Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tadotta Pakkett dwar it-Tkabbir tal-2010

European Commission - IP/10/1485   09/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1485

Brussell, 9 ta’ Novembru 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tadotta Pakkett dwar it-Tkabbir tal-2010

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pakkett tat-Tkabbir tagħha. Dan jippreżenta l-valutazzjoni annwali tal-Kummissjoni tal-aġenda tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea. Din tagħti deskrizzjoni ġenerali tal-qagħda attwali tat-tħejjijiet, l-isfidi tal-ġejjieni, u t-triq 'il quddiem għall-Balkani tal-Punent, it-Turkija u l-Islanda. Il-Kummissjoni tipproponi Status ta' Kandidat għall-Montenegro, u tirrakkomanda li jinfetħu n-negozjati dwar l-adeżjoni mal-Montenegro u l-Albanija meta dawn il-pajjiżi jilħqu numru ta' prijoritajiet ewlenin stabbiliti fl-opinjonijiet. Il-Kummissjoni tikkonferma li l-Kroazja dieħla fil-fażi finali tat-tħejjijiet tagħha għall-adeżjoni.

Filwaqt li ppreżenta l-pakket annwali għat-tkabbir, il-Kummissarju Füle qal: "Il-politika tat-tkabbir tippermetti lill-UE li taffaċċja l-isfidi ta' dinja multi-polari li qed tinbidel il-ħin kollu, fejn irridu nkomplu nipproġettaw is-sistema tagħna bbażata fuq il-valuri lil hinn mill-fruntieri. Unjoni li għal darba oħra tibni l-kooperazzjoni bejn eks rivali, filwaqt li tħaddan l-ogħla standards tad-drittijiet tal-bniedem, ikollha s-setgħa meħtieġa biex tifforma d-dinja ta' madwarha, minflok tiġi fformata mid-dinja."

Hekk kif it-Trattat ta' Lisbona jneħħi l-intoppi istituzzjonali u joħloq l-opportunità għal implimentazzjoni konġunta tal-għodod kollha tal-affarijiet barranin (il-PESK u l-għodod tal-komunità), l-aġenda tat-tkabbir tista' tkompli timxi 'l quddiem. In-negozjati mal-Kroazja waslu fil-fażi finali tagħhom, filwaqt li n-negozjati mat-Turkija avvanzaw, minkejja li b'pass bil-mod. Tnedew in-negozjati dwar l-adeżjoni mal-Islanda u l-applikazzjoni tas-Serbja għas-sħubija fl-UE qed tiġi proċessata. Il-Kummissjoni ppreżentat l-Opinjonijiet tagħha dwar l-applikazzjonijiet għas-sħubija tal-Albanija u l-Montenegro. Il-Kummissjoni ġeddet ir-rakkomandazzjoni tagħha tal-2009 li n-negozjati dwar l-adeżjoni ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Meċedonja għandhom jinfetħu, u kkonfermat mill-ġdid il-perspettiva Ewropea għall-Bosnja-Ħerzegovina u għall-Kosovo1.

L-isforzi tar-riforma fil-pajjiżi tat-tkabbir diġà bdew iġibu benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini tagħhom. Iċ-ċittadini tal-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina dalwaqt se jkunu liberi li jidħlu fl-UE mingħajr il-bżonn ta' viża. Is-Serbja, il-Montenegro u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja diġa bbenefikaw minn vjaġġar mingħajr il-bżonn ta' viża matul l-aħħar sena. Madwar ir-reġjun tat-tkabbir, ħafna ekonomiji qed jissaħħu minkejja l-kriżi globali; il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali qed joqorbu dejjem aktar għal-livelli tal-UE; u l-kompetizzjoni reġjonali qed tagħmel avvanzi sinifikanti. Il-paċi u l-istabbiltà ġew konsolidati, u bbenefikaw minn dan mhux biss ir-reġjun innifsu, imma l-Ewropa kollha kemm hi.

Għall-kandidati u l-kandidati potenzjali, it-tħejjijiet ebsin għas-sħubija jeħtieġu proċess ta' riforma profonda. Għad fadal għadd ta' sfidi, l-aktar importanti fosthom huma l-governanza tajba, l-istat tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni. Kundizzjoni ewlenija tibqa' kooperazzjoni sħiħa mal-ICTY għall-proċess sħiħ ta' adeżjoni ta' għadd ta' pajjiżi. Id-diplomazija kostruttiva hija meħtieġa biex tipprevjeni li kwistjonijiet bilaterali jtellfu l-proċess ġenerali tal-adeżjoni.

