Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1390

Brussell, 27 ta' Ottubru 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta l-pjanijiet tagħha sabiex issaħħaħ is-Suq Uniku b'miżuri għaż-żieda tat-tkabbir u titjieb tad-drittijiet taċ-ċittadini

Is-Suq Uniku tal-Unjoni Ewropea hu l-pilastru li jissimboliżża aktar minn 60 sena ta' integrazzjoni Ewropea. L-ixkiel għall-moviment ħieles ta' oġġetti u servizzi minn Lisbona għal Ħelsinki, issa ma għadux preżenti. Illum l-impriżi jibbenefikaw minn suq ta' aktar minn 500 miljun konsumatur. Konsumaturi li jsiefru raw tnaqqis drammatiku fuq it-tariffi tal-mowbajls. L-introduzzjoni ta' munita unika bidlet ix-xiri u l-ivvjaġġar f'pajjiż ieħor f'attività faċli. Attwalment il-ħaddiema jgawdu minn drittijiet estensivi. In-nies jistgħu jaħdmu, jistudjaw u jgħixu fi kwalunkwe mis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li l-Ewropej jistgħu jkunu kburija b'dawn il-kisbiet, in-negozji u ċ-ċittadini jafu wkoll li għad fadal bosta xkiel meta jkunu qed jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea proponiet serje ta' soluzzjonijiet konkreti f'żewġ rapporti ppubblikati llum sabiex jagħtu spinta lis-suq uniku. Fir-Rapport tal-UE dwar iċ-Ċittadinanza, il-Kummissjoni tipproponi miżuri li jiffaċilitaw il-ħajja tan-nies meta jeżerċitaw id-drittijiet tal-UE tagħhom sabiex jiżżewġu, jixtru dar jew jirreġistraw karozza f'pajjiż ieħor tal-UE. Għaż-żieda tat-tkabbir, kompetittività u progress soċjali, l-Att dwar is-Suq Uniku jsejjaħ għal azzjoni sabiex jagħmel il-ħajja tal-partiċipanti fuq is-suq kollha – kumpaniji, kosumaturi u ħaddiema – eħfef.

"Il-moviment ħieles hu dritt importanti ħafna fl-Unjoni Ewropea. Kemm in-negozji kif ukoll iċ-ċittadini gawdew bil-bosta hekk kif l-UE kissret l-ixkiel intern b'mod progressiv għall-moviment ta' oġġetti, servizzi u persuni. Nixtieq nibni fuq il-kisbiet tagħna sabiex kulħadd – mit-turisti u studenti sal-ħaddiema u proprjetarji ta' negozji żgħar – ikun jista' jibbenefika tassew minn żona Ewropea ta' libertà, sigurtà u ġustizzja," stqarret il-Viċe-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza. "L-għan tiegħi llum hu li niżgura li nneħħu l-ixkiel li fadal li n-nies ikollha taffaċċja meta teżerċita d-drittijiet tagħha. Iċ-ċittadini jridu jħossuhom komdi jekk jivvjaġġaw, jistudjaw jew jgħixu 'l barra minn pajjiżhom. Iċ-ċittadini jrid ikollhom l-istess drittijiet ikunu fejn ikunu."

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier jgħid: "Is-Swieq għandhom iservu kemm lill-ekonomija kif ukoll liċ-ċittadini tagħna. Dan hu dak li jiddefinixxi lis-soċjetà tagħna. Iżda attwalment, is-Suq Uniku tal-UE mhux qed jilħaq il-miri tiegħu kif suppost u biżżejjed: għandu joffri aktar. Iċ-ċittadini u kummerċjanti, kbar u żgħar, għandhom bżonn ikollhom xi ħaġa li tinteresshom fis-Suq Uniku. Hemm urġenza reali: L-Ewropa ma tistax taffordja li tħalli dan il-potenzjal milli jiġi sfruttat. Huwa għal din ir-raġuni li llum is-Suq Uniku qed jipproponi 50 proposta li għandhom jidħlu fis-seħħ sal-2012 sabiex is-Suq Uniku jiffunzjona b'mod aħjar."

