Navigation path

Left navigation

Additional tools

Enerġija: Il-Kummissjoni tippreżenta l-istrateġija ġdida tagħha lejn l-2020

European Commission - IP/10/1492   10/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1492

Brussell, l-10 ta' Novembru 2010

Enerġija: Il-Kummissjoni tippreżenta l-istrateġija ġdida tagħha lejn l-2020

Illum, il-Kummissjoni ppreżentat l-istrateġija ġdida tagħha għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u sigura. Il-Komunikazzjoni "Enerġija 2020" tiddefinixxi l-prijoritajiet tal-enerġija għall-għaxar snin li ġejjin u tistipula l-azzjonijiet li se jittieħdu sabiex niffaċċjaw l-isfidi tal-iffrankar tal-enerġija, il-kisba ta' suq bi prezzijiet kompetittivi, u bi proviżjonijiet siguri, l-ixprunar ta' tmexxija teknoloġika, u n-negozjar effettiv mal-imsieħba internazzjonali tagħna.

Il-Kummissarju għall-Eneġija Günther Oettinger qal: "L-isfida tal-enerġija hija waħda mill-akbar sfidi li għandna lkoll: Jista' joħdilna ż-żmien biex inpoġġu s-sistema tal-enerġija tagħna fuq triq ġdida aktar sostenibbli u sigura, iżda jeħtieġ li nieħdu deċiżjonijiet ambizzjużi issa. Biex ikollna ekonomija effiċjenti, kompetittiva, u b'karbonju baxx, jeħtieġ li l-politika dwar l-enerġija tagħna tkun Ewropenizzata, u niffokaw fuq ftit prijoritajiet, iżda li fihom sfidi kbar.

Fil-Komunikazzjoni adottata llum, il-Kummissjoni tidentifika ħames prijoritajiet ewlenin. Abbażi ta' dawn il-prijoritajiet u l-azzjoni ppreżentata, il-Kummissjoni se tfassal inizjattivi leġiżlattivi u proposti konkreti fit-18-il xahar li ġejjin. Din il-komunikazzjoni tistipula wkoll l-aġenda għad-diskussjoni tal-Kapitajiet u l-Gvernijiet tal-Istati Membri, fl-ewwel Summit tal-UE li jmiss dwar l-Enerġija fl-4 ta' Frar 2011.

Iffrankar tal-enerġija

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tiffoka l-inizjattivi tagħha fuq żewġ setturi li għandhom l-akbar potenzjal ta' frankar tal-enerġija: it-trasport u l-bini. Biex tgħin lis-sidien tad-djar u l-entitajiet lokali jiffinanzjaw ir-renovazzjoni u l-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija, il-Kummissjoni se tipproponi inċentivi ta' investiment u strumenti finanzjarji innovattivi sa nofs l-2011. Is-settur pubbliku għandu jikkunsidra l-effiċjenza fl-enerġija meta jkun qed jixtri xogħlijiet, servizzi jew prodotti. Fis-settur industrijali, ċertifikati għal effiċjenza fl-enerġija jistgħu jkunu inċentiv għal kumpaniji li jinvestu f'teknoloġija li tuża anqas enerġija.

Suq PanEwropew tal-enerġija integrat b'infrastruttura

Il-Kummissjoni se tindika data bħala mira għat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija. Sal-2015, l-ebda Stat Membru ma għandu jkun iżolat. Matul l-għaxar snin li ġejjin, neħtieġu investimenti globali fl-infrastruttura tal-enerġija fl-UE ta' EUR 1 triljun. Sabiex il-proġetti strateġiċi, u essenzjali tal-UE jseħħu malajr, il-Kummissjoni tipproponi permessi għal bini iktar sempliċi li jieħdu inqas żmien, l-iffissar ta' skeda massima ta' żmien sal-awtorizzazzjoni finali u l-finanzjament tal-UE. "Punt ta' waqfa waħda" (one-stop shop) għandu jikkoordina t-talbiet għall-permessi kollha biex jitwettaq proġett.

27 Stat, vuċi waħda għall-enerġija fid-dinja

Qed jiġi propost li l-UE tikkoordina l-politika tagħha dwar l-enerġija vis- à -vis pajjiżi terzi, speċjalment fir-relazzjoni tagħha ma' msieħba ewlenin. Fi ħdan il-politika tal-viċinat, il-Kummissjoni tipproponi li testendi u ssaħħaħ it-Trattat dwar l-Enerġija tal-Komunità biex tkompli tintegra pajjiżi li jixtiequ jipparteċipaw fis-suq tal-enerġija tal-UE. Tħabbret ukoll kooperazzjoni ewlenija mal-Afrika, li għandha l-għan li tipprovdi enerġija sostenibbli għaċ-ċittadini kollha ta' dan il-kontinent.

L-Ewropa tmexxi t-teknoloġija u l-innovazzjoni tal-enerġija

Se jkunu varati erba' proġetti ewlenin f'oqsma prijoritorji għall-kompetittività tal-Ewropa, bħal teknoloġiji ġodda għal netwerks intelliġenti, u l-ħżin tal-elettriku, riċerka dwar bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni, u s-sħubija ta' 'bliet intelliġenti' biex tippromwovi l-iffrankar tal-enerġija f'żoni urbani.

Enerġija sikura, sigura u bi prezz li jintlaħaq permezz ta' konsumaturi attivi

Il-Kummissjoni tipproponi miżuri ġodda għat-tqabbil ta' prezzijiet, it-tibdil tal-fornituri, u għal kontijiet trasparenti.

Sfond:

Il-miri għall-enerġija tal-UE ġew inkorporati fl-"Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv", kif adottata mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2010. B'mod partikolari, l-UE għandha l-għan li tikseb miri ambizzjużi għall-enerġija u t-tibdil fil-klima għall-2020: tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra b' 20 %, iżżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli b'20 % u tikseb titjib ta' 20 % fl-effiċjenza tal-enerġija.

Aktar tagħrif:

Għal aktar tagħrif dwar l-Istrateġija Enerġija 2020 jekk jogħġbok ara: http://ec.europa.eu/energy/strategies/2010/2020_en.htm

Aktar tagħrif dwar il-konsultazzjoni pubblika lejn strateġija tal-Enerġija 2020 ara: http://ec.europa.eu/energy/strategies/consultations/2010_07_02_energy_strategy_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website