Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1489

Brussell, l-10 ta’ Novembru 2010

It-teħid ta' Azzjoni globali għal tkabbir ibbilanċjat: Il-Presidenti Barroso u Van Rompuy fis-summit tal-G20 f'Seoul mill-11 sat-12 ta' Novembru

Qatt daqs illum in-nies ma ħassew daqstant fil-pajjiż tagħhom stess l-effetti tad-deċiżjonijiet ekonomiċi u l-iżviluppi li ttieħdu f'pajjiż ieħor. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika esponiet l-interdipendenza u l-vulnerabbiltajiet tagħna. Matul il-laqgħa li ġejja f'Seoul għall-mexxejja tal-G20, il-"forum ewlieni għall-kooperazzjoni ekonomika internazzjonali", l-Unjoni Ewropea se tagħmel sforz biex twassal il-koordinazzjoni li teħtieġ l-ekonomija dinjija għal tkabbir sod u bbilanċjat. Dan se jeħtieġ azzjoni kooperattiva minn kulhadd.

Il-President Barroso stqarr: "Is-sostenn tal-irkupru u t-tfassil tal-pedamenti għal tkabbir sod u iktar ibbilanċjat jibqa' sfida politika sinifikanti. Hekk kif nidħlu f'fażi ekonomika ġdida, hemm ir-riskju li l-momentum għal azzjoni kooperattiva jonqos. Irnexxilna b'suċċess fl-ewwel stadju u salvajna l-bastiment mill-għarqa. Issa rridu nwassluh fil-port. Jien nilqa' b'mod partikolari l-fatt li l-G20 issa se żżid kwistjonijiet ta' żvilupp mal-aġenda, u nittama li s-summit jagħti orjentazzjoni ċara fin-Negozjati dwar l-Iżvilupp tal-Kummerċ ta' Doha."

Il-President Van Rompuy enfasizza: "Il-G20 biddel l-attenzjoni mir-reazzjoni immedjata għall-kriżi għal koordinazzjoni ekonomika globali fuq terminu itwal. B'aġenda ambizzjuża, is-Summit ta' Seoul se jkun test reali ta' twettiq għall-G20 biex ikun il-forum ewlieni globali għall-kooperazzjoni ekonomika internazzjonali. Aħna fiduċjużi li jista' joħroġ lill-ekonomija globali barra mill-kriżi u jsib soluzzjonijiet kooperattivi għal tensjonijiet reċenti. L-aspettativi għal Seoul huma għolja - għall-kredibbiltà tal-G20 u għal kull wieħed mill-membri tiegħu. Dak li jiġi miftiehem f'Seoul se jħejji t-triq għall-futur."

Il-kwistjonijiet ewlenin għas-Summit ta' Seoul se jkunu l-implimentazzjoni tal-Qafas għal tkabbir sod, stabbli u sostenibbli, l-approvazzjoni u l-iżvilupp tar-riforma tal-Fond Monetarju Internazzjonali, iż-żamma tal-momentum għar-riforma finanzjarja regolatorja u l-għoti ta' impetu politiku għall-konklużjoni rapida tan-Negozjati ta' Doha u konferenza ta' Cancún dwar il-klima li tirnexxi. L-iżvilupp se jkun fuq l-aġenda tal-G20 għall-ewwel darba, u għandu jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fi spirtu ta' kooperazzjoni fost l-ekonomiji avvanzati u dawk emerġenti.

F'ittra konġunta tal-5 ta' Novembru lill-mexxejja l-oħra tal-G20, il-President Barroso u l-President Van Rompuy kienu spjegaw l-opinjonijiet tagħhom dwar dawn il-kwistjonijiet ewlenin fuq l-aġenda tal-G20.

