Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1484

Brussell, id-9 ta' Novembru 2010

L-UE tfassal aġenda politika assertiva għall-kummerċ għall-ħames snin li ġejjin

Ilum il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet il-pjan dettaljat tagħha għal politika kummerċjali biex tgħin tirrivitalizza l-ekonomija tal-Ewropa. Fid-dokument ta' diskussjoni tagħha Trade, Growth and World Affairs, il-Kummissjoni tanalizza kif il-kummerċ huwa magna għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Dan jipproponi strateġija biex jitnaqqsu l-ostakli kummerċjali, jinfetħu s-swieq globali u jinkiseb trattament ġust għan-negozji Ewropej. L-għan wiesgħa hu li jittieħed pass aktar assertiv biex ikun żgurat li l-benefiċċji tal-kummerċ jilħqu ċ-ċittadini Ewropej.

"Il-kummerċ qed jaħdem favur l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa billi jkunu żgurati t-tkabbir u l-impjiegi," qal il-Kummissarju għall-Kummerċ tal-UE, Karel De Gucht. "Strateġija kummerċjali rinnovata se tiftaħ is-swieq u tgħaqqad l-Ewropa mas-sorsi ewlenin u r-reġjuni tat-tkabbir globali. L-għan hu li jkun żgurat li n-negozji Ewropej jiksbu trattament ġust u li drittijietna jiġu rispettati sabiex kollha kemm aħna ngawdu l-benefiċċji tal-kummerċ."

Id-dokument jippreżenta l-benefiċċju triplu tal-kummerċ għall-Ewropa: tkabbir ekonomiku isħaħ, aktar impjiegi u għażla akbar għall-konsumatur bi prezzijiet aktar baxxi.

Il-Kummissjoni tippjana li tuża l-politika kummerċjali biex tgħin il-ħruġ mill-kriżi preżenti u biex toħloq l-ambjent ġust għal ekonomija b'saħħitha tal-UE. Speċifikament, il-Kummissjoni tipproponi:

  • li tlesti l-aġenda ambizzjuża tagħha tan-negozjati fid-WTO u ma' sħab kummerċjali ewlenin bħalma huma l-Indja u l-Mercosur. it-tlestija ta' din l-aġenda se tkabbar il-PGD Ewropew b'aktar minn wieħed perċentwali fis-sena;

  • li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ma' sħab strateġiċi oħra, bħalma huma l-Istati Uniti tal-Amerika, iċ-Ċina, ir-Russja u l-Ġappun, fejn il-fokus ewlieni se jkun li jkunu ttrattati l-ostakli mingħajr tariffi għall-kummerċ;

  • li tgħin lin-negozji Ewropej ikollhom aċċess għal swieq globali bit-twaqqif ta' mekkaniżmu li jsewwi l-bilanċ bejn swieq miftuħa fl-UE (pereżempju fix-xiri pubbliku) u swieq aktar magħluqa mas-sħab kummerċjali tagħna;

  • li tibda tinnegozja dispożizzjonijiet ta' investiment komprensivi ma' x'uħud mis-sħab kummerċjali ewlenin tagħna;

  • li tiżgura li l-kummerċ hu ġust, u li drittijietna jissaħħu kif inhu xieraq, biex wegħda fuq karta tinqaleb f'benefiċċji konkreti;

  • li tiżġura li l-kummerċ jibqa' inklussiv sabiex il-benefiċċji jmorru għand il-ħafna u mhux għand il-ftit. Aħna se ngħidu fid-dettall kif il-kummerċ jista' jkompli jsostni l-iżvilupp hekk kif waqqafna qafas ġdid ta' regoli għall-preferenzi kummerċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Dawn il-prijoritajiet jirriflettu t-tħassib tan-nies fl-UE kollha. Stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar il-kummerċ internazzjonali, maħruġ illum ukoll, juri li żewġ terzi taċ-ċittadini Ewropej iħossu li l-UE bbenefikaw mill-kummerċ internazzjonali. Il-maġġoranza hija kunfidenti li l-prodotti u s-servizzi Ewropej jistgħu jikkompetu b'suċċess fis-suq globali.

Sfond

Id-dokument ta' diskussjoni hu akkumpanjat minn żewġ dokumenti oħra. Rapport dwar Progress achieved on the Global Europe strategy 2006-2010 jagħti ħarsa lejn il-progress li sar f'dawn l-aħħar ħames snin fil-kisba ta' aktar ftuħ kummerċjali bejn l-UE u s-sħab kummerċjali tagħha. Dokument ta' ħidma Trade as a driver of prosperity juri l-kontribuzzjoni li l-kummerċ sostenibbli, onest u inklussiv jista' jagħmel lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, u jeżamina l-ostakli l-aktar iimportanti li baqa' għall-prodotti, is-servizzi u l-investiment.

Konsultazzjoni pubblika dwar il-politika kummerċjali tal-UE għenet fl-identifikazzjoni ta' grupp kbir ta' partijiet interessati u għamlet kontribuzzjonijiet importanti lill-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru sar permezz ta' intervisti ma' 26,635 ċittadin tal-UE fis-27 Stat Membru tal-UE bejn is-26 ta' Awwissu u s-16 ta' Settembru 2010.

Għal aktar informazzjoni

Għall-Komunikazzjoni Trade, Growth and World Affairs u d-Dokumenti ta' Ħidma tal-Istaff li jakkumpanjawha Trade as a Driver of Prosperity u Progress achieved on the Global Europe strategy 2006-2010.

http://ec.europa.eu/trade/trade-growth-and-jobs/

Ġabra qasira tal-isħarriġ tal-Eurobarometer dwar il-kummerċ internazzjonali:

http://ec.europa.eu/trade/trade-growth-and-jobs/public-opinion/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website