Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1381

Brussell, is-26 ta' Ottubru 2010

Il-Kummissjoni tieħu azzjoni biex ittejjeb ir-reazzjoni Ewropea għad-diżastri

Illum sar pass lejn reazzjoni Ewropea għad-diżastri aħjar, eħfef u aktar effiċjenti, meta l-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni ġdida mmirata biex issaħħaħ il-kapaċità tal-Unjoni f'dan il-qasam - kemm f'termini ta' protezzjoni ċivili kif ukoll f'assistenza umanitarja. Din l-istrateġija l-ġdida tfittex soluzzjoni fuq żewġ binarji: l-ewwel, permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità Ewropea eżistenti ta' reazzjoni u l-assi ta' emerġenza tal-Istati Membri, u t-tieni, permezz tat-twaqqif ta' Ċentru Ewropew għar-Reazzjoni f'Emerġenza, pjattaforma ġdida għall-iskambju ta' informazzjoni u koordinazzjoni aktar b'saħħitha tal-UE biex tirreaġixxi għad-diżastri.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, Għajnuna Umanitarja u Reazzjoni għall-Kriżi, Kristalina Georgieva qalet: "In-numru ta' diżastri madwar id-dinja żdied b'ħames darbiet mill-1975. Kull siegħa tgħodd meta jfaqqa' diżastru, għalhekk l-Unjoni Ewropea għandha bżonn sistema li tista' tiggarantixxi li l-assi l-aktar importanti jkunu disponibbli biex jiġu skjerati immedjatament mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' investiment fi strutturi ġodda, sabiex l-istrateġija tagħna ta' reazzjoni tkun mhux biss ippjanata b'mod effiċjenti imma wkoll kost-effettiva. M'għandniex nistennew għad-diżastru kbir li jmiss qabel ma nieħdu azzjoni."

Il-proposti tal-lum għandhom l-għan li jsaħħu iktar il-koordinazzjoni tar-reazzjoni għad-diżastri tal-Unjoni Ewropea, kemm fi ħdan kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha. Sabiex ikun hemm effiċjenza u koerenza, il-Komunikazzjoni tipproponi l-ħolqien ta' Kapaċità Ewropea ta' Reazzjoni. Is-suġġeriment hu ta' grupp volonatarju ta' assi ta' emerġenza tal-Istati Membri impenjati minn qabel u l-iżvilupp ta' pjani ta' kontinġenza. Il-Komunikazzjoni taħseb ukoll għal Ċentru Ewropew għar-Reazzjoni f'Emerġenza, ċentru ta' reazzjoni ġenwin li se jinħoloq permezz tal-amalgamazzjoni tal-kmamar ta' kriżi tal-għajnuna umanitarja (ECHO) u tal-protezzjoni ċivili (MIC). Dan iċ-ċentru se jkun qiegħed il-ħin kollu jiskambja l-esperjenza u jiġbor l-informazzjoni fil-ħin reali fiż-żewġ oqsma. Iċ-ċentru l-ġdid ta' reazzjoni se jissorvelja l-perikli, jipprovdi twissijiet bikrija u jikkoordina r-rispons ċivili tal-UE għad-diżastri.

Din l-istrateġija tar-rispons għad-diżastri hi bbażata fuq koordinazzjoni tal-informazzjoni u tar-riżorsi, aktar milli fuq strutturi ġenerali ġodda. Dan isir sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u tiġi mmasimizzata l-kost-effiċjenza. It-titjib fil-koordinazzjoni se jsaħħaħ ukoll il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-isforzi li jsiru fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, l-aktar bit-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-bżonnijiet. L-istrateġija tindirizza wkoll il-ħtieġa għal żieda tal-viżibbiltà tax-xogħol li jsir mill-UE fl-operazzjonijiet tagħha tar-reazzjoni għad-diżastri. Qed jiġu proposti miżuri adattati, bħall-użu ta' simboli tal-UE fejn ikun xieraq, u l-iżgurar li l-imsieħba umanitarji tal-Kummissjoni jagħtu viżibbiltà adegwata lill-assistenza ffinanzjata mill-UE. Viżibbiltà aħjar tiżgura aktar trasparenza dwar ir-riżultati tal-attivitajiet umanitarju tal-Unjoni - kemm għaċ-ċittadini tagħha, u għal dawk li huma jgħinu madwar id-dinja.

Sa issa, l-Unjoni Ewropea kellha żewġ strumenti ewlenin għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura reazzjoni rapida u effettiva għad-diżastri - assistenza umanitarja u protezzjoni ċivili. It-tnejn tpoġġew fuq bażi legali ġdid permezz tat-Trattat ta' Lisbona, u l-komunikazzjoni tal-lum hi l-ewwel pass lejn it-tisħiħ tar-rispons tal-Unjoni għad-diżastri b'mod li hu kemm konformi mat-Trattat, u konformi mas-sejħiet ripetuti għat-titjib tar-rispons tagħha għad-diżastri.

Għal aktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/echo/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website