċ-ċittadini jistgħu jivjaġġaw mingħajr kontrolli fil-fruntieri fi ħdan iż-żona Schengen. Iżda l-ostakli għall-moviment liberu, bħaż-żamma tal-ostakli għall-fluss fluwidu tat-trattifku fil-punti tal-qsim fit-toroq fil-fruntieri interni, jibqgħu minħabba li r-regoli Schengen mhux dejjem jiġu applikati kif suppost mill-Istati Membri. Għalhekk il-Kummissjoni tixtieq tivverifika iktar mill-qrib ir-rispett tar-regoli ta' Schengen. Illum il-Kummissjoni adottat proposta ġdida maħsuba biex issaħħaħ il-mekkaniżmu għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni korretta tar-regoli Schengen fl-Istati Membri. Din għandha tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika aħjar il-leġiżlazzjoni relevanti dwar it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni u li tagħmel kontrolli iktar effettivi fi ħdan it-territorju nazzjonali.

Il-Kummissarju Cecilia Malmström, responsabbli għall-Affarijiet Interni, enfasizzat li: "Iż-żona Schengen tagħti lin-nies il-possibbiltà li jivjaġġaw mingħajr kontrolli fil-fruntieri. Iżda biex din is-sistema taħdem, huma meħtieġa applikazzjoni effiċjenti tad-dispożizzjonijiet kollha ta' Schengen kif ukoll grad għoli ta' fiduċja reċiproka fost l-atturi. Iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-moviment liberu biss jekk ir-regoli u r-regolamenti ta' Schengen jiġu applikati b'mod effettiv, konsistenti u trasparenti mill-Istati Membri.

Mekkaniżmu speċifiku ta' evalwazzjoni huwa meħtieġ biex jiġu żgurati kemm il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-kapaċità li jiġu applikati b'mod effettiv u effiċjenti d-dispożizzjonijiet kollha ta' Schengen. Il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni jistabilixxi regoli trasparenti, effiċjenti u ċari dwar il-metodu li għandu jiġi applikat għall-evalwazzjonijiet. B'mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tqis ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen. Il-proposta tkopri l-partijiet kollha tal-kooperazzjoni ta' Schengen, b'mod partikolari l-fruntieri esterni, il-politika dwar il-viża, il-kooperazzjoni tal-pulizija u s-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.

Il-mekkaniżmu l-ġdid isaħħaħ is-sistema attwali ta' spezzjonijiet fuq il-post fl-Istati Membri u jintroduċi żjarat mhux imħabbra biex jiġi żgurat li r-regoli Schengen jiġu applikati kif suppost f'kull ħin. Il-proposta tintroduċi programmi multiannwali ta' evalwazzjoni għaż-żjarat fuq il-post u tipprovdi regoli ċari għas-segwitu tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet.

Il-mekkaniżmu rivedut jirrifletti l-bidliet fis-sitwazzjoni legali wara l-integrazzjoni tar-regoli ta' Schengen fil-qafas tal-UE u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu flimkien dwar din il-proposta.

Sfond

Iż-żona mingħajr fruntieri interni — iż-żona Schengen — ġiet żviluppata fi ħdan qafas intergovernattiv lejn l-aħħar tas-snin 80 u l-bidu tas-snin 90 minn Stati Membri li xtaqu jneħħu l-kontrolli fuq il-fruntieri interni. L-Istati Membri riedu wkoll jimplimentaw miżuri sussidjarji b'dan il-għan, bħal regoli komuni fuq kontrolli ta' fruntieri esterni, politika komuni dwar il-viża, kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja u l-istabbiliment tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS).

Iż-żona Schengen mingħajr konrolli fuq il-fruntieri bħalisssa tikkonsisti f'25 Stat Membru, jiġifieri l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, kif ukoll iż-żewġ pajjiżi assoċjati, l-Islanda u n-Norveġja u, minn Diċembru 2008, l-Isvizzera.

Iż-żona Schengen hija bbażata fuq fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fil-kapaċità tagħom li jimplimentaw b'mod sħiħ il-miżuri sussidjarji li jippermettu t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Pereżempju, kontrolli fil-fruntieri esterni jitwettqu mill-Istati Membri mhux biss biex iħarsu l-interessi tagħhom stess iżda wkoll f'isem l-Istati Membri l-oħra li fihom in-nies jistgħu jivjaġġaw ladarba jkunu qasmu l-fruntieri esterni taż-Żona Schengen.

Is-sistema attwali ta' evalwazzjoni ilha mwaqqfa mill-1999. Hija ma tirriflettix b'mod sħiħ is-sitwazzjoni legali attwali u għandha nuqqasijiet fir-rigward tal-metodoloġija u l-użu ta' analiżi ta' riskju.

Fl-2009, il-Kummissjoni kienet ippreżentat żewġ proposti għar-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni (IP/09/359). Minn dakinhar, l-istruttura istituzzjonali nbidlet bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Għalhekk din il-proposta emendata tirrifletti r-rwol imsaħħaħ tal-Parlament Ewropew filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Istati Membri dwar il-proposta inizjali. Il-proposta tikkonċerna biss il-verifika li l-acquis ta' Schengen huwa applikat kif suppost minn dawk l-Istati Membri li diġà jagħmlu parti miż-żona Schengen. Il-verifika tal-kundizzjoni għad-dħul fiż-żona Schengen għadha taqa' taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-Kunsill. Id-deċiżjoni għad-dħul fiż-żona Schengen tittieħed mill-Kunsill wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Għal aktar informazzjoni

Paġna ewlenija ta' Cecilia Malmström, Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/index_en.htm

MEMO/10/564


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site