Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE

IP/10/1409

Brussell, it-28 ta' Ottubru 2010

L-Ambjent: Il-Kummissjoni titlob lil Malta tkun konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kaċċa tal-għasafar

Il-Kummissjoni Ewropea qed titlob lil Malta biex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal- Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kaċċa tal-għasafar. Fl-2009, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li Malta, billi ppermettiet il-kaċċa tal-gamiem u s-summien fir-Rebbiegħa bejn l-2004 u l-2007, naqset milli timplimenta d-Direttiva dwar l-Għasafar kif suppost. Il-Kummissjoni hija mħassba dwar il-fatt li leġiżlazzjoni ġdida ta' qafas li għandha l-għan li tippermetti l-kaċċa fir-Rebbiegħa fis-snin futuri, ma tkunx konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk iddeċidiet, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik, biex toħroġ Avviż ta' Tqegħid fil-Mora skont il-proċeduri li għaddeja tal-ksur tal-liġi. Jekk l-awtoritajiet Maltin ma jieħdux l-azzjonijiet neċessarji, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li terġa' tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u titlob għall-penali fiskali.

Fl-10 ta' Settembru 2009, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li Malta, billi ppermettiet il-kaċċa tal-gamiem u s-summien fir-Rebbiegħa bejn l-2004 u l-2007, naqset milli timplimenta d-Direttiva dwar l-Għasafar kif suppost. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tħassib partikolari dwar il-proporzjonalità.

F'April ta' din is-sena, Malta infurmat lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni ta' qafas leġiżlattiv li jkun jippermetti l-kaċċa fir-Rebbiegħa fis-snin futuri sa massimu ta' 25,000 għasfur (12,000 summiena u 13,000 gamiema), matul staġun tal-kaċċa ta' tliet ġimgħat.

Evalwazzjoni fil-fond wasslet lill-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-prinċipju ta' proporzjonalità mhux qed jiġi rrispettat fil-pjanijiet ta' Malta. Id-Direttiva dwar l-Għasafar effettivament tipprojbixxi l-kaċċa fir-Rebbiegħa biex tipproteġi l-għasafar matul l-iżjed perjodu vulnerabbli tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kwalunkwe deroga minn din il-projbizzjoni trid tkun proporzjonali mal-għanijiet kumplessivi tal-konservazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar.

Il-Kummissjoni hija mħassba li l-leġiżlazzjoni Maltija dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa għas-snin futuri ma hijiex konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għaliex tonqos milli tindirizza b'mod sħiħ il-prinċipju tal-proporzjonalità. Qed jingħataw tliet raġunijiet għal dan: ma hemm l-ebda obbligu li jrid jiġi kkunsidrat l-istatus tal-konservazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati meta huma definiti l-limiti tal-qabda; ma hemm l-ebda dispożizzjoni li tikkunsidra l-possibbiltajiet tal-kaċċa fil-Ħarifa f'dik is-sena ta' qabel ma jinfetaħ l-istaġun tar-Rebbiegħa; u l-limiti massimi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ma humiex biżżejjed biex jiżguraw iż-żamma tal-popolazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati f'livell sodisfaċenti.

B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni qed tikkunsidra li Malta ma kinetx konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk qed jintbgħat avviż ta' tqegħid fil-mora.

Ir-regoli tal-kaċċa fil-livell tal-UE

Il-kaċċa fl-UE hija rregolata bid-Direttiva tal-1979 dwar l-Għasafar Selvaġġi. Minkejja li d-Direttiva fiha projbizzjoni ġenerali dwar il-qtil tal-għasafar selvaġġi, tippermetti l-kaċċa ta' ċerti speċijiet, bil-kundizzjoni li din ma sseħħx matul il-perjodu tar-riproduzzjoni jew tal-passa. Dawn il-perjodi magħluqa huma ta' importanza kritika biex l-għasafar selvaġġi jitħallew iġeddu l-popolazzjonijiet tagħhom. Il-perjodi tal-kaċċa huma definiti fil-livell nazzjonali, u jvarjaw skont l-ispeċi u l-lok ġeografiku. Reċentement, din id-Direttiva kienet konsolidata bid-Direttiva Nru 2009/147/KE ta' Novembru 2009.

Għall-istatistika attwali ġenerali dwar il-ksur, ara:

http://ec.europa.eu/environment/legal/implementation_en.htm

MEMO/10/530


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website