Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1459

Brussell, l-4 ta’ Novembru 2010

L-Aġenda Diġitali: l-esperti tas-sigurtà ċibernetika jittestjaw id-difiżi fl-ewwel simulazzjoni pan-Ewropea

L-esperti tal-Ewropa tas-sigurtà ċibernetika llum qed jittestjaw ir-reazzjonijiet tagħhom fl-ewwel eżerċizzju li qatt sar ta' simulazzjoni ta' attakk ċibernetiku. F'"Cyber Europe 2010", l-esperti se jippruvaw ibattu attentati simulati minn hackers biex jipparalizzaw servizzi online kruċjali f'bosta Stati Membri tal-UE. Is-simulazzjoni se tkun imsejsa fuq xenarju fejn il-konnettività tal-internet bejn il-pajjiżi Ewropej tintilef ftit ftit jew titnaqqas b'mod sinifikanti fil-pajjiżi parteċipanti kollha, tant li ċ-ċittadini, in-negozji u l-istituzzjonijiet pubbliċi jsibuha diffiċli biex jaċċessaw servizzi online essenzjali. F'dan l-eżerċizzju, l-Istati Membri se jkollhom bżonn jikkooperaw ma' xulxin sabiex jevitaw falliment totali simulat tan-netwerk. Dan l-avveniment qed jiġi organizzat mill-Istati Membri tal-UE bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks (ENISA) u ċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC). L-eżerċizzju tal-lum se jkun segwit minn xenarji aktar kumplessi li sejrin jimxu mil-livell Ewropew għal-livell globali. L-appoġġ ta' eżerċizzji madwar l-UE ta' tħejjija fir-rigward tas-sigurtà ċibernetika huwa waħda mill-azzjonijiet previsti mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200) sabiex jissaħħu l-fiduċja u s-sigurtà online.

Neelie Kroes, Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, li qiegħda żżur iċ-ċentru taċ-ċiberattakki tar-Renju Unit waqt l-eżerċizzju ta' simulazzjoni, qalet "Dan l-eżerċizzju li qed jittestja kemm l-Ewropa hija mħejjija biex tilqa' kontra t-theddidiet ċibernetiċi huwa l-ewwel pass importanti lejn ħidma flimkien sabiex nikkumbattu theddidiet online potenzjali għall-infrastruttura ewlenija u sabiex niżguraw li ċ-ċittadini u n-negozji jħossuhom sikuri u moħħhom mistrieħ meta jkunu online."

Bħala parti mis-"Cyber Europe 2010" tal-lum, esperti madwar l-Ewropa se jittestjaw ir-reazzjonijiet tagħhom għal attakk simulat minn hackers fuq servizzi kritiċi online. Ix-xenarju għall-eżerċizzju huwa li l-konessjonijiet tal-Internet bejn il-pajjiżi Ewropej jintilfu ftit ftit jew jitnaqqsu b'mod sinifikanti u, fl-agħar każ, ma jkunux jistgħu jintużaw effettivament il-konnessjonijiet ewlenin kollha bejn il-pajjiżi Ewropej.

F'din is-simulazzjoni, iċ-ċittadini, in-negozji u l-istituzzjonijiet pubbliċi jkollhom diffikultajiet biex jaċċessaw servizzi online kritiċi (bħall-Gvern-e), sakemm it-traffiku mill-interkonnessjonijiet effettwati ma jiġix direzzjonat mod ieħor. Dan l-eżerċizzju se jkun ibbażat fuq xenarju fejn tul il-jum pajjiż wara l-ieħor jibda jbati dejjem aktar minn problemi ta' aċċess. L-Istati Membri parteċipanti kollha se jkollhom jikkooperaw biex jorganizzaw reazzjoni konġunta għal din il-kriżi fittizja.

Dan l-eżerċizzju ta' sigurtà ċibernetika għandu l-għan li jsaħħah il-fehim tal-Istati Membri ta' kif jiġu trattati l-inċidenti ċibernetiċi u kif jiġu ttestjati l-ħoloq u l-proċeduri tal-komunikazzjoni fil-każ ta' inċident ċibernetiku reali fuq skala kbira. L-eżerċizzju se jittestja jekk humiex xierqa l-punti ta' kuntatt fil-pajjiżi parteċipanti, il-kanali tal-komunikazzjoni, it-tip ta' skambji ta' dejta fuq dawn il-kanali u l-fehim li għandhom l-Istati Membri tar-rwol u l-mandat tal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra.

L-eżerċizzju tas-sigurtà ċibernetika ġie organizzat mill-Istati Membri, f'koordinazzjoni mal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks (ENISA), u bl-appoġġ taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea. L-Istati Membri kollha tal-UE kif ukoll l-Islanda, in-Norveġja, u l-Isvizzera se jipparteċipaw bħala parteċipanti attivi jew bħala osservaturi. Skont il-pajjiż, huma involuti awtoritajiet pubbliċi varji tal-Istati Membri, bħall-Ministri tal-Komunikazzjonijiet, awtoritajiet għall-ħarsien tal-infrastruttura kritika tal-informazzjoni, organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet, skwadri nazzjonali ta' reazzjoni għal inċidenti marbuta mas-sigurtà informatika (CSIRTs), awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà informatika u organizzazzjonijiet tas-sigurtà u l-intelligence.

Sfond

L-ENISA inħolqot fl-2004. Fit-30 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ u timmodernizza l-ENISA bil-għan li tgħin lill-UE, l-Istati Membri u l-partijiet privati involuti biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet u t-tħejjija tagħhom biex jipprevjenu, jillokalizzaw u jwieġbu għall-isfidi tas-sigurtà ċibernetika (ara IP/10/1239, MEMO/10/459).

Fl-istess jum, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva li tippermetti li l-perpetraturi tal-attakki ċibernetiċi u l-produtturi ta' software relatat u malizzjuż jitħarrku u jissograw sanzjonijiet kriminali aktar severi. L-Istati Membri jkunu wkoll obbligati jirrispondu malajr għal talbiet urġenti ta' għajnuna fil-każ ta' attakki ċibernetiċi, u dan irendi l-kooperazzjoni Ewropea għall-ġustizzja u l-pulizija aktar effettiva f'dan il-qasam (ara MEMO/10/463).


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website