Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1490

Brussell, l-10 ta' Novembru 2010

Il-Kummissjoni tfassal l-għażliet għall-politika ta' koeżjoni għall-ġejjieni

Il-Ħames Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali ppubblikat illum juri li l-politika ta' koeżjoni tal-UE tat kontribut sinifikat lit-tkabbir u lill-prosperità u lill-promozzjoni tal-iżvilupp ibbilanċjat mal-UE kollha. Madankollu, fid-dawl tal-iżviluppi sostanzjali ekonomiċi u soċjali matul dawn l-aħħar snin, din il-linja politika issa jkollha tilqa' sfidi ġodda. Fil-kuntest usa' tar-reviżjoni tal-baġit tal-UE, ir-rapport jenfasizza li l-investimenti fil-politiki ta' koeżjoni fil-ġejjieni jridu jkunu konformi mill-qrib mal-għanijiet ta' Europa 2020. Jipproponi wkoll l-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet aktar stretti kif ukoll inizjattivi biex ikun żgurat l-użu effettiv tal-fondi ddedikati għall-politika ta' koeżjoni u aktar enfasi fuq ir-riżultati.

Waqt li ressaq ir-rapport, il-Kummissjarju tal-Politika Reġjonali tal-UE, Johannes Hahn stqarr li: "Dan ir-rapport juri kif il-politika ta' koeżjoni kellha impatt qawwi fuq l-ekonomija Ewropea, waqt li naqqset id-differenzi ekonomiċi u ppromwoviet l-iżvilupp ambjentali u soċjali. Biex niżguraw aktar valur għall-flejjes minfuqa, jeħtieġ li nagħmlu din il-linja politika aktar effettiva, billi nwasslu riżultat konkret u li jista' jitkejjel. Jeħtieġ li nonfqu b'mod aktar intelliġenti, li niffukaw fuq l-ogħla prijoritajiet tal-UE u li nżidu valur viżibbli ma' dak kollu li l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali qegħdin jagħmlu diġà. Is-sejbiet ta' dan ir-rapport u l-konsultazzjoni li għandha ssegwi għandhom jgħinuna inħejju linja politika ta' koeżjoni li hija aktar adattata għall-qagħda ekonomika preżenti.

Lázsló Andor, il-Kummissarju tal-UE għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni stqarr: "Il-politika ta' koeżjoni kellha rwol kruċjali fit-trattament tal-kriżi ekonomika u l-Fond Soċjali Ewropew għen b'mod partikolari biex inaqqas l-impatt tal-kriżi fuq il-ħaddiema u fuq in-negozji ż-żgħar.." Żid jgħid ukoll: "Aktar minn qatt qabel, l-FSE għandu jitpoġġa għas-servizz ta' inizjattiva Ewropea ġenwina għall-impjiegi, biex jgħin lill-persuni jsibu xogħol malajr. Il-politika ta' koeżjoni se tkun kruċjali għall-kisba tal-miri tal-impjiegi u tal-miri soċjali fl-UE bħala parti mill-istrateġija l-ġdida Ewropa 2020."

Ir-rapport jippreżenta evalwazzjoni estensiva tal-qagħda u tax-xejriet ekonomiċi, soċjali u ambjentali fir-reġjuni tal-UE u jfassal għadd ta' għażliet differenti għall-adattament tal-politika wara l-2013. Juri kif il-politika ta' koeżjoni kienet ta' benefiċċju fir-reġjuni kollha kemm permezz ta' investimenti diretti u benefiċċji kummerċjali indiretti, kif ukoll permezz ta' prijoritajiet ta' appoġġ mal-UE kollha bħall-ħarsien tal-ambjent u r-riċerka u l-innovazzjoni.

Il-valutazzjonijiet juru li bejn is-sena 2000 u l-2006, l-investiment mill-politika ta' koeżjoni:

  • għen fil-ħolqien ta' madwar 1,4 miljun impjieg ġdid, fl-appoġġ għall-azjendi ż-żgħar u tejjeb ir-riċerka

  • offra opportunitajiet ta' taħriġ ta' valur lil miljuni ta' nisa, liż-żgħażagħ, lil persuni vulnerabbli fis-soċjetà u lil persuni qiegħda u għen lil madwar 2 miljun benefiċjarju ta' taħriġ kull sena biex isibu xogħol ieħor

  • immodernizza r-rabtiet tat-trasport, waqt li appoġġja l-bini jew it-titjib ta' eluf ta' kilometri ta' toroq u ta' linji tal-ferroviji kif ukoll il-modernizzazzjoni tal-portijiet u l-ajruporti

