Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1448

Brussell, id-29 ta' Ottubru 2010

L-Aġenda Diġitali: 10 snin ta' suċċess għall-GÉANT, in-netwerk ta' riċerka b' veloċità għolja ffinanzjat mill-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tiċċelebra l-għaxar snin anniversarju tal-GÉANT, in-netwerk ta' riċerka b'veloċità għolja ffinanzjat mill-UE. Il-GÉANT għamilha possibbli għax-xjenzjati, kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment, biex jaħdmu flimkien f’ħin reali fuq riċerka innovattiva. Il-GÉANT jagħti aċċess lil 40 miljun riċerkatur f'40 pajjiż Ewropew għall-qawwa tal-ipproċessar meħtieġa sabiex jinqasmu volumi kbar ta' dejta meħtieġa sabiex pereżempju jiġu studjati l-iżgħar partiċelli magħrufa bil-Kolliżjonatur il-Kbir tal-Adroni (Large Hadron Collider) fl-Isvizzera jew biex jiġu trattati l-bidliet globali bħas-sejba ta' kura għall-epilessija jew l-istabbiliment ta' sistemi ta' twissija bikrija għat-tifuni. Bit-teknoloġija, is-servizzi u l-kapaċità veloċi li qed jevolvu, il-GÉANT jibqa' l-iktar netwerk ta' riċerka avvanzat fid-dinja. Il-Kummissjoni, bħala parti mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200), impenjata li tappoġġa u tiżviluppa infrastrutturi msejsa fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), bħall-GÉANT, biex l-ammonti kbar ta' informazzjoni diġitali jkunu jistgħu jintużaw biex kemm l-ekonomiji kif ukoll is-soċjetà inġenerali jgawdu minnhom.

Neelie Kroes, il-Viċi President għall-Aġenda Diġitali qalet "Il-Kummissjoni impenjata li tippromwovi l-kollaborazzjoni fir-riċerka madwar id-dinja biex tittratta uħud mill-ikbar sfidi li naffaċċjaw illum f'oqsma daqshekk diversi, bħall-mediċina u t-tibdil fil-klima. Il-saħħa u l-ambitu tal-GÉANT jiżguraw li l-Ewropa tibqa' ċentru ewlieni għar-riċerka u l-edukazzjoni, billi toffri l-aqwa infrastruttura għall-aqwa imħuħ fid-dinja.

Il-GÉANT huwa infrastruttura pan-Ewropea tad-dejta, b'50,000 km, li torbot in-netwerks nazzjonali għar-riċerka u l-edukazzjoni (NRENs) madwar l-Ewropa. Grazzi għall-konnessjonijiet apposta b'veloċità għolja tal-internet minn punt sa punt bejn iċ-ċentri ta' riċerka, 40 miljun utent f'40 pajjiż jista' jikkollabora f'ħin reali fi proġetti ta' riċerka. Il-proġett tal-GÉANT ifittex soluzzjonijiet teknoloġiċi għall-kontroll tan-netwerk, il-ġestjoni u l-forniment tas-servizz. Il-GÉANT jippermetti aċċess sikur u trasparenti għar-riżorsi tan-netwerk lill-utenti, sew jekk ikunu stituzzjonijiet, proġetti jew riċerkaturi.

Permezz tal-ħidma ma' netwerks ekwivalenti madwar id-dinja, il-GÉANT jittrasferixxi d-dejta vitali ta' osservazzjoni dwar il-klima madwar il-globu, billi jappoġġa t-twissijiet bikrin dwar it-temp li jistgħu jsalvaw il-ħajjiet. Permezz ta' konnessjonijiet apposta b'veloċità għolja, il-GÉANT iqabbad ma' xulxin radjuteleskopji remoti, u jipprovdu lir-riċerkaturi b'immaġni tas-sistema solari mwassla f'ħin reali. Billi jipprovdi l-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet tan-netwerk, il-GÉANT jippermetti l-kollaborazzjoni bejn it-tobba u r-riċerkaturi tal-mediċina li ssostni l-iskoperti tal-mediċini u żviluppi ġodda fit-trattament tal-mediċina Il-GÉANT jista' jgħaqqad ir-riċerkaturi flimkien, imexxi l-kooperazzjoni reġjonali madwar l-UE u jsaħħaħ ir-riċerka Ewropea inġenerali.

Il-GÉANT huwa marbut ukoll ma' 9 netwerks reġjonali għar-riċerka u l-edukazzjoni oħra, li għandhom madwar 85 miljun utent mad-dinja kollha.

Grazzi għall-finanzjament mill-Kummissjoni Ewropea u l-NRENs tal-Ewropa, in-netwerk inbena f'inqas minn sena, fl-2000. Illum, in-netwerk tal-GÉANT juża 50,000 km ta' infrastruttura tan-netwerk, inklużi 12,000 km ta' fibrottika madwar l-Ewropa. Matul l-aħħar għaxar snin, il-GÉANT żied il-veloċità tal-internet tiegħu minn 155 megabits fis-sekonda (Mbps) għal 10 Gigabits fis-sekonda (Gbps). Saħansitra, kapaċitajiet iktar veloċi ta' 40 Gbps ġew sperimentati b'suċċess f'distanzi sa 750 km, u konnessjonijiet ta' 100 Gbps jinsabu fil-fażi tal-ippjanar.

Sfond

Il-GÉANT illum għandu konnessjonijiet ta' veloċità għolja mal-Asja, il-Mediterran, l-Afrika t'Isfel, l-Amerika Latina (IP/08/354) u l-Baħar l-Iswed (IP/09/407). Jgħaqqad ukoll il-Pakistan mal-komunità globali tar-riċerka (IP/08/1590) u l-komunità Ewropea tar-riċerka dwar il-fużjoni maċ-ċentri tas-superkomputazzjoni tiegħu (IP/09/117).

Il-GÉANT huwa mmexxi u mħaddem minn kumpanija mingħajr skop ta' qligħ ibbażata f'Cambridge DANTE (Delivery of Advanced Network Technology to Europe - Twassil ta' Teknoloġija Avvanzata ta' Netwerk fl-Ewropa) u appoġġat mit-Trans-European Research and Education Networking Association (TERENA) f'isem in-Netwerks Nazzjonali għar-Riċerka u l-Edukazzjoni li jirrappreżentaw is-27 Stat Membru tal-UE, il-Kroazja, il-FYROM, l-Islanda, l-Iżrael, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja, l-Isvizzera u t-Turkija. L-imsieħba tal-NRENs huma mill-Belarus, il-Moldova, ir-Russja, u l-Ukraina.

Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-GÉANT permezz tal-Programmi Qafas ta' Riċerka tagħha b'finanzjament li jammonta għal EUR 93 miljun għall-perjodu mill-2009 sal-2013.

Għal aktar informazzjoni

Il-websajt tal-GÉANT: www.geant.net


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website