Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1372

Brussell, il-25 ta' Ottubru 2010

Il-Jum Ewropew tal-Ġustizzja Ċivili: Tlieta minn kull erba' Ewropej iridu aċċess aħjar għall-ġustizzja meta jkunu barra pajjiżhom

Tlieta minn kull erba' Ewropej (73%) iridu li tittieħed azzjoni biex tingħatalhom għajnuna biex jirriżolvu disputi legali u biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom fi Stati Membri oħra tal-UE, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru li ħareġ illum. Ir-rapport jikkoinċidi mal-Jum Ewropew tal-Ġustizzja Ċivili, li għandu l-għan li jqajjem l-għarfien dwar id-drittijiet ta' aċċess għall-ġustizzja ċivili li jkollhom in-nies meta jaħdmu, jiżżewwġu, ikollhom l-ulied jew jixtru oġġetti u servizzi x'imkien ieħor fl-UE.

"Grazzi għad-drittijiet tal-moviment ħieles, aktar u aktar Ewropej minn qatt qabel qed jgħixu, jivvjaġġaw u jaħdmu f'pajjiżi oħra tal-UE," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE. "Filwaqt li l-Ewropej igawdu bil-bosta mid-drittijiet ta' moviment ħieles, għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' xkiel minħabba sistemi legali differenti madwar l-UE. Jeħtieġ niżguraw li dawn id-differenzi ma jkunux tali li ma jħallux liċ-ċittadini jgawdu l-istess aċċess għall-ġustizzja ċivili fi Stati Membri oħra kif jagħmlu f'pajjiżhom stess."

L-istħarriġ li ħareġ illum juri li 56% tal-Ewropej jemmnu li huwa diffiċli li wieħed ikolllu aċċess għall-ġustizzja ċivili f'pajjiż ieħor tal-UE filwaqt li huma biss 14% li jqisu dan bħala xi ħaġa faċli. 73% jaqblu ma' miżuri addizzjonali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja fi Stati Membri oħra u 52% jemmnu li miżuri bħal dawn għandhom jittieħdu permezz ta' regoli komuni f'livell ta' UE.

Filwaqt li 2% biss ta' dawk mistoqsija kienu personalment involuti fi proċedimenti legali ma' persuna jew kumpanija minn Stat Membru ieħor, 9% oħra jemmnu li jista' jiġrilhom dan fil-futur.

Fejn tidħol il-liġi transkonfinali tal-familja, 68% tal-Ewropej jemmnu li l-UE għandha jkollha rwol fuq kif jiġu applikati r-regoli nazzjonali f'każijiet ta' divorzju internazzjonali u f'affarijiet finanzjarji fil-każ ta' koppji miżżewġa minn pajjiżi differenti tal-UE. F'Lulju, il-gvernijiet tal-UE taw lil 14-il pajjiż tal-UE il-permess biex ifasslu regoli li permezz tagħhom koppji internazzjonali jkunu jistgħu jagħżlu liema liġi ta' liema pajjiż tkun tapplika fil-każ tad-divorzju tagħhom (IP/10/917) Ir-regoli l-ġodda, li għad iridu jiġu approvati, se jippermettu lill-koppji biex jevitaw proċedimenti li jkunu ta' piż emozzjonali u finanzjarju.

Fl-aħħar, il-maġġoranza (58%) ta' dawk mistoqsija jaqblu ma' miżuri addizzjonali tal-UE biex jittejjeb ir-rikonoxximent ta' dokumenti bejn l-Istati Membri.

Sabiex iċ-ċittadini isibuha eħfef li jsibu informazzjoni dwar kif jiġu solvuti problemi legali barra minn pajjiżhom, il-Kummissjoni dan is-sajf varat il-portal tal-ġustizzja elettronika (IP/10/956). Dan il-one-stop-shop elettroniku ta' aċċess għall-ġustizzja madwar l-UE joffri tweġibiet ħfief għall-mistoqsijiet legali taċ-ċittadini, b'aktar minn 12,000 paġna ta' kontenut. Sa issa saritlu 125,000 żjara.

Il-Premju "Il-Miżien tal-Ġustizzja tal-Kristall"

Intant, il-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Kunsill tal-Ewropa llum se jħabbru r-rebbieħa tal-2010 tal-premju "Il-Miżien tal-Ġustizzja tal-Kristall", li jippremja prassi innovattivi fil-ġustizzja ċivili u kriminali. L-iskema, li issa daħlet fil-ħames sena tagħha, għandha l-għan li tidentifika u tippromwovi prassi innovattivi f'affarijiet ċivili u kriminali, fejn jidħol il-mod kif jitmexxew il-proċeduri, l-organizzazzjoni tal-qrati u t-tħaddim ġenerali tas-sistema tal-ġustizzja. Din is-sena pparteċipaw 50 proġett fil-kompetizzjoni. Ir-rebbieħa se jitħabbru waqt avveniment li jfakkar il-Jum tal-Ġustizzja Ċivili f'Ljubljana, is-Slovenja

(http://www.coe.int/t/dghl/cooperation/cepej/events/EDCJ/2010/Slovenia_en.asp).

L-Isfond

It-tijtib tal-aċċess għall-ġustizzja huwa wieħed mill-għanijiet tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex twettaq fil-konkret żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja fl-UE (ara IP/10/447). Dan ġie wara l-adozzjoni mill-mexxejja tal-UE f'Diċembru 2009 tal-Programm ta' Stokkolma dwar linji ta' politika Ewropej dwar il-ġustizzja u s-sigurtà bejn l-2010 u l-2014.

Għal aktar informazzjoni

Ewrobarometru Speċjali 351: Ġustizzja Ċivili

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb_special_en.htm

Portal tal-Ġustizzja elettronika

https://e-justice.europa.eu/home.do?action=home&lang=mt&sufix=15

It-twettiq ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52010DC0171:MT:NOT

Il-Jum Ewropew tal-Ġustizzja Ċivili:

http://www.coe.int/t/dghl/cooperation/cepej/events/EDCJ/default_en.asp


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website