  • tejjeb il-kundizzjonijiet ambjentali għal miljuni ta' Ewropej billi l-kwalità tal-ilma għax-xorb u t-trattament tal-ilma tal-iskart laħqu l-istandards tal-UE

Madankollu, minkejja dawn il-kisbiet, għadhom jeżistu differenzi ekonomiċi kbar bejn ir-reġjuni. Ir-rapport jiżvela differenzi reġjonali kbar f'ċerti oqsma, mill-produttività għar-rati ta' mwiet tat-trabi u l-vulnerabbiltà għall-bidla fil-klima. Waqt li jfassal fuq il-lezzjonijiet miksuba mill-perjodi ta' programmar attwali u ta' qabel kif ukoll fuq diskussjonijiet b'medda wiesgħa ta' partijiet interessati, ir-rapport jagħmel sensiela ta' proposti għar-riforma f'din il-linja politika.

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja write l-importanza tal-ħtieġa għal politika li tinvesti fil-kompettittività tar-reġjuni kollha kif ukoll li jitkompla l-appoġġ għall-iżvilupp f'dawk li jinsabu lura. Ir-rapport, li ħabat mal-eżaminar usa tan-nefqa totali tal-UE, jenfasizza li l-finanzjament fil-ġejjieni għandu jiffoka fuq għadd limitat ta' prijoritajiet skont il-miri stipulati fl-istrateġija Ewropa 2020 biex jinkiseb "tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv". Waqt li jenfasizza l-benefiċċji tat-tfassil tal-fondi biex jissodisfa l-ħtiġijiet nazzjonali u reġjonali ta' żvilupp, huwa jiftaħ dibattitu dwar kif l-arkitettura globali tal-politika ta' koeżjoni tista' tiżgura li kull fond jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-kisba tal-miri tal-politika ta' Ewropa 2020. Ir-rapport jargumenta li ċ-ċikli ta' ippjanar u maniġment tal-politika ta' koeżjoni għandhom jitfasslu mill-ġdid biex ikun assigurat li dawn il-miri jiġu tradotti fi prijoritajiet ta' investiment.

Biex isir dan, il-Kummissjoni qed tipproponi li jkun stabbilit qafas strateġiku globali komprensiv li jiddeskrivi l-prijoritajiet, il-miri u r-riformi meħtieġa biex ikun massimizzat l-impatt tal-investiment tal-koeżjoni. Kuntratt bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jlaħħam kif dawn il-prijoritajiet jitwettqu waqt li jibni fuq il-Programmi ta' Riforma Nazzjonali futuri tal-pajjiżi. Dan ikun jinkludi l-issettjar ta' miri ċari u li jistgħu jitkejlu u enfasi fuq l-importanza ta' koordinazzjoni nazzjonali ta' finanzjament minn sorsi differenti tal-UE biex ikun assigurat twettiq effettiv u riżultati viżibbli.

Idea oħra li ssemmiet hija li jkunu offruti inċentivi biex l-implimentazzjoni tal-programmi ta' koeżjoni jkunu effiċjenti u ambizzjużi kemm jista' jkun. Perċentwali tal-finanzjament tal-koeżjoni jista' jitwarrab mal-ġenb u jkun disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali skont il-kwalità u l-progress tal-programmi li huma jippreżentaw. Ir-rapport jipproponi wkoll ideat biex tkun issimplifikata s-sistema ta' twettiq billi titnaqqas il-burokrazija u titjieb l-evalwazzjoni, il-prestazzjoni u r-riżultati permezz ta' ffissar ta' miri b'mod iktar effettiv.

Tagħrif ġenerali

Il-pubblikazzjoni ta' dan ir-rapport jimmarka t-tnedija tal-proċess ta' konsultazzjoni pubblika li se tibqa' għaddejja sal-31 ta' Jannar. Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna biex jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom dwar il-kwistjonijiet differenti msemmija fil-konklużjonijiet tal-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni li jinsab onlajn:

http://ec.europa.eu/regional_policy/consultation/index_en.htm

Biex taqra r-rapport sħiħ ara hawnhekk:

http://ec.europa.eu/regional_policy/cohesion_report

Il-Ħames Forum dwar il-Koeżjoni li se jsir fi Brussell fil-31 ta' Jannar u l-1 ta' Frar 2011 se jipprovdi opportunità oħra biex ikunu diskussi l-orjentazzjonijiet u l-għażliet ippreżentati fir-rapport. Sas-sajf 2011 il-Kummissjoni se tippreżenta proposti leġiżlattivi formali dwar il-politika tal-koeżjoni futura wara l-adozzjoni tal-proposti dwar il-baġit il-ġdid tal-UE.

Aktar informazzjoni dwar il-politika reġjonali tinsab fuq:

http://ec.europa.eu/regional_policy/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website