Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1379

Brussell, 26 ta' Ottubru 2010

Ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-kriżi ekonomika: l-aħjar azjendi tal-UE inaqqsu l-investiment inqas mir-rivali fl-Istati Uniti, iżda l-Ewropa għadha lura sew

Il-"Klassifika tal-UE għall-Investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp Industrijali" tal-Kummissjoni Ewropea turi li l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp mill-aħjar azjendi tal-UE naqas bi 2.6 % fl-2009 għalkemm il-bejgħ u l-profitt naqqsu iktar, b'10.1 % u 21 % rispettivament. It-tnaqqis drastiku ta' 5.1 % fl-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp minn atturi ewlenin fl-Istati Uniti kien id-doppju tat-tnaqqis fl-UE, iżda t-tnaqqis dinji kien inqas, fil-livell ta' 1.9 %. L-azjendi Ġappuniżi żammew il-livell ta' investiment tagħhom. Kumpaniji bbażati fi bnadi oħra fl-Asja iċ-Ċina, l-Indja, Hong Kong, il-Korea ta' Isfel u t-Taiwan komplew it-tkabbir qawwi fir-Riċerka u l-Iżvilupp li sar fis-snin preċedenti. Il-kumpanija Ġappuniża li timmanifattura l-karozzi Toyota hija l-ikbar investitur dinji fir-Riċerka u l-Iżvilupp (EUR 6.8 biljuni) għat-tieni sena konsekuttiva. Tliet kumpaniji tal-UE jidhru fost l-ewwel għaxra: Volkswagen, l-ikbar investitur ibbażat fl-Ewropa b'investiment ta' EUR 5.8 biljuni, Nokia u Sanofi-Aventis. Il-Klassifika tkopri l-aħjar 1400 kumpanija madwar id-dinja.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza qalet: "Il-fatt li azjendi ewlenin tal-UE fil-biċċa l-kbira żammew l-investimenti tagħhom fir-Riċerka u l-Iżvilupp juri li huma jirrikonoxxu r-Riċerka u l-Iżvilupp bħala l-mod ewlieni biex joħorġu iktar b'saħħithom mill-kriżi. Iżda d-distakk kbir mal-aħjar kumpaniji Amerikani f'oqsma bħas-softwer u l-bijoteknoloġija u l-kontinwazzjoni tat-tkabbir mgħaġġel ta' kumpaniji bbażati fl-Asja jenfasizza l-emerġenza fl-innovazzjoni li qed taffaċċja l-Ewropa. Neħtieġu b'urġenza li l-kapijiet tal-istati u tal-gvernijiet waqt il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru jappoġġjaw il-proposti tal-Unjoni tal-Innovazzjoni li Antonio Tajani u jiena ħabbarna fis-6 ta' Ottubru."

Il-Klassifika ta' din is-sena turi li minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli mingħajr preċedent, l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp jibqa' prijorità strateġika importanti għall-aħjar azjendi madwar id-dinja.

Xejriet fir-reġjuni dinjija

Matul l-2009, kumpaniji ewlenin tal-UE naqqsu l-investimenti fir-Riċerka u l-Iżvilupp ħafna inqas mill-kontrapartijiet tagħhom fl-Istati Uniti minkejja tnaqqis simili fil-bejgħ (madwar 10 %) u tnaqqis ikbar fil-profitt (13.0 % kontra 1.4 %).

Il-prestazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp tal-kumpaniji Ewropej hija dgħajfa f'oqsma ewlenin ta' teknoloġija avvanzata. Pereżempju l-kumpaniji Amerikani elenkati fil-Klassifika investew ħames darbiet iktar mill-kontrapartijiet Ewropej tagħhom fir-Riċerka u l-Iżvilupp fis-semikondutturi, erba' darbiet iktar f'softwer għar-Riċerka u l-Iżvilupp u tmien darbiet iktar fil-bijoteknoloġija.

Il-kumpaniji Ġappuniżi żammew l-ivestiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp minkejja t-tnaqqis qawwi fil-bejgħ (madwar 10 %) u fil-profitt (88.2 %).

Kumpaniji ewlenin li għandhom il-kwartieri ġenerali f'xi pajjiżi Asjatiċi, komplew it-tkabbir qawwi tas-snin preċedenti, pereżempju iċ-Ċina (sa 40 %), l-Indja (27.3 %), Hong Kong (14.8 %), il-Korea ta' Isfel (9.1 %) u t-Taiwan (3.1 %). Kumpaniji Svizzeri żiedu wkoll l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp (2.5 %).

Xejriet tal-kumpanji u s-setturi

Tliet kumpaniji li għandhom il-kwartieri ġenerali fl-UE huma fost l-aħjar għaxar investituri fir-Riċerka u l-Iżvilupp (Volkswagen, Nokia u Sanofi-Aventis) flimkien ma' tliet kumpaniji mill-Istati Uniti (Microsoft, Pfizer u Johnson & Johnson) u kumpanija Ġappuniża (Toyota, fl-ogħla post). L-aħjar 50 kumpanija jinkludu 16–il kumpanija mill-UE, 19 mill-Istati Uniti u 12 mill-Ġappun (grafika 2). 30 mill-aħjar 50 naqqsu l-investiment fl-2009.

