Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1434

Brussell, it-28 ta' Ottubru 2010

L-Industrija għall-Ewropa - L-Ewropa għall-industrija

L-industrija trid tingħata importanza ċentrali jekk l-Ewropa trid tibqa' fuq quddiem fl-ekonomija globali. Dan huwa l-messaġġ ewlieni tal-Komunikazzjoni dwar "Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni" adottata llum mill-Kummissjoni Ewropea bl-inizjattiva tal-Viċi President Antonio Tajani. Il-Komunikazzjoni, inizjattiva ta' prominenza tal-istrateġija Ewropa 2020, tistabbilixxi strateġija li għandha l-għan li ssaħħaħ it-tkabbir u l-impjiegi biż-żamma u l-appoġġ ta' bażi industrijali b'saħħitha, iddiversifikata u kompetittiva fl-Ewropa li toffri impjiegi b'pagi tajbin filwaqt li tiddependi inqas mill-karbonju. Magħha hemm rapport dwar ir-rendiment tal-kompetittività tal-Istati Membri individwali (ara l-MEMO/10/533) u r-Rapport Annwali dwar il-Kompetittività Ewropea.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, responsabbli għall-industrija u l-intrapriża, qal: "L-industrija hija fil-qalba tal-Ewropa u hija indispensabbli biex jinstabu s-soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà tagħna, illum u fil-ġejjieni. L-Ewropa għandha bżonn l-industrija u l-industrija għandha bżonn l-Ewropa. Jeħtieġ li nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-Suq Ewlieni, 500 miljun konsumatur u 20 miljun intraprenditur."

F'din l-era ta' globalizzazzjoni li qed tintensifika ruħha, il-kunċett ta' setturi nazzjonali u industriji ma għadux jeżisti. Jeħtieġ li jkun hemm reazzjonijiet ta' politika Ewropea kkoordinata. L-Ewropa teħtieġ ukoll approċċ li jħares lejn il-katina sħiħa tal-valur, mill-infrastruttura u l-materja prima sas-servizz ta' wara l-bejgħ. Il-promozzjoni tal-ħolqien u t-tkabbir tal-intrapriżi żgħar u medji għandha tkun fil-qofol tal-politika industrijali tal-UE. Barra minn hekk, it-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli trid tiġi sfruttata bħala opportunità ta' tisħiħ tal-kompetittività. Politika Industrijali Ewropea biss li jkollha fil-mira l-kompetittività u s-sostenibbiltà tista' tlaħħaq mal-massa kritika ta' bidla u koordinazzjoni meħtieġa biex jinkiseb riżultat tajjeb. Antonio Tajani żied jgħid: "Ma jistax ikun hemm sostenibbiltà mingħajr kompetittività u ma jistax ikun hemm kompetittività fit-tul mingħajr sostenibbiltà. U ebda waħda minnhom ma tista' sseħħ mingħajr qabża ta' ġgant fl-innovazzjoni!"

Għaxar azzjonijiet ewlenin għall-kompetittività industrjali Ewropea:

  • Se jsir "eżerċizzju ta' ttestjar tal-kompetittività" b'mod espliċitu u bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni l-ġdida. L-impatt fuq il-kompetittività tal-proposti kollha ta' strateġija politika se jiġu analizzati u meqjusa sewwa..

  • "Il-Verifiki tal-prestazzjoni" tal-leġiżlazzjoni attwali se jidentifikaw il-potenzjal għat-tnaqqis tal-effetti kumulattivi tal-leġiżlazzjoni biex jitnaqqas il-kost għall-impriżi fl-Ewropa.

  • Il-ħolqien u t-tkabbir tal-IŻM se jkunu appoġġjati billi jkun iktar faċli għalihom li jkollhom aċċess għall-kreditu u jsibu għajnuna għall-internazzjonalizzazzjoni tagħhom.

  • Se tiġi ppreżentata strateġija biex tissaħħaħ l-istandardizzazzjoni Ewropea biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-industrija.

  • L-infrastruttura Ewropea tat-trasport, l-enerġija u l-komunikazzjoni u s-servizzi se jiġu aġġornati biex ikunu jistgħu jaqdu l-industrija b'mod aktar effiċjenti, filwaqt li tingħata aktar konsiderazzjoni lill-ambjent kompetittiv tal-lum li qed jinbidel.

  • Se tiġi ppreżentata strateġija ġdida dwar il-materja prima biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ta' qafas adatti għal provvista u maniġment sostenibbli tal-materja prima primarja domestika.

  • Se jiġi indirizzat ir-rendiment għall-innovazzjoni speċifiku għas-settur permezz ta' azzjonijiet f'setturi bħal teknoloġiji avvanzati ta' manifattura, il-kostruzzjoni, il-bijokarburanti, u t-trasport fuq it-triq u dak ferrovjarju, b'mod partikolari bil-ħsieb li titjieb l-effiċjenza tar-riżorsi.

  • L-isfidi tal-industriji li jiddependu fuq l-enerġija se jiġu indirizzati permezz ta' azzjonijiet biex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' qafas u l-innovazzjoni issib appoġġ

Se tiġi segwita politika spazjali, żviluppata bil-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Ewropea tal-Ispazju u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tiżviluppa politika ta' industrija spazjali biex toħloq bażi industrijali solida li tkopri l-katina ta' provvista kollha.

  • Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-kompetittività tal-Ewropa u tal-Istati Membri, il-politika u l-prestazzjoni industrijali fuq bażi annwali (ara l-MEMO/10/533).

Biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet ta' bażi industrijali soda, diversifikata u kompetittiva fl-Ewropa jeħtieġ li jkun hemm starteġiji politiċi li jsaħħu lil xulxin. Dan jikkonċerna l-iktar l-inizjattivi differenti ta' prominenza żviluppati taħt l-istrateġija Ewropa 2020 u strateġiji bħal dik dwar is-Suq Ewlieni tal-UE – adottati fis-27 ta' Ottubru (ara IP/10/1390)

Antonio Tajani jikkonkludi hekk: "L-Ewropa hija iktar mis-somma tal-partijiet tagħha stess. Jeħtieġ li nżidu l-ambizzjonijiet konġunti tagħna fil-qasam tal-politika industrijali, ngħaġġlu l-azzjonijiet tagħna u nsaħħu l-governanza Ewropea. Mhix kwistjoni ta' kollox jibqa' kif kien."

L-Isfond

L-industrija tal-Ewropa qed tirkupra b'pass tajjeb mill-kriżi finanzjarja u ekonomika ta' dawn l-aħħar snin u hemm għalfejn wieħed ikun fiduċjuż dwar il-kapaċità tal-industrija li tegħleb l-isfidi marbuta ma' ambjent kummerċjali globali li qed jinbidel. Madankollu, il-livelli ta' produzzjoni industrijali għadhom s'issa aktar minn 10% taħt il-livell ta' qabel il-kriżi, minkejja l-irkupru dinamiku reċenti ta' madwar 10%. Il-manifattura tħaddem kwart tan-nies fis-settur privat, u kwart ieħor jaħdmu fis-servizzi marbuta mal-industrija. Tmenin fil-mija tal-attività kollha ta' riċerka u żvilupp fis-settur privat isseħħ fl-industrija tal-manifattura.

Għal iktar tagħrif:

MEMO/10/532

: "An industrial policy for the globalisation era" – Elements of the Commission’s strategy

MEMO/10/533

: Overview of Competitiveness in 27 Member States

Ir-Rapport dwar il-Kompetittività 2010

Il-Komunikazzjoni "An industrial policy for the globalisation era" hija disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/industrial-competitiveness/industrial-policy/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website