Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea ssejjaħ għal azzjoni rapida biex tindirizza drogi ġodda, "highs legali" u r-rotot tat-traffikar

European Commission - IP/10/1483   09/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1483

Brussell, id-9 ta’ Novembru 2010

Il-Kummissjoni Ewropea ssejjaħ għal azzjoni rapida biex tindirizza drogi ġodda, "highs legali" u r-rotot tat-traffikar

L-UE għamlet progress fit-tnaqqis tal-użu tad-droga u t-traffikar tul dawn l-aħħar 18-il xahar. Il-Kummissjoni qed taġixxi biex twaqqaf l'hekk-imsejħa "highs legali", billi pproponiet fl-20 ta' Ottubru projbizzjoni fl-UE kollha fuq il-mephedrone, droga simili għall-ecstasy li hija diġà illegali f'15-il Stat Membru (ara IP/10/1355). Sar progress importanti wkoll fl-imblukkar tal-importazzjonijiet tal-kokaina u l-eroina. Madankollu, jeħtieġ iktar xogħol biex titrażżan iż-żieda fl-imwiet relatati mal-kokaina u l-ħruġ ta' drogi ġodda u rotot ta' traffikar transkonfinali. Dawn huma l-konklużjonijiet ewlenin tal-ewwel reviżjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi 2009-2012, ippubblikati llum. Kull sena, bejn 6,500 u 7,000 persuna fl-UE tmut minħabba droga eċċessiva. Bejn 25 u 30 miljun Ewropew huma meqjusa li ħadu xi tip ta' droga illeċita matul l-aħħar sena, inkluż 4 miljun li ħadu l-kokaina. Kien hemm 1,000 mewta relatata mal-kokaina.

"L-abbuż tad-droga u reati relatati jaffettwaw il-ħajja ta' miljuni ta' Ewropej. Minkejja li sar progress inkoraġġanti, jeħtieġ li naħdmu iktar biex innaqqsu d-danni kkawżati mid-drogi u nirreaġixxu malajr għal sustanzi ġodda li jidħlu fis-suq," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Nappella lill-gvernijiet tal-UE biex ikomplu l-prevenzjoni tad-drogi u s-servizzi ta' trattament fil-kuntest tal-kriżi ekonomika, li tista' taggrava s-sitwazzjoni tad-drogi fl-UE."

Ir-rapport tal-Kummissjoni li ħareġ illum jirrevedi l-progress li sar taħt il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi (2009-2012) matul l-2009 u l-ewwel nofs tal-2010. Is-sejbiet tar-rapport huma bbażati fuq kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE, miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u l-Europol. Fost il-kisbiet:

  • tnaqqis fin-numru ta' każijiet ġodda ta' HIV fost persuni li jużaw id-droga, wara investiment sostanzjali f'miżuri preventivi mill-gvernijiet tal-UE tul dawn l-aħħar għaxar snin;

  • żieda fil-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, b'żewġ programmi ġodda biex jaqsmu l-informazzjoni u jiżviluppaw tekniki tal-ġlieda kontra d-drogi fl-Afrika tal-Punent u l-adozzjoni ta' Patt Ewropew għall-ġlieda kontra t-traffikar internazzjonali tad-drogi – biex b'hekk jixxekklu r-rotot tal-kokaina u l-eroina;

  • approċċ iktar strateġiku għar-riċerka, sabiex jiġu żviluppati politiki għat-tnaqqis tal-effetti negattivi tal-użu tad-droga fuq is-saħħa u s-soċjetà.

  • Fl-istess ħin, ir-rapport jenfasizza wkoll għadd ta' sfidi fejn hija meħtieġa iktar azzjoni:

  • il-ħruġ rapidu fis-suq ta' drogi ġodda li jinbiegħu bħala alternattivi legali għad-drogi illeċiti ("highes legali") bħall-mephedrone, li hija simili għall-ecstasy, li l-Kummissjoni reċentement ipproponiet li tipprojbixxi fl-UE (ara IP/10/1355);

  • iż-żieda fl-użu kkombinat ta' drogi legali u illegali;

  • iż-żieda fl-imwiet ikkawżati minn doża eċċessiva tal-kokaina, b'madwar 1,000 mewta rrappurtati fis-sena (stimi miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga);

  • il-bidla malajr fir-rotot tat-traffikar tad-droga hekk kif il-gruppi ta' kriminalità organizzata jipprovaw isibu mezz li jegħlbu l-ostakli mwaqqfa mill-Istati Membri tal-UE;

  • għajnuna esterna lil pajjiżi terzi għandha tibbenefika minn attenzjoni ffokata fuq politiki li jnaqqsu d-domanda għad-droga f'dawk il-pajjiżi.

Il-kriżi ekonomika attwali hija wkoll mistennija li jkollha impatt fuq is-sitwazzjoni tad-drogi fl-UE. Diffikultajiet ekonomiċi fost il-gruppi vulnerabbli jistgħu jwasslu għal żieda fil-konsum tad-droga. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżommu l-finanzjament għas-servizzi ta' trattament għall-abbuż tad-droga.

Ir-reviżjoni tal-lum hija l-ewwel pass fl-evalwazzjoni tal-effettività ġenerali tal-Pjan tal-UE dwar id-Droga u tqis jekk is-sitwazzjoni tad-drogi hijiex qed titjieb bħala riżultat ta' dawn l-azzjonijiet. Is-sena d-dieħla, il-Kummissjoni se tevalwa l-Istrateġija dwar id-Drogi 2005-2012 b'medda wiesgħa kif ukoll iż-żewġ Pjanijiet ta' Azzjoni dwar id-Drogi.

Sfond

L-indirizzar tal-abbuż tad-droga jeħtieġ approċċ fit-tul, integrat u multidixxiplinarju. L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi għall-2005-2012 u ż-żewġ Pjanijiet implimentattivi ta' Azzjoni dwar id-Drogi (2005-2008 u 2009-2012) stabbilixxew l-approċċ koerenti u bbilanċjat tal-UE għat-tnaqqis tad-domanda ta' dawk li jużaw id-droga kif ukoll il-provvista tad-droga.

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi 2009-2012 huwa ffokat fuq ħames prijoritajiet: it-titjib tal-koordinazzjoni, it-tnaqqis tad-domanda u l-provvista tad-droga, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali u t-titjib tal-fehma tal-problema tad-droga. Il-Pjan ta' Azzjoni jistabilixxi iktar minn 70 miżura biex jgħinu jikkoordinaw l-intervenzjonijiet tal-gvern dwar id-drogi illegali, li jkopru s-saħħa pubblika, l-infurzar tal-liġi, id-dwana, il-ġustizzja kriminali u r-relazzjonijiet esterni.

Il-politika dwar id-droga hija l-iktar ir-responsabilità tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi u l-Pjanijiet ta' Azzjoni dwar id-Drogi.

Madankollu, il-Kummissjoni għandha fil-fatt l-awtorità li tipproponi lill-Istati Membri li drogi ġodda jitpoġġew taħt il-kontroll tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI. Id-Deċiżjoni stabbilixxiet mekkaniżmu għall-iskambju rapidu ta' informazzjoni dwar drogi psikoattivi ġodda. Stabbilixxiet ukoll proċedura għall-evalwazzjoni tar-riskju u l-kontroll ta' dan it-tip ta' sustanzi.

Għal iktar informazzjoni:

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Is-sit internet tal-Viċi-President Viviane Reding, Kummissarju tal-Ġustizzja, Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza tal-UE:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website