Il-ħajja taċ-ċittadini tkun aktar faċli

L-ewwel Rapport tal-UE dwar iċ-Ċittadinanza janalizza l-problemi ta' kuljum li ċ-ċittadini jridu jaffaċċjaw meta qed jeżerċitaw id-drittijiet tal-UE tagħhom u meta jestendu aspetti minn ħajjithom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali: meta jsiefru, jistudjaw, jaħdmu, jiżżewġu, jixtru dar jew karozza f'pajjiż ieħor tal-UE. Ir-rapport jinkludi 25 miżura li l-Kummissjoni qed tippjana li tadotta fit-tliet snin li ġejjin sabiex tagħmel il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej eħfef:

  • Turisti/Persuni li ma jgħixux f'pajjiżhom: Il-Kummissjoni se taġġorna r-regoli li jipproteġu lill-vjaġġaturi minn pereżempju, falliment tal-kumpanija ta' vjaġġ tagħhom waqt il-btala tagħhom (IP/09/1824). Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll metodi addizzjonali sabiex issaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri fil-metodi kollha tat-trasport u tinforza d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru (eż. fil-każ ta' dewmien twil u kanċellazzjonijiet). Il-Kummissjoni se tkompli tirrafforza d-dritt għall-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE li l-Istat Membru tagħhom mhux rappreżentat f'pajjiżi terzi, billi ssaħħaħ il-qafas legali u żżid l-għarfien fost iċ-ċittadini u l-uffiċjali konsulari.

  • Konsumaturi: il-Kummissjoni se tgħin lill-konsumaturi sabiex ikollhom rimedju jekk ikollhom problemi ma' xi kummerċjant, billi tiffaċilita riżoluzzjoni tat-tilwim transkonfinali li hi bla telf ta' ħin u mhix għolja barra mill-qorti, permezz ta' promozzjoni ta' riżoluzzjoni alternattiva għat-tilwim u medjazzjoni.

  • Koppji: il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni sabiex tagħmilha aktar faċli għal koppji internazzjonali biex ikunu jafu liema qrati għandhom ġuriżdizzjoni u liema liġi ta' liema pajjiż tapplika għad-dar li hi proprjetà tagħhom b'mod konġunt jew għall-kontijiet ta' bank tagħhom.

  • Ħaddiema: il-Kummissjoni qed tiżviluppa sistema ġdida ta' skambju ta' informazzjoni elettroniku bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali sabiex tagħmilha aktar sempliċi u ta' malajr lill-persuni li qed jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE biex ikunu jistgħu jittrasferixxu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom.

  • Sidien ta' karozzi: il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni sabiex tissimplifika l-burokrazija u formalitajiet għar-reġistrazzjoni ta' karozzi li nxtraw minn pajjiż tal-UE ieħor u se tindirizza każijiet fejn ċittadini huma meħtieġa li jħallsu taxxa ta' reġistrazzjoni darbtejn.

Tiġdid tal-Programm "Ewropa għaċ-Ċittadin"

Il-programm "Ewropa għaċ-Ċittadin", li jappoġġja l-ġemellaġġ għall-ibliet u l-proġetti taċ-ċittadini, bħalissa qed jiġi rivedut. Il-Kummissjoni qed tniedi konsultazzjoni pubblika llum sabiex tippermetti lin-nies jagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-istadju li jmiss tal-attivitajiet tal-programm. Il-konsultazzjoni tista' tiġi aċċessata fit-23 lingwa tal-UE permezz tal-websajt ghall-konsultazzjonijiet pubblici tal-Kummissjoni.

Suq Uniku għat-tkabbir

B'20 miljun impriża li jipprovdu 175 miljun post tax-xogħol, in-negozji għandhom rwol essenzjali fil-proċess għat-tkabbir. L-Att dwar is-Suq Intern se jissimplifika l-ħajja għall-SMEs, li jammontaw għal aktar minn 99% tan-negozji fl-Ewropa. Iżda l-ġid u tkabbir tal-Ewropa ma jistriħux biss fuq in-negozji Ewropej. Sistema soċjali tajba, edukazzjoni ta' kwalità, impjiegi u salarji kompetittivi huma importanti bl-istess mod. L-Att dwar is-Suq Uniku se jkompli jsaħħaħ l-ekonomija soċjali tas-suq Ewropea, li hi kompetittiva ħafna, u se jpoġġi lin-nies fil-qalba tas-Suq Uniku. bħala konsumaturi, kontribwenti tat-taxxa, ħaddiema, investituri, imprendituri, pazjenti jew pensjonanti.

