Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1425

Brussell, it-28 ta' Ottubru 2010

It-trasport bl-ajru: Il-Kummissjoni tniedi proċeduri ta' ksur kontra Franza, il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Finlandja dwar ftehimiet mar-Russja dwar titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja

Illum il-Kummissjoni nediet proċeduri ta' ksur kontra Franza, il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Finlandja dwar il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru tagħhom mar-Russja, li fost oħrajn jinkludu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja. Id-deċiżjoni ttieħdet fuq l-inizjattiva tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Siim Kallas, responsabbli għat-Trasport. Il-Kummissjoni tinsab imħassba dwar żewġ kwistjonijiet ewlenin. L-ewwel, il-ftehimiet fil-kwistjoni ma fihomx klawżola li tirrikonoxxi li t-termini japplikaw b'mod ugwali għat-trasportaturi kollha tal-UE, minkejja l-ġurisprudenza "Smewwiet Miftuħa" tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Din tista' toħloq problemi prattiċi serji – pereżempju, jekk il-kontroll ta' linja tal-ajru jittieħed minn linja tal-ajru minn Stat Membru ieħor tista' titlef id-drittijiet kollha tar-rotot tat-traffiku. It-tieni, il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn erba' Stati Membri u r-Russja fihom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tfassil ta' drittijiet tat-traffiku kif ukoll dwar il-modalitajiet għall-iffissar tal-imposti li t-trasportaturi indikati mill-UE għandhom iħallsu lill-Aeroflot sabiex itiru minn fuq is-Siberja fi triqthom lejn l-Asja. Il-Kummissjoni tinsab imħassba minħabba li tali dispożizzjonijiet jistgħu jkunu qed jiksru r-regoli tal-antitrust tal-UE u jistgħu jwasslu għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bi żvantaġġ kemm għal-linji tal-ajru kif ukoll għall-konsumaturi tal-UE. Il-Kummissjoni qed twettaq valutazzjoni b'mod attiv tal-konformità mal-liġi tal-UE tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru tat-tlieta u għoxrin Stat Membru l-ieħor mar-Russja.

Fil-fehma tal-Kummissjoni Ewropea, il-ftehimiet dwar it-trasport tat-traffiku għandhom jitrattaw lil-linji tal-UE b'mod ugwali u għandhom iħarsu r-regoli tal-antitrust. Inkella, ċerti linji tal-ajru tal-UE jista' jkollhom trattament inqas favorevoli minn dak li jingħata lil kompetituri diretti tagħhom jew ikollhom iħallsu imposti addizjonali mhux raġonevoli li jistgħu jiġu trasferiti fuq il-konsumaturi billi jiżdiedu t-tariffi tal-ajru.

Libertà tal-istabbiliment

Il-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru bejn Stat Membru individwali u pajjiż li mhuwiex fl-UE għandhom jinkludu "klawżola ta' deżinjazzjoni tal-UE" li tirrikonoxxi li t-termini japplikaw b'mod ugwali għal-linji tal-ajru kollha tal-UE, u mhux biss għal-linji tal-ajru ta' dak l-Istat Membru biss. Din hija parti essenzjali mis-Suq Uniku tal-Avjazzjoni Ewropew li nħoloq fil-bidu tas-snin disgħin, li jiggarantixxi li l-linji tal-ajru huma intitolati joperaw taħt l-istess kundizzjonijiet fl-UE kollha. Il-ħtieġa li jkun hemm "klawżola ta' deżinjazzjoni tal-UE" ġiet ikkonfermata fid-"deċiżjonijiet tas-Smewwiet Miftuħa" li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-2002. Il-Qorti stqarret li d-dispożizzjonijiet li jillimitaw il-benefiċċji tal-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat qed imorru kontra r-regoli tal-UE dwar il-libertà tal-istabbiliment (issa stabbiliti fl-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE). Il-parti l-kbira tal-ftehimiet ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE issa ġew adattati skont id-deċiżjonijiet tal-Qorti. Ir-Russja hija waħda mill-ftit pajjiżi fid-dinja li tonqos milli tirrikonoxxi li t-trasportaturi kollha tal-UE għandhom jiġu ttratati b'mod ugwali, u li t-termini ta' kwalunkwe ftehim bilaterali għandhom jinkludu l-klawżola ta' "deżinjazzjoni tal-UE" u għandha tapplika għal kollha kemm huma. Din toħloq problemi prattiċi serji, u tpoġġi d-drittijiet tar-rotot f'riskju, pereżempju, għal-linji tal-ajru li l-kontroll tagħhom ikun ittieħed minn linja tal-ajru ta' Stat Membru ieħor.

Imposti għal titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja

Għajr id-drittijiet tat-traffiku speċifiċi, il-linji tal-ajru indikati għandhom l-obbligu li jħallsu imposti għal titjiriet li jgħaddu minn fuq is-Siberja għal rotot lejn bosta destinazzjonijiet tal-Asja. Huwa stmat li fl-2008 biss, it-trasportaturi tal-UE kkonċernati ħallsu madwar USD 420 miljun f'imposti – il-parti l-kbira mis-somma direttament lill-Aeroflot. Il-Kummissjoni hija mħassba li dan huwa ksur tal-liġi tal-antitrust tal-UE fejn il-linji tal-ajru ma għandhomx ikunu sfurzati li jikkonkludu ftehim kummerċjali ma' kompetitur dirett. Il-Kummisjoni hija mħassba wkoll li dan huwa ksur tal-liġi internazzjonali (Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali). Dawn il-ftehimiet bilaterali jimponu wkoll kundizzjonijiet differenti fuq il-linji tal-ajru tal-UE skont il-pajjiż li jkunu bbażati fih, li joħolqu aktar tgħawwiġ tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar, hemm ir-riskju li l-passiġġieri jkollhom iħallsu prezzijiet ogħla milli fil-fatt hu meħtieġ għat-titjiriet tagħhom.

Il-passi li jmiss

Illum il-Kummissjoni bagħtet talbiet formali għal informazzjoni, f'forma ta' ittri ta' tqegħid fil-mora, skont il-proċeduri ta' ksur tal-UE, lill-Awstrija, il-Finlandja, Franza u l-Ġermanja fir-rigward tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru tagħhom mar-Russja. Il-Kummissjoni qed twettaq valutazzjoni b'mod attiv tal-konformità mal-liġi tal-UE tal-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru li t-tlieta u għoxrin Stat Membru l-ieħor għandu mar-Russja.

L-erba' Stati Membri għandhom xahrejn biex iwieġbu l-ittri ta' tqegħid fil-mora. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru mar-Russja huma fil-fatt kontra l-liġi tal-UE, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li titlob lil Franza, il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Finlandja biex jemendaw dawn il-ftehimiet.

Għal aktar aktar informazzjoni dwar il-proċeduri ta' ksur tal-UE, ara MEMO/10/530.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website