Chemin de navigation
Left navigation
Additional tools
IP/10/1462 Brussell, l-4 ta’ Novembru 2010 Il-Kummissjoni Ewropea tfassal strateġija biex issaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta X'jiġri mid-dejta personali tiegħek meta timbarka fuq ajruplan, tiftaħ kont tal-bank, jew meta titfa' xi ritratti onlajn? Kif tintuża din id-dejta, u minn min? Kif tista' tħassar informazzjoni dwar il-profil personali fuq websajts ta' netwerking soċjali b'mod permanenti? Tista' tittrasferixxi l-kuntatti u r-ritratti tiegħek għal servizz ieħor? Il-kontroll fuq l-informazzjoni tiegħek, l-aċċess għad-dejta tiegħek, il-possibbiltà li timmodifikaha jew tħassarha – dawn huma drittijiet essenzjali li għandhom jiġu garantiti fid-dinja diġitali tal-lum. Biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, illum il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet strateġija dwar il-protezzjoni tad-dejta ta' individwi fl-oqsma kollha ta' politika, fosthom fl-infurzar tal-liġi, filwaqt li tnaqqas il-burokrazija għan-negozji u tiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' dejta fl-UE. Din ir-reviżjoni ta' politika ser tintuża mill-Kummissjoni, flimkien mar-riżultati ta' konsultazzjoni pubblika, għar-reviżjoni tad-Direttiva tal-UE tal-1995 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. Fi stadju sussegwenti l-Kummissjoni ser tipproponi leġiżlazzjoni fl-2011. Il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza stqarret li "Il-ħarsien tad-dejta personali huwa dritt fundamentali." "Biex niggarantixxu dan id-dritt, neħtieġu regoli ċari u konsistenti dwar il-protezzjoni tad-dejta. Jeħtieġ ukoll li naġġornaw il-liġijiet tagħna biex ikunu konformi mal-isfidi li qegħdin jitfaċċaw b'rabta ma' teknoloġiji ġodda u l-globalizzazzjoni. Is-sena d-dieħla l-Kummissjoni sejra tressaq leġiżlazzjoni sabiex issaħħaħ id-drittijiet tal-individwi filwaqt li tnaqqas il-burokrazija sabiex tiżgura l-fluss ħieles ta' dejta fis-Suq Uniku tal-UE." L-istrateġija tal-lum tiddefinixxi proposti dwar kif il-qafas tal-UE dwar ir-regoli ta' protezzjoni tad-dejta jistgħu jiġu mmodernizzati permezz ta' sensiela ta' għanijiet ewlenin:
Il-pass li jmiss Ir-reviżjoni tal-politika li ser tagħmel il-Kummissjoni ser isservi bħala bażi għal aktar diskussjoni u valutazzjoni. Il-Kummissjoni qiegħda ssejjaħ lill-partijiet interessati kollha u lill-pubbliku sabiex jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar ir-reviżjoni tal-proposti sal-15 ta' Jannar 2011. Il-kummenti ser ikunu jistgħu jsiru fuq il-websajt ta' konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/justice/news/consulting_public/news_consulting_0006_en.htm Fuq dan il-pedament, fl-2011 il-Kummissjoni sejra tippreżenta proposti għal qafas legali ġenerali ġdid dwar il-protezzjoni tad-dejta, li mbagħad ikollu jiġi nnegozjat u adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni sejra teżamina miżuri oħrajn, bħall-inkoraġġiment ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta u kif ukoll inizjattivi possibbli ta' awtoregolamentazzjoni mill-industrija. Sfond Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta (id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 95/46/KE tal-1995) għandhom l-għan li jħarsu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi, b'mod partikolari d-dritt tal-protezzjoni tad-dejta, u kif ukoll il-fluss ħieles tad-dejta. Din id-Direttiva ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta timxi id f'id ma' strumenti legali oħrajn, bħad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika għas-settur tal-komunikazzjonijiet. Jeżistu wkoll regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fil-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali (id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI). Id-dritt għall-protezzjoni ta' dejta personali huwa rikonoxxut b'mod espliċitu fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fit-Trattat ta' Lisbona. It-Trattat jipprovdi l-bażi legali għal regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-attivitajiet kollha li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-UE taħt l-Artikolu 16. Fl-2009, il-Kummissjoni nediet analiżi tal-qafas legali kurrenti dwar il-protezzjoni tad-dejta, li bdiet f'konferenza ta' livell għoli f'Mejju tal-2009, segwita minn konsultazzjoni pubblika li baqgħet għaddejja sa tmiem l-2009. Matul l-2010 ġew organizzati konslutazzjonijiet iffokati mal-partijiet interessati. F'Jannar tal-2010, il-Viċi-President Viviane Reding ħabbret l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timmodernizza r-regoli tal-UE dwar il-privatezza tad-dejta f'diskors f'Nhar il-Protezzjoni tad-Dejta (ara IP/10/63 and DISKORS/10/441) fir-rwol li kellha qabel bħala l-Kummissarju responsabbli mis-Soċjetà tal-Informazzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-lum tfasslet bi ftehim ma' Neelie Kroes, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Aġenda Diġitali. Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja: http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm Is-sit internet tal-Viċe-President Viviane Reding, Kummissarju tal-Ġustizzja, Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza tal-UE: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm |
Side Bar