Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: konsultazzjoni turi li kważi hemm konsensus dwar l-importanza li l-internet miftuħ jibqa' ppreservat .

Commission Européenne - IP/10/1482   09/11/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1482

Brussell, id-9 ta’ Novembru 2010

Aġenda Diġitali: konsultazzjoni turi li kważi hemm konsensus dwar l-importanza li l-internet miftuħ jibqa' ppreservat .

Kważi ntlaħaq konsensus dwar l-importanza li l-internet miftuħ jibqa' ppreservat, skont ir-riżultati ta' konsultazzjoni pubblika dwar l-internet mifuħ u n-newtralità tal-internet, li tnediet mill-Kummissjoni Ewropea fit-30 ta' Ġunju (ara IP/10/860). Għall-konsultazzjoni kkontribwew 318 persuna interessata f'kull livell tal-katina tal-valur industrijali. Dawn kienu jinkludu BEREC, l-entità tar-Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, operaturi, fornituri tas-servizz tal-internet, awtoritajiet tal-Istati Membri, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-konsumaturi, kif ukoll individwi. Il-konsultazzjoni ma writx li hemm xewqa ġenerali għal aktar leġiżlazzjoni tal-UE, iżda jidher li huwa mistenni li tista' tkun meħtieġa aktar gwida għall-ġejjieni. Id-dikussjonijiet se jissoktaw sal-11 ta' Novembru fis-"Summit tan-newtralità tal-internet" fejn il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew se jiddiskutu rapport tal-Kummissjoni dwar in-newtralità tal-internet li għandu jitlesta dalwaqt.

Il-Viċi President Neelie Kroes qalet: "Il-konsultazzjoni pubblika tagħna ħajret firxa wiesgħa ta' kummenti. L-eżerċizzju forna lill-Kummissjoni bi spettru verament wiesa' ta' opinjonijiet minn dawk kollha interessati, u involuti. Qed nistenna bil-ħerqa li nkomplu d-diskussjonijiet matul is-Summit li għandu jikkontribwixxi aktar għall-ħidma tagħna fuq in-newtralità tal-internet".

Il-konsultazzjoni pubblika saret mit-30 ta' Ġunju sat-30 ta' Settembru. Il-Kummissjoni xtaqet tindaga iżjed fil-fond kwistjonijiet bħall-ġestjoni tat-traffiku tal-internet, it-trasparenza, il-kwalità tal-kunsiderazzjonijiet tas-servizz u jekk ir-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjoni tal-UE humiex adegwati. Dawn huma s-sejbiet prinċipali:

  • Il-qafas rivedut tal-UE tat-telekomunikazzjoni adottat fl-2009 (ara MEMO/09/568) jitqies illi jipprovdi l-għodda bażika biex jindirizza kwistjonijiet dwar in-newtralità tal-internet. Il-parti l-kbira ta' dawk li wieġbu jqisu li l-effikaċja ta' dawn ir-regoli tal-UE ma għandhiex tiġi vvaluta qabel l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom fuq livell nazzjonali.

  • Hemm konsensus dwar il-fatt li l-ġestjoni tat-traffiku hija parti meħtieġa u essenzjali tal-operar ta' netwerk sigur u effiċjenti. Minkejja dan, xi parteċipanti wrew tħassib illi din l-għodda tista' tiġi abbużata b'tali mod li servizz wieħed jiġi ppreferut minn ieħor. Jeżistu wkoll riskji għal privatezza minħabba is-softwer tal-'ispezzjoni ta' pakkett' ('packet-inspection').

  • Bosta kummenti juru tħassib dwar mudelli ġodda tan-negozju tal-internet li jikkawżaw problemi tan-newtralità tal-internet għall-ġejjieni, u l-Kummissjoni ntalbet tiċċara d-distinzjoni bejn l-internet tal-"aqwa sforzi" u s-"servizzi mmaniġjati".

  • BEREC, l-entità tar-regolaturi tat-telekomunikazzjonijiet tal-UE, wissiet dwar problemi ta' diskriminazzjoni li jistgħu jinqalgħu li jwasslu għal effetti kontra l-kompetittività, il-konsegwenzi potenzjali fuq medda aktar twila taż-żmien għall-ekonomija tal-internet f'termini ta' innovazzjoni u libertà ta' espressjoni, u inċertezzi għal konsumaturi minħabba nuqqas ta' trasparenza.

  • L-atturi fl-industrija huma ġeneralment kuntenti bl-istrutturi attwali tas-suq, iżda xi fornituri tal-kontenut qed jibżgħu li bidliet fil-mekkaniżmi tal-ipprezzar – pereżempju ħlas għal twassil ta' kontenut – jista' jirriżulta f'taxxa fuq l-innovazzjoni.

  • L-ibblokkar ta' servizzi tat-telefown minn fuq l-internet (jiġifieri Voice fuq l-Internet Protocol - VoIP) u t-trażżin tat-traffiku tal-internet (bandwidth throttling) huma punti ta' tħassib għal bosta parteċipanti.

Il-kummenti kienu jinkludu f'dan l-istadju ftit talbiet għal rekwiżiti minimi għall-kwalità tas-servizz, iżda appoġġ ċar għal standards dwar it-trasparenza għall-industrija kollha sabiex jippermettu li l-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati. Bosta tweġibiet juru li t-trasparenza fiha nnifisha ma titqiesx li se twarrab għal kollox it-tħassib dwar in-newtralità tal-internet, partikolarment fejn jeżistu ostakli għal tibdil bejn fornituri tas-servizz tal-internet.

Sfond

Bħala parti mill-pakkett tal-UE għar-riforma tat-telekomunikazzjoni tal-2009 (ara MEMO/09/568), il-Kummissjoni impenjat ruħha li tifli bir-reqqa n-natura miftuħa u newtrali tal-internet u li tirrapporta dwar is-sitwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Ministri tal-UE. Il-konsultazzjoni dwar 'L-internet miftuħ u n-newtralità tal-internet fl-Ewropa' dam sejjer 3 xhur matul dan is-sajf, bħala parti mill-preparazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rapport.

L-analiżi u l-kummenti jinsabu fuq is-sit tal-internet:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site