Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tadotta l-prijoritajiet strateġiċi għall-2011

European Commission - IP/10/1399   27/10/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1399

Brussell, is-27 ta' Ottubru 2010

Il-Kummissjoni tadotta l-prijoritajiet strateġiċi għall-2011

L-2010 wriet li l-istituzzjonijiet tal-UE kienu lesti u kapaċi jaffaċċjaw l-avversità b’saħħa, determinazzjoni u solidarjetà u jindirizzaw l-isfidi mingħajr preċedent tal-kriżi finanzjarja u ekonomika. Issa jeħtieġ li jiġi żgurat li l-irkupru jkun kostanti. Il-Kummissjoni Ewropea adottat il-programm ta’ ħidma ġdid tagħha għall-2011 li jittrasforma dawn l-għanijiet f’azzjonijiet konkreti. Il-Programm ta' Ħidma jirrifletti d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tiggwida l-Ewropa 'l barra mill-kriżi u lejn futur ta’ prosperità, sigurtà u ġustizzja soċjali.

Dwar il-programm ta’ ħidma l-ġdid, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, qal li: L-Unjoni Ewropea wriet li hija kapaċi tlaħħaq mal-isfidi li qed taffaċċja iżda għadna ma ssuperajniex il-problemi. Jeħtieġ li l-politiki tagħna jirriflettu l-impenn kontinwu tagħna li noħolqu tkabbir u impjiegi sostenibbli bbażati fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 u jeħtieġ li nikkonċentraw fuq inizjattivi li fihom l-UE tista’ twassal valur miżjud reali. Il-programm ta’ ħidma li ġie adottat illum se jiżgura li l-irkupru jkun sostnut sas-sena l-ġdida u lil hinn minnha. Qed ninnota grad kbir ta’ konverġenza fuq il-prijoritajiet ġenerali għall-Ewropa. Nittama li dan se jissarraf f’riżultati politiċi bikrija għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Il-prijoritajiet għall-2011 jaqgħu taħt ħames intestaturi ewlenin:

  • Sostenn għall-ekonomija Ewropea tas-suq soċjali biex toħroġ mill-kriżi u lil hinn mill-istess kriżi (l-eżempji jinkludu qafas leġiżlattiv għall-ġestjoni tal-kriżi tal-banek, proposti biex jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumaturi fil-każ tas-servizzi finanzjarji u regolament dwar aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu – bl-għan li r-riforma ambizzjuża tas-settur finanzjarju tagħna titlesta s-sena d-dieħla)

  • Tkabbir mill-ġdid għall-impjiegi (l-eżempji jinkludu l-mekkaniżmi ġodda ta’ infurzar tat-taxxa, proposti ta’ appoġġ għall-kompetittività tal-impriżi tal-UE, b’mod partikolari l-SMEs, Pjan Ewropew għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija, inizjattiva ta’ Negozju Soċjali, inizjattivi leġiżlattivi dwar l-allokazzjoni tal-ħaddiema u l-ħin tax-xogħol li għandhom jitfasslu bi djalogu mill-qrib mal-imsieħba soċjali, titjib fil-oqsfa għat-tassazzjoni tal-kumpaniji u tal-VAT)

  • Twettiq tal-aġenda taċ-ċittadini: Drittijiet, Libertà u Ġustizzja (l-eżempji jinkludu tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi, Qafas ta' Referenza Komuni għad-dritt tal-kuntratti, Leġiżlazzjoni dwar il-Protezzjoni Ċivili mġedda, Programm ta’ Vjaġġaturi Reġistrati u struttura ta’ governanza ġdida għall-OLAF, l-uffiċċju tal-UE kontra l-frodi)

  • L-użu mill-Ewropa tal-influwenza tagħha fix-xena globali (l-eżempji jinkludu appoġġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-projezzjoni tal-għanijiet għat-tkabbir għall-2020 fuq ix-xena esterna u l-issoktar tat-titjib tal-assistenza tal-UE għall-iżvilupp bl-għan li jintlaħqu dawk li huma l-aktar fil-bżonn)

  • Aktar enfasi fuq ir-riżultati milli fuq il-miżuri li jwasslu għalihom: l-aħjar użu mill-politiki tal-UE (l-eżempji jinkludu proposta għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, l-għoti ta’ importanza ċentrali lir-regolamentazzjoni għaqlija u t-titwil tal-perjodu ta’ Konsultazzjoni għal 12-il ġimgħa)

Sfond

Id-diskors tal-President dwar l-Istat tal-Unjoni fil-bidu ta’ Settembru 2010 ta bidu għal dibattitu miftuħ li fih l-istituzzjonijiet tal-UE setgħu jiddiskutu l-prijoritajiet tal-Unjoni għas-sena li jmiss. Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni jagħti kunsiderazzjoni sħiħa lil dawn id-diskussjonijiet produttivi u jittrasforma l-viżjoni tal-Kummissjoni f’azzjonijiet konkreti għall-2011. F’dan il-kuntest, jeżamina mill-ġdid il-kisbiet tal-Programm ta’ Ħidma għall-2010 u jenfasizza inizjattivi li qed jiġu kkunsidrati għas-snin li ġejjin.

Bħal fl-2010, il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għandu miegħu erba' annessi:

  • lista ta' 40 inizjattiva strateġika li l-Kummissjoni timpenja ruħha li twettaq fl-2011 (l-Anness I).

  • lista ta’ aktar minn 140 inizjattiva possibbli oħra li se jitħejjew sa tmiem il-mandat (l-Anness II)

  • lista ta' proposti ta' simplifikazzjoni u ta’ proposti li għandhom jiġu rtirati (l-Annessi III u IV).

Il-Kummissjoni issa se taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, kif ukoll mal-partijiet interessati, inklużi l-parlamenti nazzjonali, biex tiżgura appartenenza wiesgħa kemm tal-approċċ sħiħ u tal-inizzjattivi individwali.

Il-programm ta’ ħidma jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/atwork/programmes/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website