Navigation path

Left navigation

Additional tools

ip/10/1477

Brussell, it-8 ta’ Novembru 2010

L-UE tadotta regoli aktar stretti dwar l-emissjonijiet industrijali

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE li ġiet adottata llum se tnaqqas l-emissjonijiet industrijali minn impjanti kbar tal-kombustjoni fl-UE kollha, u b'hekk se tagħti ħafna benefiċċji marbutin mal-ambjent u s-saħħa liċ-ċittadini Ewropej, bħal tnaqqis mistenni ta' 13,000 mwiet prematuri fis-sena. Il-leġiżlazzjoni aktar stretta dwar l-emissjonijiet industrijali ġiet proposta mill-Kummissjoni Ewropea f'Diċembru 2007. Ir-regoli ġodda se jwasslu wkoll għal tfaddil sinifikanti permezz tat-tnaqqis tal-piż amministrattiv u se jipprovdu kundizzjonijiet aktar ekwi għall-industrija.

Il-Kummissarju tal-UE għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Il-vot mill-Kunsill biex tiġi adottata d-Direttiva l-ġdida dwar l-emissjonijiet industrijali hija pass importanti ħafna fil-kontroll tat-tniġġis industrijali fl-Unjoni Ewropea. Din se tgħin biex jiġi żgurat il-livell ta' protezzjoni mit-tniġġis industrijali li ċ-ċittadini tal-UE jistħoqqilom. Għandha ssaħħaħ b'mod sostanzjali l-qafas legali preżenti u se tnaqqas aktar it-tniġġis tal-arja u t-tniġġis ambjentali ieħor u b'hekk issir stimulu importanti għall-eko-innovazzjoni."

Applikazzjoni msaħħa tal-Aħjar Tekniki Disponibbli

Id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali taġġorna u tinkorpora seba' biċċiet ta' leġiżlazzjonijiet eżistenti.

Fil-qalba tad-Direttiva l-ġdida hemm it-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-Aħjar Tekniki Disponibbli (BAT), sabiex il-Konklużjonijiet tal-BAT isiru l-punt ta' referenza fil-proċess tal-permessi. Il-proposta tirrevedi l-limiti minimi tal-emissjonijiet li japplikaw għal impjanti kbar tal-kombustjoni fl-UE kollha sabiex iġġibhom konformi mal-BAT.

Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiżguraw li l-operaturi tal-istallazzjonijiet industrijali japplikaw il-BAT b'mod aktar uniformi u li konsegwentement jinkisbu kundizzjonijiet aktar ekwi għall-industrija.

Il-Kummissjoni temmen li l-Konklużjonijiet tal-BAT huma essenzjali fit-twassil tal-implimentazzjoni tal-BAT b'mod ċar, b'mod li jista' jiġi inforzat u b'mod trasparenti fl-Istati Membri kollha.

L-istimulazzjoni tal-eko-innovazzjoni u t-tnaqqis tal-piż bla bżonn għall-operaturi

Ir-rwol imsaħħaħ tal-BAT se jagħti sinjali ċari lill-industrija biex tiżgura impenji għall-kisba tal-prestazzjoni ambjentali għolja spjegata fil-Konklużjonijiet tal-BAT b'anqas kostijiet. Barra min hekk, id-Direttiva titlob ukoll lill-Istati Membri biex jippromwovu b'mod attiv it-tekniki emerġenti, sabiex b'hekk jitħeġġeġ ċiklu virtuż ta' titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali tal-industrija tal-UE.

Filwaqt li tirrikonoxxi li l-piż amministrattiv mingħajr bżonn jagħmel ħsara lill-industrija Ewropea u lill-kompetittività tagħha fis-suq globali, id-Direttiva tnaqqas dan il-piż amministrattiv bi EUR 32 miljun kull sena fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tipprova tindirizza l-piż amministrattiv mingħajr bżonn, fil-livell nazzjonali waqt l-implimentazzjoni tagħhom tad-Direttiva matul is-snin li ġejjin.

Tnaqqis tal-emissjonijiet mill-ikbar impjanti tal-kombustjoni

Minkejja t-tnaqqis sinifikanti tal-emissjonijiet miksub f'dawn l-aħħar għoxrin sena, l-impjanti tal-kombustjoni li jużaw il-karburant fossili użati fis-settur tal-enerġija għadhom sors ewlieni tal-emissjonijiet li jniġġsu l-arja. Id-Direttiva tistipula limiti tal-emissjoni aktar stretti għall-akbar impjanti fl-UE kollha sabiex jiġi żgurat li huma japplikaw il-BAT. Il-benefiċċji li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-emissjonijiet jammontaw għal EUR 7-28 biljun fis-sena inkluż it-tnaqqis tal-imwiet prematuri bi 13,000 fis-sena. Dan jirrapreżenta t-tfaddil f'termini tal-impatti mnaqqsa tas-saħħa fuq iċ-ċittadini tal-UE, minn sustanzi niġġiesa li jiġu minn impjanti tal-kombustjoni kbar meta jitqiesu l-kostijiet tal-implimentazzjoni għall-operaturi bħall-installazzjoni tat-tagħmir għat-tnaqqis.

Id-Direttiva tiżgura li dawn l-impjanti jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom li jagħmlu ħsara b'mod sostanzjali filwaqt li tipprovdi flessibiltà suffiċjenti li tiggarantixxi s-sigurtà f'terminu ta' żmien qasir u fit-tul ta' forniment ta' enerġija fl-UE.

Titjib fl-għodda għall-verifika u l-infurzar tal-konformità

Id-Direttiva l-ġdida tinkludi għadd ta' mekkaniżmi mtejba għall-Istati Membri biex jivverifikaw u jinfurzaw l-konformità mal-leġiżlazzjoni l-ġdida. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet u mal-ispezzjonijiet ambjentali tjiebu ħafna. Sar ukoll titjib fir-rigward tal-aċċess pubbliku għall-informazzjoni. Ir-rekwiżiti aktar ċari tal-implimentazzjoni għall-Istati Membri se jiffaċilitaw il-kompitu tal-Kummissjoni li tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva.

Il-passi li jmiss

Id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, li hija mistennija qabel l-aħħar tas-sena 2010. L-Istati Membri se jkollhom sentejn biex jittrasponu d-Direttiva fil-leġiżlazzjoni tagħhom u biex jibdew jimplimentaw il-leġiżlazzjoni l-ġdida. Għal aktar dettalji, ara s-sit:

http://ec.europa.eu/environment/air/pollutants/stationary/index.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website