Prijoritajiet Prinċipali:

  • Għan-negozju: Kapital għall-SMEs: L-aċċess għall-finanzi għall-SMEs hu iebes. In-negozji ż-żgħar Ewropej bilkemm jidhru lill-investituri potenzjali u r-rekwiżiti sabiex jiġu mniżżla fuq is-swieq tal-kapital huma kumplessi. Il-Kummissjoni se tipprepara proposti sabiex tbiddel dan. Il-Kummissjoni se tnaqqas ukoll l-ispejjeż għall-SMEs billi tissimplifika r-regoli tal-kontabilità u ttejjeb l-aċċess tagħhom għall-kuntratti ta' akkwist pubbliku. Il-Kummissjoni se tipprova tintroduċi bażi komuni tat-taxxa għan-negozji li joperaw b'mod transkonfinali, u b'hekk twassal għal aktar iffrankar ta' infiq.

  • Għan-negozju: Negozju Soċjali u investiment fuq tul ta' żmien. L-Ewropa għandha potenzjal enormi għall-iżvilupp ta' intraprenditorija soċjali. Fi snin reċenti, ittieħdu bosta inizjattivi minn individwi, fundazzjonijiet u kumpaniji sabiex itejbu l-aċċess għall-ikel, abitazzjoni, kura tas-saħħa, xogħol u servizzi bankarji għal dawk li huma fil-bżonn. Il-Kummissjoni se tipproponi statuti Ewropej għal organizzazzjonijiet bħal dawn sabiex iservu u jippromwovu l-ekonomija soċjali biex tappoġġja aktar azzjoni transkonfinali. Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi wkoll investimenti fuq tul ta' żmien, inkluż investimenti etiċi, esplorazzjoni ta' għażliet għal reġim speċifiku ta' ttikkettjar.

  • Għall-konsumaturi: Kummerċ onlajn: Ewropej li għadhom żgħar ma jistgħux jifhmu r-raġuni għalfejn ma jistgħux dejjem jixtru l-mużika tagħhom fuq kwalunkwe websajt. Illum, is-suq onlajn hu 'l bogħod ħafna milli jiffunzjona kif suppost. Din hi r-raġuni għalfejn il-Kummissjoni se tipproponi regoli fl-2011 immirati sabiex jiżguraw li dawk li joħolqu u l-artisti jistgħu jbiegħu xogħolhom mal-Ewropa kollha b'punt ta' waqfa wieħed ("one-stop shop") biex jieħdu l-awtorizzazzjoni li tippermettilhom jiġbru l-frott ta' xogħolhom. Implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva tas-Servizzi u regoli aġġornati għall-kummerċ elettroniku se jagħmlu differenza wkoll.

  • Ħaddiema: kwalifiki professjonali: 4600 professjoni illum huma regolati b'mod differenti fl-Istati Membri. Reviżjoni approfondita tad-direttiva dwar il-kwalifiki professjonali suppost ilha li saret. Il-Kummissjoni temmen li l-introduzzjoni ta' karti tal-I.D. jew "cartes professionnelles" se tnaqqas il-burokrazija li jkun fadal.

Suq Uniku li jiffunzjona

Mingħajr infurzar effettiv, is-Suq Uniku jieqaf jiffunzjona. L-Istati Membri tal-UE huma responsabbli għall-implimentazzjoni f'waqtha u korretta tad-dritt Ewropew fil-liġi nazzjonali. Flimkien mal-miżuri normali ta' infurzar, il-Kummissjoni se timpenja ruħha wkoll fi djalogu regolari mal-Istati Membri, bħal pereżempju l-valutazzjoni reċiproka tal-liġijiet tal-UE u mekkaniżmi alternattivi ta' tilwim.

Sabiex din id-diskussjoni tkompli timxi 'l quddiem, il-Kummissjoni se tippreżenta dibattitu mifrux mal-Ewropa kollha mal-persuni interessati kollha dwar l-Att li jittratta s-Suq Uniku. Fil-futur, il-Kummissjoni se ssaħħaħ dejjem aktar il-konsultazzjoni u djalogu tagħha mas-soċjetà ċivili. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se tkabbar il-gruppi ta' esperti tagħha sabiex jirrappreżentaw lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, sindakati, negozji u awtoritajiet lokali.

Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-lum hu disponibbli fil-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Homepage tal-Viċe-President Viviane Reding, Kummissarju tal-Ġustizzja, Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza tal-UE:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm

Homepage ta' Michel Barnier, Kummissarju għas-Suq Intern tal-UE:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/barnier/index_en.htm

Aktar informazzjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku hi disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/internal_market/smact/index_en.htm

MEMO/10/525


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website