Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1460

Brussell, it-3 ta’ Novembru 2010

L-iskart nukleari: Il-Kummissjoni tipproponi standards ta' sikurezza għar-rimi finali

Illum il-Kummissjoni pproponiet standards ta' sikurezza għar-rimi ta' fjuwil użat u ta' skart radjoattiv mill-impjanti tal-enerġija nukleari kif ukoll mis-settur tal-mediċina jew tar-riċerka. Fid-Direttiva li tressqet illum, l-Istati Membri huma mitluba jippreżentaw il-programmi nazzjonali tagħhom, filwaqt li jindikaw meta, kif u fejn se jikkostruwixxu u jamminstraw ripożitorji finali intenzjonati biex jiggarantixxu l-ogħla standards ta' sikurezza Bis-saħħa tad-Direttiva standards ta' sikurezza miftiehma fuq livell internazzjonali se jsiru legalment vinkolanti u infurzabbli fl-Unjoni Ewropea.

Günther Oettinger il-Kummissarju għall-Enerġija qal: "is-sikurezza tikkonċerna ċ-ċittadini u l-pajjiżi kollha tal-UE, kemm jekk huma favur u kemm jekk huma kontra l-enerġija nukleari. Għandna niżguraw li jkollna l-ogħla standards ta' sikurezza tad-dinja biex nipproteġu liċ-ċittadin tagħna, l-ilma tagħna kif ukoll it-territorju kontra l-kontaminazzjoni nukleari. Is-sikurezza hija indiviżibbli. Jekk iseħħ inċident f'pajjiż partikolari, dan jista' jkollu effetti devastanti wkoll fuq oħrajn."

Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi qafas tal-UE legalment vinkolanti u infurzabbli biex ikun żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw l-istandards komuni żviluppati fil-kuntest tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (AIEA) għall-istadji kollha tal-fjuwil użat u tal-ġestjoni tal-iskart radjoattiv sar-rimi finali.

B'mod partikolari d-Direttiva tistipula li:

  • L-Istati Membri għandhom ifasslu programmi nazzjonali fi żmien erba' snin mill-adozzjoni tad-Direttiva. Dawn għandhom jinkludu: pjanijiet għall-kostruzzjonii u l-ġestjoni tal-faċilitajiet ta' rimi, li jistabblixxu skeda konkreta għall-kostruzzjoni, b'indikaturi ewlenin tal-progress u b'deskrizzjoni tal-attivitajiet kollha li hemm bżonn għall-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet għar-rimi, valutazzjonjiiet tal-kostijiet u l-iskemi ta' finanzjament magħżula.

  • Il-programmi nazzjonali għandhom jiġu nnotifikati. Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri biex jimmodifikaw il-pjanijiet tagħhom.

  • Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jiftiehmu bejniethom li jużaw ripożitorju finali fit-territorju ta' wieħed minnhom. Mhix permessa l-esportazzjoni tal-iskart nukleari lejn pajjiżi barra mill-UE bil-għan ta' rimi finali.

  • Il-pubbliku għandu jkun infurmat mill-Istati Membri u għandu jkun jista' jipparteċipa fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tal-iskart nukleari.

  • L-istandards ta' sikurezza mfassla mill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika saru vinkolanti legalment. Dawn jinkludu awtoritajiet indipendenti li joħorġu liċenzji għall-bini ta' ripożitorji u li jivverifikaw l-analiżi dwar is-sikurezza għal kull ripożitorju individwali.

Sfond:

Aktar minn 50 sena wara li sar operazzjonali l-ewwel reattur tal-enerġija nukleari (1956 Calder Hall, ir-Renju Unit) għad m'hemmx ripożitorji finali. Sena wara sena, normalment jiġu prodotti 7 000 metru kubu ta' skart ta' livell għoli fl-UE, bil-maġġoranza tal-materjal li jinħażen temporanjament. Skart ta' livell għoli jikkostitwixxi parti mill-fjuwil użat ipproċesssat mill-ġdid li ma jistax jerġa jintuża u għalhekk għandu jintrema għal dejjem.

Filwaqt li dawn l-imħażen interim huma neċessarji għall-elementi tal-fjuwil u għall-iskart ta' livell għoli biex ibaxxu t-temperaturi u jnaqqsu l-livelli ta' radjazzjoni, mhumiex soluzzjoni fit-tul għaliex jeħtieġu manteniment u sorveljanza kontinwa. Peress li jinsabu tipikament viċin jew fil-wiċċ tal-art minbarra dan hemm ir-riskju ta' inċidenti, inklużi diżastri tal-ajruplani, nirien jew terremoti. Hemm qbil ġenerali fost ix-xjenzati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-IAEA li r-rimi ġeoloġiku fil-fond huwa l-aktar soluzzjoni adegwata għar-rimi tal-iskart nukleari ta' livell għoli fuq perjodu ta' żmien twil.

F'konformità mat-Trattat Euratom, l-UE għandha l-kompetenza legali li tipproteġi l-pubbliku inġenerali mir-radjazzjoni jonizzanti. It-taħlit tal-enerġija hija kompetenza nazzjonali. Fost 27 Stat Membru, 14 minnhom għandhom impjanti tal-enerġija nukleari.

Aktar tagħrif:

Għal iktar tagħrif, jekk jogħġbok ara wkoll MEMO/10/540.

Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-ġestjoni ta' fjuwil użat u ta' skart radjoattiv tinsab disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/energy/nuclear/waste_management/waste_management_en.htm

L-istandards ta' sikurezza tal-IAEA:

http://www-pub.iaea.org/MTCD/publications/PDF/Pub1273_web.pdf

Konvenzjoni Internazzjonali relatata ma' dan hija disponibbli fuq:

http://www.iaea.org/Publications/Documents/Infcircs/1997/infcirc546.pdf


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website