Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE

IP/10/1416

Brussell, it-28 ta' Ottubru 2010

L-Ambjent: Malta titressaq il-Qorti mill-Kummissjoni talli naqset milli timplimenta l-liġijiet tal-UE biex tillimita l-impatti tal-istorbju

Il-Kummissjoni Ewropea qed tressaq lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja talli naqset milli ddaħħal fis-seħħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent. Skont il-liġi tal-UE, il-mapep strateġiċi tal-istorbju kellhom jitfasslu sa Ġunju 2007. Malta għad ma għandhiex mapep tal-istorbju ambjentali fuq livell nazzjonali, minkejja li l-Kummissjoni bagħtet bosta ittri skont il-proċedimenti ta' ksur li għaddejjin bħalissa. Fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, il-Kummissjoni ressqet tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Kummissjoni qed tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li naqset milli tistabbilixxi mapep ta' storbju f'ċerti żoni u milli tagħmilhom disponibbli għall-pubbliku. L-għan ta' dawn il-mapep strateġiċi tal-istorbju hu li jgħinu fil-valutazzjoni tal-għadd ta' ċittadini li huma esposti għall-istorbju u jwittu t-triq għall-azzjonijiet tal-Istati Membri lejn esponiment imnaqqas tal-istorbju fejn dan jitqies meħtieġ. Skont il-liġi tal-UE, l-Istati Membri huma mitluba wkoll jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni li jisiltu minn dawn il-mapep strateġiċi tal-istorbju.

Il-proċedimenti nbdew sena ilu, wara li Malta naqset milli tħejji mapep strateġiċi tal-istorbju fil-perjodu ta' żmien stipulat. Inħarġet ittra ta' tqegħid fil-mora, wara li kienu ntbagħtu żewġ opinjonijiet motivati: waħda f'Marżu 2010 u l-oħra f'Ġunju 2010. (Ara IP/10/832)

Il-Kummissjoni tifhem li Malta qiegħda tieħu passi sabiex tħejji l-mapep inkwistjoni, madankollu d-dewmien sinifikanti wassal sabiex il-Kummissjoni tressaq dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Sfond

Id-Direttiva dwar il-Ħsejjes [l-Istorbju] Nru 2002/49/KE, tiddefinixxi approċċ komuni li hu maħsub li jevita, jipprevjeni jew inaqqas l-effetti perikolużi tal-istorbju fuq is-saħħa tal-bniedem, inkluż il-fatt li dan iwassal għal dwejjaq u taqlib fl-irqad minħabba l-esponiment għall-istorbju ambjentali. L-immappjar tal-istorbju huwa pass kruċjali 'il quddiem sabiex jitwettqu l-għanijiet tad-Direttiva, u l-mapep strateġiċi tal-istorbju kellhom jiġu stabbiliti sa mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2007. Il-mapep tal-istorbju huma meħtieġa għall-agglomerazzjonijiet kollha li fihom jgħixu iktar minn 250 000 ruħ u għat-toroq ewlenin kollha li minnhom jgħaddu iktar minn sitt miljun vetturi fis-sena fi kwalunkwe żona fit-territorji tal-Istati Membri. Fl-2005, Malta informat lill-Kummissjoni li l-agglomerazzjoni tal-belt Valletta u lil hinn minnha kellha aktar minn 250 000 abitant u li jeżistu dawn it-tipi ta' toroq ewlenin f'Malta. Skont din l-informazzjoni, Malta għandha tistabbilixxi mapep ta' storbju li jkopru dawn iż-żoni.

Id-Direttiva titlob li għandu jiġi vvalutat l-istorbju li jiġi mit-traffiku tat-triq, il-linji ferrovjarji, l-ajruporti ewlenin u l-industrija. Ma tkoprix l-istorbju ġġenerat minn attivitajiet oħra bħal pereżempju xogħlijiet fil-ġonna, bini jew attivitajiet ta' divertiment.

Għall-istatistika attwali ġenerali dwar il-ksur, ara:

http://ec.europa.eu/environment/legal/implementation_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website