Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1476

Brussell, id-9 ta’ Novembru 2010

It-tibdil fil-klima: Il-Kummissjoni tvara programm kbir ta' investiment għal teknoloġiji innovattivi b'livell baxx tal-karbonju

IIlum, il-Kummissjoni Ewropea qed tvara l-ewwel sejħa għal proposti għall-ikbar programm dinji ta' investiment fi proġetti ta' dimostrazzjoni ta' enerġija rinnovabbli u b'livell baxx tal-karbonju. L-inizjattiva magħrufa bħala NER300 se tipprovdi appoġġ finanzjarju sostanzjali għal mill-inqas tmien proġetti li jinvolvu teknoloġiji għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) u mill-inqas 34 proġett li jinvolvu teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli. L-għan huwa li fl-Ewropa, l-iżvilupp ekonomiku b'livell baxx tal-karbonju jingħata spinta, sabiex jinħolqu impjiegi 'ekoloġiċi' ġodda, u jingħata kontribut għall-kisba tal-objettivi ambizzjużi tal-UE rigward it-tibdil fil-klima. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) qed jikkollabora mal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programm. Il-kumpaniji li huma interessati jressqu proposti għandhom jissottomettu l-offerti fi żmien 3 xhur fil-livell nazzjonali.

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika, Connie Hedegaard qalet: "L-inizjattiva NER300 hija eżempju tajjeb ta' kif flimkien, l-UE27 jistgħu jagħtu iktar riżultati milli meta jaħdmu fuq bażi individwali. Bis-saħħa tal-użu tad-dħul mill-bejgħ ta' kwoti tal-emissjonijiet tas-CO2, is-somma ta' madwar EUR 4.5 biljun se tkun disponibbli għat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli innovattivi u għas-CCS. Flimkien mal-isponsors tal-proġetti u l-Istati Membri din se tammonta għal EUR 9 biljun. Dan jista' jagħti l-ispinta li tant hi meħtieġa biex l-UE tibqa' fuq quddiem nett f'dak li għandu x'jaqsam mat-teknoloġiji favur il-klima. L-Ewropa għandha l-kompetenza, il-ħila u l-ambizzjoni biex tmexxi d-dinja fl-iżvilupp tat-teknoloġiji meħtieġa biex ikun indirizzat it-tibdil fil-klima. L-inizjattiva NER300 se tkun katalista għad-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji ġodda b'livell baxx tal-karbonju fuq skala kummerċjali. Dawn it-teknoloġiji u teknoloġiji ekoloġiċi oħrajn huma sors dejjem iktar importanti ta' tkabbir ekonomiku u impjiegi għall-ġejjieni. Dawn se jgħinuna wkoll biex nilħqu l-miri ambizzjużi tagħna rigward il-klima għall-2020 u wara."

Il-President tal-BEI Philippe Maystadt żied jgħid: "Il-BEI huwa impenjat bis-sħiħ biex jgħin lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jilħqu l-objettivi tagħhom tal-enerġija u l-klima għall-2020. Għalhekk aħna qegħdin noffru l-għarfien espert tagħna fl-oqsma finanzjarji u tekniċi bil-għan li nappoġġaw l-implimentazzjoni tal-inizjattiva NER300."

L-ewwel sejħa għall-proposti tal-lum tagħti bidu għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva NER300. L-inizjattiva għandha dan l-isem minħabba li se tkun iffinanzjata mill-bejgħ ta' 300 miljun kwota ta' emissjonijiet miżmuma fir-Riżerva għal Min Jidħol Ġdid (New Entrants Reserve (NER)) tas-Sistema għall-Iskambju ta' Emissjonijiet tal-UE (Emissions Trading System (ETS)). Bil-prezzijiet attwali tas-suq għall-kwoti tal-emissjonijiet, l-inizjattiva għandha valur ta' madwar EUR 4.5 biljun, li jagħmilha l-ikbar programm ta' dan it-tip fid-dinja.

Il-finanzjament huwa mmirat għall-proġetti ta' dimostrazzjoni li jinvolvu s-CCS u t-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli. Mill-inqas proġett wieħed u sa massimu ta' tlieta se jkunu ffinanzjati għal kull Stat Membru. Iktar dettalji dwar it-tipi ta' teknoloġiji li se jkunu ffinanzjati jidhru fl-Anness.

