Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE DA NL PT EL SL

IP/10/1413

Brussell, it-28 ta' Ottubru 2010

L-Ambjent: Il-Kummissjoni tinsisti ma' seba' Stati Membri biex iressqu l-pjanijiet tagħhom dwar il-baċiri tax-xmajjar

Il-Kummissjoni Ewropea qed tħeġġeġ lil seba' Stati Membri jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ilma u jressqu l-pjanijiet tagħhom għall-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar Ewropej. L-Istati Membri kkonċernati huma l-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, Malta, il-Portugall, u s-Slovenja. Il-pjanijiet għall-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar kellhom jiġu adottati sa mhux aktar tard mit-22 ta' Diċembru 2009. Qegħdin għalhekk jintbagħtu opinjonijiet motivati, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik. Fin-nuqqas ta' risposti sodisfaċenti mill-Istati Membri konċernati fi żmien xahrejn, il-Kummissjoni tista' tressaqhom quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma tirrikjedi li l-Istati Membri jippubblikaw pjan ta' ġestjoni għal kull distrett tax-xmajjar, sa mhux iktar tard minn disa' snin wara d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni. L-Istati Membri li jaqsmu bejniethom xmajjar internazzjonali jridu jaħdmu flimkien sabiex jipproduċu pjan internazzjonali wieħed għall-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar.

Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma teħtieġ li l-Istati Membri jikkonsultaw mal-pubbliku u ma' partijiet interessati oħra dwar il-pjanijiet u li jippubblikaw abbozzi ta' kopji, filwaqt li jagħtu sitt xhur ċans għal kummenti bil-miktub. Minħabba dawn ir-rekwiżiti, il-konsultazzjonijiet pubbliċi suppost bdew mhux iktar tard minn Diċembru tal-2008.

Minkejja l-fatt li bosta Stati Membri ressqu l-pjanijiet tagħhom, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, Malta, il-Portugall u s-Slovenja naqsu milli jagħmlu dan. Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tibgħat opinjoni motivata lil dawn l-Istati Membri.

Sfond

Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tobbliga lill-Istati Membri jħarsu u jirreġeneraw il-korpi kollha tal-ilma ta' taħt l-art u tal-ilma tal-wiċċ (xmajjar, lagi, kanali u ilma tal-kosta) sabiex jilħqu stat tajjeb sa mhux iktar tard mill-2015. Il-Pjanijet għall-Ġestjoni tal-Baċiri tax-Xmajjar jagħtu daqqa t'għajn komprensiva lill-kwistjonijiet ewlenin għal kull distrett idrografiku, u għandhom jinkludu miżuri speċifiċi meħtieġa sabiex jinltaħqu l-għanijiet ta' kwalità ambjentali stabbiliti. Fil-każ li jiġu applikati xi eżenzjonijiet, għandha tiġi pprovduta ġustifikazzjoni ddettaljata.

Għal iktar tagħrif dwar il-konsultazzjoni u l-istat tal-adozzjoni tal-pjanijiet għall-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar, idħol fuq:

http://ec.europa.eu/environment/water/participation/map_mc/map.htm

Iktar dettalji dwar il-politika tal-ilma:

http://ec.europa.eu/environment/water/index_en.htm

Għall-istatistiċi attwali dwar il-ksur inġenerali, ara:

http://ec.europa.eu/community_law/infringements/infringements_mt.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website