Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tfassal strateġija biex issaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta

European Commission - IP/10/1462   04/11/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1462

Brussell, l-4 ta’ Novembru 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tfassal strateġija biex issaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta

X'jiġri mid-dejta personali tiegħek meta timbarka fuq ajruplan, tiftaħ kont tal-bank, jew meta titfa' xi ritratti onlajn? Kif tintuża din id-dejta, u minn min? Kif tista' tħassar informazzjoni dwar il-profil personali fuq websajts ta' netwerking soċjali b'mod permanenti? Tista' tittrasferixxi l-kuntatti u r-ritratti tiegħek għal servizz ieħor? Il-kontroll fuq l-informazzjoni tiegħek, l-aċċess għad-dejta tiegħek, il-possibbiltà li timmodifikaha jew tħassarha – dawn huma drittijiet essenzjali li għandhom jiġu garantiti fid-dinja diġitali tal-lum. Biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, illum il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet strateġija dwar il-protezzjoni tad-dejta ta' individwi fl-oqsma kollha ta' politika, fosthom fl-infurzar tal-liġi, filwaqt li tnaqqas il-burokrazija għan-negozji u tiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' dejta fl-UE. Din ir-reviżjoni ta' politika ser tintuża mill-Kummissjoni, flimkien mar-riżultati ta' konsultazzjoni pubblika, għar-reviżjoni tad-Direttiva tal-UE tal-1995 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. Fi stadju sussegwenti l-Kummissjoni ser tipproponi leġiżlazzjoni fl-2011.

Il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza stqarret li "Il-ħarsien tad-dejta personali huwa dritt fundamentali." "Biex niggarantixxu dan id-dritt, neħtieġu regoli ċari u konsistenti dwar il-protezzjoni tad-dejta. Jeħtieġ ukoll li naġġornaw il-liġijiet tagħna biex ikunu konformi mal-isfidi li qegħdin jitfaċċaw b'rabta ma' teknoloġiji ġodda u l-globalizzazzjoni. Is-sena d-dieħla l-Kummissjoni sejra tressaq leġiżlazzjoni sabiex issaħħaħ id-drittijiet tal-individwi filwaqt li tnaqqas il-burokrazija sabiex tiżgura l-fluss ħieles ta' dejta fis-Suq Uniku tal-UE."

L-istrateġija tal-lum tiddefinixxi proposti dwar kif il-qafas tal-UE dwar ir-regoli ta' protezzjoni tad-dejta jistgħu jiġu mmodernizzati permezz ta' sensiela ta' għanijiet ewlenin:

  • It-tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi biex il-ġbir u l-użu ta' dejta personali jkunu limitati għall-anqas livell meħtieġ. L-individwi għadhom ikunu wkoll informati b'mod ċar u trasparenti dwar kif, għaliex, minn min, u għal liema tul ta' żmien ser tinġabar u tintuża d-dejta tagħhom. In-nies għandhom ikunu jistgħu jagħtu l-kunsens informat tagħhom dwar l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, pereżempju meta jużaw l-internet, u għandu jkollhom "id-dritt li jintesew" meta d-dejta tagħhom ma tkunx għadha neċessarja jew meta jkunu jixtiequ jħassru d-dejta tagħhom.

  • It-titjib tad-dimesjoni tas-Suq Uniku billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq il-kumpaniji u jiġi żgurat ambjent ekwu ġenwin. Id-differenzi li jeżistu bħalissa fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta u n-nuqqas ta' ċarezza dwar liema regoli ta' pajjiżi differenti japplikaw huma ta' dannu għall-fluss ħieles ta' dejta personali u jżidu l-ispejjeż.

  • Ir-reviżjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-qasam tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali biex id-dejta personali tal-individwi tkun imħarsa wkoll f'dawn l-oqsma. Taħt it-Trattat ta' Lisbona, issa l-UE għandha l-possibbiltà li tistabbilixxi regoli komprensivi u koerenti dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fis-setturi kollha, inkluż fil-qasam tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali. Ovvjament, sejrin jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet ta' dawn is-setturi. Skont ir-reviżjoni, id-dejta li tinżamm għall-finijiet tal-infruzar tal-liġi għandha tkun koperta wkoll minn qafas leġiżlattiv ġdid. Il-Kummissjoni qiegħda tagħti ħarsa wkoll lejn id-Direttiva dwar iż-Żamma ta' Dejta tal-2006, li tistabbilixxi liema kumpaniji huma obbligati jżommu dejta dwar it-traffiku ta' komunikazzjoni għal perjodu ta' bejn sitt xhur u sentejn.