Iż-żewġ Presidenti jappellaw lill-G20 biex "jagħraf li l-iżbilanċji ekonomiċi huma tħassib komuni, u li l-ekonomiji ewlenin kollha għandhom jagħmlu l-parti tagħhom biex jiksbu bilanċ mill-ġdid." Huma jipproponu li jintużaw "żbilanċi f'kontijiet kurrenti bħala indikatur biex issir evalwazzjoni tal-kawżi oriġinali possibbli ta' tfixkil għall-aġġustamenti", filwaqt li rreferew għall-mekkaniżmu intern ta' allarm tal-UE għall-intraċċar ta' żbilanċi ekonomiċi. Huma jappellaw ukoll għal "impenn politiku ċar għal soluzzjonijiet kooperattivi u sostenibbli għat-tensjonijiet attwali fis-swieq tal-valuti, biex ir-rati tal-kambju jiġu alinjati mal-prinċipji fundamentali tas-swieq u biex ma ssirx l-iżvalutazzjoni kompetittiva tal-valuti. Il-membri tal-G20 għandhom jikkunsidraw l-effetti possibbli fuq is-sħab tagħhom kif ukoll fuq l-ekonomija globali u jonqsu minn azzjonijiet li jistgħu jkollhom effetti negattivi."

Sfond

Fis-summit tal-G20, l-Unjoni Ewropea se tkun irrappreżentata mill-President tal-Kummissjoni José Manuel Barroso u mill-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy.

L-Unjoni Ewropea hija membru sħiħ tal-G20, flimkien ma' 19-il pajjiż: l-Arġentina, l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, l-Indja, l-Indoneżja, l-Italja, il-Ġappun, il-Messiku, ir-Russja, l-Arabja Sawdija, l-Afrika t'Isfel, il-Korea t'Isfel, it-Turkija, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.

Il-presidenza Koreana tal-G20 stiednet ukoll bosta organizzazzjonijiet internazzjonali u dawn il-ħames pajjiżi: L-Etjopja (presidenza tas-Sħubija l-Ġdida għall-Iżvilupp tal-Afrika NEPAD), il-Malawi (presidenza tal-Unjoni Afrikana), is-Singapor (presidenza tal-Grupp ta' Governanza Globali). Spanja u l-Vjetnam (presidenza tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja ASEAN).

L-UE tirrappreżenta 7% tal-popolazzjoni dinjija u 30% tal-PGD u hija kemm l-ikbar esportatur fid-dinja kif ukoll l-ikbar importatur ta' oġġetti u servizzi fid-dinja.

Is-Summit jibda filgħaxija b'diskussjoni matul l-ikel dwar il-ħarsa ġenerali u l-Qafas għal tkabbir sod, ibbilanċjat u sostenibbli li l-mexxejja se jkomplu jiddiskutu fis-sessjoni plenarja fl-ewwel sessjoni ta' filgħodu l-għada. Wara jindirizzaw ir-riforma tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u t-tisħiħ tal-Miżuri Finanzjarji Prekawzjonarji Globali, u f'sessjoni separata l-Aġenda G20 tal-Iżvilupp il-ġdida. Din tiġi segwita minn diskussjoni f'nofsinhar waqt l-ikel l-ewwel fuq il-kummerċ (Doha u protezzjoniżmu) u mbagħad fuq it-tibdil fil-klima (Cancún u t-tkabbir ekoloġiku). Wara nofsinhar, il-mexxejja se jindirizzaw ir-riforma finanzjarja regolatorja u l-aġenda G20 futura (kwistjonijiet relatati mal-enerġija: sussidji għall-fjuwils fossili, il-volatilità fil-prezzijiet taż-żejt u l-protezzjoni marittima; u l-antikorruzzjoni). Ftit qabel il-G20, il-President Barroso se jattendi s-Summit dwar in-Negozju, fejn jintroduċi u jippresedi diskussjoni madwar il-mejda dwar ir-Responsabbiltà Korporattiva Soċjali.

Għal iktar informazzjoni

Aqra l-ittra konġunta tal-5 ta' Novembru 2010 tal-Presidenti Barroso u Van Rompuy lill-mexxejja G20

Website tal-President Barroso

Segwi t-tim tal-istampa tal-President fuq Twitter


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website