Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tadotta s-sitt rapport dwar ir-reċiproċità tal-viża ma' pajjiżi terzi

European Commission - IP/10/1473   05/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1473

Brussell, il-5 ta' Novembru 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tadotta s-sitt rapport dwar ir-reċiproċità tal-viża ma' pajjiżi terzi

Il-Kummissjoni Ewropea adottat is-sitt rapport tagħha dwar iż-żamma tar-rekwiżiti tal-viża minn ċerti pajjiżi terzi bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità. Ir-rapport juri li sar progress lejn reċiproċità sħiħa u baqa' biss numru limitat ta' każijiet ta' "non-reċiproċità".

"Ir-rapport il-ġdid juri li sar iktar progress lejn li niżguraw ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini kollha tagħna lejn pajjiżi terzi fuq il-lista pożittiva tagħna" qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni. Hija żiedet tgħid: "Żewġ ftehimiet dwar ir-rinunzja tal-viża ser jiġu ffirmati fi żmien qasir mal-Brażil. Saru wkoll xi passi biex għal darba oħra, iċ-ċttadini Ċeki jkunu jistgħu jerġgħu jivvjaġġaw lejn il-Kanada mingħajr il-ħtieġa ta' viża. Rigward il-ftit każijiet fejn in-non-reċiproċità għadha fis-seħħ, id-djalogu jrid ikompli sabiex tinkiseb reċiproċità sħiħa mal-pajjiżi terzi kkonċernati (il-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika) malajr kemm jista' jkun".

Is-sitt rapport jagħti rendikont tal-passi meħuda biex tinkiseb ir-reċiproċità mill-aħħar rapport f'Ottubru 2009. L-elementi ewlenin jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

  • Mal-Brażil l-Unjoni Ewropea ser tiffirma żewġ ftehimiet għar-rinunzja għall-viża: wieħed dwar id-detenturi ta' passaporti ordinarji, u l-ieħor dwar id-detenturi ta' passaporti diplomatiċi, ta' servizz jew passaporti uffiċjali, li ser jiżguraw ir-reċiproċità tal-viża. Mar-ratifika tagħhom, ser jinkiseb titjib konsiderevoli għaċ-ċittadini tal-UE, partikolarment dawk ta' Ċipru, l-Estonja, il-Latvja u Malta li kien għad kellhom japplikaw għal viża biex jidħlu l-Brażil.

  • Il-Brunej Darussalam jirrinunzja għall-viża taċ-ċittadini kollha tal-UE, iżda r-rinunzja hija valida biss għall-30 jum, u tista' tiġġedded darbtejn għal 30 jum. Minkejja li s-sitwazzjoni kurrenti ma wasslitx għal problemi għaċ-ċittadini tal-UE sa issa, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tal-Brunej Darussalam biex jirrinunzjaw għall-viża taċ-ċittadini tal-UE għal 90 jum.

  • Mir-riintroduzzjoni tar-rekwiżit tal-viża mill-Kanada għaċ-ċittadini Ċeki f'Lulju 2009, ġew stabbiliti numru ta' miżuri sabiex jippermettu lill-Kanada terġa tneħħi r-rekwiżit tal-viża qabel ma tkun implimentata l-leġiżlazzjoni l-ġdida Kanadiża dwar l-asil. Wara l-laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma tal-Esperti bejn il-Kanada u r-Repubblika Ċeka fl-20 ta' Settembru fi Praga, il-Kummissjoni tikkunsidra li saru xi passi limitati. Il-Kummissjoni ser issegwi mill-qrib l-implimentazzjoni, orjentata lejn kisba tar-riżultati, tal-miżuri ppjanati kmieni fl-2011.

  • Il-każijiet l-oħra ta' non-reċiproċità li jifdal jirrigwardaw lill-Istati Uniti tal-Amerika (għadu jinżamm ir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-Bulgarija, Ċipru, r-Rumanija u l-Polonja) u l-Kanada (għadu jinżamm ir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-Bulgarija u r-Rumanija). F'dawn il-każijiet, l-Istati Uniti u l-Kanada jikkonsidraw li l-Istati Membri kkonċernati għadhom ma jissodisfawx il-kriterji kollha għall-eżenzjoni mill-viża stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tagħhom (pereżempju li mhux joħorġu passaporti biometriċi jew mhux jilħqu l-limiti stabiliti għar-rifjut tal-viża u/jew ir-rata li biha tinqabeż il-permanenza awtorizzata). Il-Kummissjoni ser tkompli bid-dsikussjonijiet maż-żewġ pajjiżi sabiex tikseb reċiproċità sħiħa dwar il-viża mill-iktar fis possibbli. Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jirriflettu dwar kif jistgħu jkunu indirizzati iktar dawn il-każijiet ta' non-reċiproċità.

Sfond

    Mhux iċ-ċittadini kollha minn pajjiżi terzi jrid ikollhom viża sabiex jivvjaġġaw lejn iż-żona ta' Schengen. L-UE għandha lista komuni ta' pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża ("il-lista negattiva") u lista tal-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dak ir-rekwiżit ("il-lista pożittiva") (ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) 539/2001

    Huwa għalhekk loġiku li, fl-ispirtu ta' solidarjetà, l-UE tfittex ukoll li pajjiżi terzi fuq il-lista pożittiva jirrinunzjaw għall-viża miċ-ċittadini kollha tal-UE u jitrattaw lill-Istati Membri kollha bl-istess mod. Għal din ir-raġuni, twaqqaf mekkaniżmu ta' reċiproċità dwar il-viża (permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) N° 851/2005)

    Jekk pajjiż fuq il-"lista pożittiva" idaħħal rekwiżit għall-viża għal Stat Membru tal-UE jew iktar, l-Istat Membru kkonċernat irid javża lill-Kummissjoni li tieħu passi mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz biex idaħħal lura l-ivvjaġġar ħieles mill-viża u tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni tista' wkoll tipproponi lill-Kunsill miżuri ta' ritaljazzjoni fil-konfront tal-pajjiż terz inkwistjoni.

Il-Kummissjoni diġà ħarġet bosta rapporti ġenerali rigward l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu għar-reċiproċità tal-viża u rapport ad hoc fuq ir-riintroduzzjoni tar-rekwiżit għall-viża mill-Kanada għall-persuni ta' nazzjonalità Ċeka. Dan ir-rapport ad hoc u r-rapport ġenerali preċedenti kienu adottati fid-19 ta' Ottubru 2009.

Għal iktar informazzjoni

Is-sit web ewlieni ta' Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall–Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/welcome/default_en.htm

Is-sit web ewlieni tad-DĠ għall-Affarijiet Interni

http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website