Minkejja l-kriżi, il-kompożizzjoni settorjali tal-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp madwar id-dinja baqgħet kważi l-istess. Għall-kumpaniji Amerikani, setturi li għandhom intensità qawwija fir-Riċerka u l-Iżvilupp jikkontribwixxu għal iktar minn żewġ terzi mit-total tar-Riċerka u l-Iżvilupp. B'kuntrast, għall-kumpaniji Ewropej u Ġappuniżi, jippredominaw is-setturi li għandhom intensità medja fir-Riċerka u l-Iżvilupp (bħal pereżempju l-karozzi jew l-elettroniċi) filwaqt li s-setturi li għandhom intensità qawwija fir-Riċerka u l-Iżvilupp jikkostitwixxu terz tal-investiment totali.

Kien hemm tnaqqis kbir fl-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp minn xi kumpaniji li jimmanifatturaw il-karozzi bħal pereżempju Ford (32.4 %), Renault (26.5 %) u General Motors(24.1 %). Oħrajn bħal Nissan u Toyota wrew tnaqqis modest jew saħansitra żiedu l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp, pereżempju il-kumpanija Hyundai.

Kumpaniji li żiedu l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp fl-2009 huma mhux biss dawk li għandhom bejgħ u profitt tajjeb bħall-Huawei Technoloġies (27.8 %) u Apple (25.4 %) iżda wkoll xi kumpaniji bħall-Bayer (8.8 %) u General Electric (10.1 %) li żiedu r-Riċerka u l-Iżvilupp filwaqt li l-profitti u l-bejgħ naqsu.

Is-settur tal-enerġija alternattiva kompla jikber b'rata mgħaġġla. Il-Klassifikazzjoni issa tinkludi 15-il kumpanija (9 iktar mis-sena l-oħra) li qed jiffukaw totalment fuq it-teknoloġija tal-enerġija nadifa. Dawn il-kumpaniji, 13 ibbażati fl-UE u tnejn bnadi oħra, investew iktar minn EUR 500 miljun fir-Riċerka u l-Iżvilupp fl-2009, żieda ta' 28.7 %. Investimenti fl-enerġija alternattiva jsiru wkoll mill-kumpanji kklassifikati taħt setturi oħra, pereżempju żejt u gass.

Differenzi fl-UE – l-aħjar investituri Spanjoli fir-Riċerka u l-Iżvilupp jirreżistu l-kriżi

Fl-UE, ir-rati ta' tkabbir fir-Riċerka u l-Iżvilupp ivarjaw bejn l-Istati Membri minħabba l-kompożizzjoni settorjali varjata tagħhom. Uħud mill-ikbar tnaqqisijiet fir-Riċerka u l-Iżvilupp fl-UE fl-2009 għamluhom kumpaniji bbażati f'pajjiżi bħall-Ġermanja (tnaqqis ta' 3.2 %) u Franza (4.5 %) li għandhom industrija kbira tal-manifattura tal-karozzi.

Pajjiżi bħall-Finlandja (tnaqqis ta' 6 %) u l-Isvezja (6.6 %) fejn il-ħardwer tal-informatika huwa industrija ewlenija għall-kumpaniji bbażati lokalment, intlaqtu ħażin ħafna wkoll.

Madankollu, l-aħjar investituri Spanjoli fir-Riċerka u l-Iżvilupp żiedu l-investiment bi 15.4 %, minkejja t-tnaqqis drastiku fil-bejgħ ta' 6.4 %. Dan kien minħabba żidiet kbar mill-aħjar kumpaniji Spanjoli bħat-Telefónica (16 %) u Acciona (29 %) u l-inklużjoni tal-aħjar atturi bħall-Banco Santander (18 %).

Sfond

Il-Klassifika tal-UE għall-Investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp Industrijali hija ppubblikata kull sena mill-Kummissjoni Ewropea (mid-DĠ għar-Riċerka u miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka) u tipprovdi informazzjoni dwar l-aħjar 1400 kumpanija dinjija (400 mill-UE u 1000 minn barra l-UE) ikklassifikati skont l-investimenti tagħhom fir-Riċerka u l-Iżvilupp. Il-klassifika tkejjel il-valur totali tal-investiment globali tagħhom fir-Riċerka u l-Iżvilupp, irrispettivament mil-lokazzjoni fejn iseħħu r-Riċerka u l-Iżvilupp rilevanti. Għalhekk, ma tindikax ix-xejriet fis-settur privat tal-intensità tar-Riċerka u l-Iżvilupp – nefqa fin-negozju tar-Riċerka u l-Iżvilupp f'pajjiż partikolari jew reġjun bħal proporzjon tal-Prodott Domestiku Gross, kemm jekk dik in-nefqa ssir minn kumpaniji lokali kif ukoll jekk issir permezz ta' investiment lejn il-pajjiż.

NIżżel minn fuq l-internet

Il-"Klassifika tal-UE tal-2010 għall-Investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp Industrijali" u rapporti oħra dwar il-Monitoraġġ u l-Analiżi tal-Investiment fir-Riċerka Industrijali (Industrial Research Monitoring Analysis (IRMA)):

http://iri.jrc.ec.europa.eu/reports.htm

Għal iktar tagħrif ara:

MEMO/10/522

IP/10/1288

http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm

Anness

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Grafika 2. Ranking of the world's top 50 R&D companies by their total R&D investment in the 2010 Scoreboard.

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED
Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Nota: The numbers in brackets after the names of the companies indicate their rankings in past Scoreboards.

Sors: The 2010 EU Industrial R&D Investment Scoreboard, European Commission, JRC/DG RTD.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website