  • L-iżgurar ta' livelli għoljin ta' protezzjoni għad-dejta li tiġi ttrasferita 'l barra mill-UE permezz tat-titjib u s-simplifikar tal-proċeduri ta' trasferimenti internazzjonali ta' dejta. L-UE għandha taħdem biex tilħaq l-istess livelli ta' protezzjoni b'kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u tippromwovi livelli għoljin għal protezzjoni tad-dejta f'livell globali.

  • Infurzar aktar effettiv tar-regoli, permezz tat-tisħiħ u l-armonizzazzjoni ulterjuri tar-rwol u s-setgħat tal-Awtoritajiet dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. Huma meħtieġa aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni sabiex tiġi żgurata applikazzjoni aktar koerenti ta' regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta fis-Suq Uniku.

Il-pass li jmiss

Ir-reviżjoni tal-politika li ser tagħmel il-Kummissjoni ser isservi bħala bażi għal aktar diskussjoni u valutazzjoni. Il-Kummissjoni qiegħda ssejjaħ lill-partijiet interessati kollha u lill-pubbliku sabiex jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar ir-reviżjoni tal-proposti sal-15 ta' Jannar 2011. Il-kummenti ser ikunu jistgħu jsiru fuq il-websajt ta' konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni:

http://ec.europa.eu/justice/news/consulting_public/news_consulting_0006_en.htm

Fuq dan il-pedament, fl-2011 il-Kummissjoni sejra tippreżenta proposti għal qafas legali ġenerali ġdid dwar il-protezzjoni tad-dejta, li mbagħad ikollu jiġi nnegozjat u adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni sejra teżamina miżuri oħrajn, bħall-inkoraġġiment ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta u kif ukoll inizjattivi possibbli ta' awtoregolamentazzjoni mill-industrija.

Sfond

Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta (id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 95/46/KE tal-1995) għandhom l-għan li jħarsu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi, b'mod partikolari d-dritt tal-protezzjoni tad-dejta, u kif ukoll il-fluss ħieles tad-dejta. Din id-Direttiva ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta timxi id f'id ma' strumenti legali oħrajn, bħad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika għas-settur tal-komunikazzjonijiet. Jeżistu wkoll regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fil-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali (id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI).

Id-dritt għall-protezzjoni ta' dejta personali huwa rikonoxxut b'mod espliċitu fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fit-Trattat ta' Lisbona. It-Trattat jipprovdi l-bażi legali għal regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-attivitajiet kollha li jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-UE taħt l-Artikolu 16.

Fl-2009, il-Kummissjoni nediet analiżi tal-qafas legali kurrenti dwar il-protezzjoni tad-dejta, li bdiet f'konferenza ta' livell għoli f'Mejju tal-2009, segwita minn konsultazzjoni pubblika li baqgħet għaddejja sa tmiem l-2009. Matul l-2010 ġew organizzati konslutazzjonijiet iffokati mal-partijiet interessati. F'Jannar tal-2010, il-Viċi-President Viviane Reding ħabbret l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timmodernizza r-regoli tal-UE dwar il-privatezza tad-dejta f'diskors f'Nhar il-Protezzjoni tad-Dejta (ara IP/10/63 and DISKORS/10/441) fir-rwol li kellha qabel bħala l-Kummissarju responsabbli mis-Soċjetà tal-Informazzjoni. Il-Komunikazzjoni tal-lum tfasslet bi ftehim ma' Neelie Kroes, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Aġenda Diġitali.

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Is-sit internet tal-Viċe-President Viviane Reding, Kummissarju tal-Ġustizzja, Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza tal-UE:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

MEMO/10/542


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website