Il-programm se jwassal għal investimenti ta' iktar minn EUR 9 biljun minħabba li l-inizjattiva NER300 se tiffinanzja sa 50 % tal-kostijiet tal-kostruzzjoni u tal-operat tas-CCS u l-proġetti rinnovabbli. L-isponsors tal-proġetti u l-Istati Membri se jipprovdu l-bqija tal-finanzjament. Il-finanzjament NER300 jista' jintuża ma' finanzjament minn strumenti oħra tal-UE, inkluż mal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni u mal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR).

Skont id-deċiżjoni NER3001, il-BEI hu responsabbli għall-bejgħ ta' 300 miljun kwota, u għall-immaniġġjar u l-iżborż tad-dħul. Filwaqt li d-dettalji, inkluż id-data meta jinbeda l-bejgħ, għadhom mhumiex iffissati, hu mistenni li l-kwoti NER300 jinbiegħu qabel jibda t-tielet perjodu ta' skambju tal-UE ETS f'Jannar 2013.

Il-BEI se jwettaq ukoll diliġenza finanzjarja u teknika dettaljata adattata tal-proposti għall-proġetti qabel ma jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni f'forma ta' klassifika tal-proposti għall-proġetti. Il-Kummissjoni se tieħu d-deċiżjoni finali dwar liema proġetti se tikkofinanzja wara li tikkonsulta lill-Istati Membri.

Informazzjoni ulterjuri

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar in-NER300: ara MEMO/10/549

Sit elettroniku NER300: http://ec.europa.eu/clima/funding/ner300/index_en.htm

Ara wkoll: Anness għall-istqarrija tal-istampa

Anness

Kategoriji ta' proġetti ta' dimostrazzjoni tas-CCS

Tmien proġetti tas-CCS se jirċievu finanzjament

  • minimu ta' wieħed u massimu ta' tlieta mill-kategoriji li ġejjin: applikazzjonijiet ta' qabel il-kombustjoni, ta' wara l-kombustjoni, ta' ossifjuwils u industrijali.

  • Minimu ta' tliet proġetti li jużaw akwiferi ta' ilma bil-melħ għall-ħażna tas-CO2 u minimu ta' tliet proġetti li jużaw riżervi tal-idrokarbonji eżawriti.

  • Impjanti tal-enerġija li jieħdu sehem fi proġetti tas-CCS għandu jkollhom kapaċità ta' ġenerazzjoni ta' mill-inqas 250 MW u għandhom ikunu ddisinjati biex jiġbru mill-inqas 85 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom.

Kategoriji ta' proġetti teknoloġiċi innovattivi tal-enerġija rinnovabbli

L-34 proġett tal-enerġija rinnovabbli li għandhom ikunu ffinanzjati jinkludu dawn li ġejjin:

  • Bijoenerġija 9

  • Enerġija solari kkonċentrata 5

  • Enerġija solari fotovoltajka 3

  • Enerġija tar-riħ 6

  • Enerġija ġeotermali 4

  • Enerġija tal-oċeani (enerġija tal-mewġ u tal-marea, konverżjoni tal-enerġija termali tal-oċeani) 3

  • Enerġija idroelettrika1

  • Immaniġġjar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli distribwiti (Smart Grids) 3

Proċedura ta' applikazzjoni għall-finanzjament

L-ewwel sejħa għal proposti tinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-proċedura ta' applikazzjoni. Il-Kummissjoni se torganizza seminar għal sponsors potenzjali tal-proġetti u d-data għandha tiġi kkonfermata dalwaqt.

Proposti ta' proġetti sponsorjati jew minn operatur uniku jew minn konsorzju, għandhom jitressqu quddiem l-Istat Membru fejn se jitwettaq il-proġett. L-Istati Membri se jagħmlu valutazzjoni inizjali tal-eliġibbiltà fi żmien tliet xhur mis-sejħa għal proposti. L-Istati Membri għandhom jagħżlu minn qabel u jressqu applikazzjonijiet eliġibbli quddiem il-BEI fi żmien sitt xhur mis-sejħa.

1 :

C(2010)7499


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website