"Il-politika tat-tkabbir tal-UE tipprovdi eżempju eċċellenti dwar kif l-isfidi serji fil-viċinat tagħna nistgħu ndawruhom f'opportunitajiet għal Ewropa aktar sikura u prospera," żied il-Kummissarju Füle. "Biex niksbu suċċess, irridu nżommu dan il-proċess kredibbli. Għall-UE, il-kredibbiltà tfisser li l-perspettiva tal-adeżjoni tiġi offruta fuq il-bażi ta' kundizzjonalità stretta u rigoruża. Għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, dan jinvolvi li jwettqu riformi li huma mfassla biex iqarrbuhom għall-istandards u l-liġijiet tal-UE, kif ukoll ta' perspettiva kredibbli tal-UE."

TABELLA TAL-PAJJIŻI

- IL-KROAZJA: pajjiż kandidat - applikat fl-2003. 25 minn 35 kapitlu ġew magħluqa b'mod proviżorju. In-negozjati għall-adeżjoni laħqu l-fażi finali u għandhom jiġu konklużi ladarba l-Kroazja tilħaq il-livelli tal-għeluq pendenti, b'mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali.

- IT-TURKIJA: pajjiż kandidat - applikat fl-1987. 13-il kapitolu huma miftuħa u 1 ingħalaq proviżorjament. Implimentazzjoni sħiħa tal-obbligi taħt l-Unjoni Doganali u programm lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet ma' Ċipru huma meħtieġa qabel mal-pajjiż jista' javvanza aktar fin-negozjati għall-adeżjoni.

- L-ISLANDA: pajjiż kandidat – applikat għas-sħubija fl-2008 u fetħet in-negozjati f'Lulju tal-2010. Il-proċess tal-iskrining wasal biex jibda. Minħabba li l-Islanda hija diġà membru taż-ŻEE u taż-żona ta' Schengen, parti kbira tal-leġiżlazzjoni tagħha hija diġà allinjata ma' dik tal-UE.

- DIK LI KIENET IR-REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA: pajjiż kandidat - applikat fl-2004. Dan il-pajjiż ikompli jissodisfa b'mod suffiċjenti l-kriterji politiċi u l-Kummissjoni ġeddet ir-rakkomandazzjoni tagħha tal-2009 għall-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni. Minħabba li hija meħtieġa deċiżjoni unanima mill-Istati Membri biex jibdew in-negozjati, hija essenzjali soluzzjoni negozjata u aċċettata b'mod reċiproku dwar il-kwistjoni tal-isem.

- IL-MONTENEGRO: kandidat potenzjali - applika fl-2008. Fl-opinjoni tagħha l-Kummissjoni tirrakkomanda l-Istatus ta' Kandidat, u l-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni, jekk isir progress f'numru ta' oqsma ewlenin kif stabbilit fl-opinjoni.

- L-ALBANIJA: kandidat potenzjali - applikat fl-2009. Fl-opinjoni tagħha l-Kummissjoni tirrakkomanda l-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni, jekk isir progress f'numru ta' oqsma ewlenin kif stabbilit fl-opinjoni.

- IS-SERBJA: kandidat potenzjali - applikat fl-2009. Fil-25 ta' Ottubru tal-2010 il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali ppreżenta l-applikazzjoni tas-Serbja lill-Kummissjoni, li se tibda tħejji l-Opinjoni tagħha.

- IL-BOSNIJA-ĦERZEGOVINA: kandidat potenzjali - għadha m'applikatx għas-sħubija fl-UE; in-nuqqas ta' qbil dwar viżjoni politika komuni mill-mexxeja politiċi għad-direzzjoni li għandu jieħu l-pajjiż komplew jibblukkaw ir-riformi ewlenin u aktar progress lejn l-UE.

- IL-KOSOVO2: kandidat potenzjali - għadu m'applikax għas-sħubija fl-UE. L-UE tappoġġja l-isforzi tal-Kosovo biex jissodisfa l-perspettivi Ewropej tiegħu u nediet id-djalogu tal-Proċess ta' Stabbiltà u Assoċjazzjoni f'Jannar. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi progammi relevanti tal-Unjoni.

Għal iktar tagħrif żur:

http://ec.europa.eu/enlargement/press_corner/key-documents/reports_nov_2010_en.htm

1 :

2 :


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website