Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/1369

Brussell, it-22 ta' Ottubru 2010

L-investimenti, il-proprjetà immobbli u l-aċċess għall-internet fost l-aħħar mis-swieq tal-konsumaturi

Skont it-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur li ġie ppubblikat illum "l-investimenti, il-pensjonijiet u t-titoli", "is-servizzi dwar il-proprjetà immobbli" u "il-provvediment tas-servizz tal-internet" huma t-tlett iswieq li l-iżjed għandhom ċans li qegħdin jonqsu lill-konsumaturi madwar l-UE. Fost is-swieq tal-oġġetti, fl-iktar grad baxx huma "l-karozzi second hand"; "il-ħwejjeġ u ż-żraben" u l-laħam. Fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru, il-kumpaniji tal-ajru ġabu riżultati tajbin minkejja d-disturbi tar-Rebbiegħa 2010 u l-konsumaturi japprezzaw ukoll l-oġġetti u s-servizzi kulturali. It-Tabella tal-Valutazzjoni tikklassifika s-swieq tal-konsumaturi billi teżamina l-indikaturi bħal ma huma l-komparabbiltà, il-fiduċja tal-konsumatur, is-sodisfazzjon tal-konsumatur, il-problemi, l-ilmenti, kemm hu faċli li wieħed jaqleb il-provvedituri, il-prezzijiet, u l-bqija. L-għan huwa li jiġu identifikati s-swieq li jidhru li jkunu l-aktar fir-riskju li jiffunzjonaw ħażin, għal studji ta' segwitu li janalizzaw il-problemi fil-fond u jidentifikaw it-tweġibiet politiċi. Għall-ewwel darba, it-Tabella tal-Valutazzjoni tikklassifika sa 50 suq differenti – minn ikel sa appliances domestiċi sa tiswija ta' karozzi – fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Il-Kummissarju tal-UE responsabbli mis-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur John Dalli qal: "L-ikbar wegħda tas-Suq Intern hija dik ta' x'jista' jwassal għand il-konsumatur f'dawk li huma prezzijiet irħas, għażla ikbar, trasparenza u sodisfazzjon. Bis-saħħa tat-Tabella tal-Valutazzjoni aħna nistgħu nillokaw is-swieq fejn dan jidher li mhux qed iseħħ." Bħala konklużjoni: "Il-passi li jmiss tagħna se jkunu li nistudjaw aktar fil-fond żewġt iswieq, dak tal-provvediment tas-servizzi tal-internet u tal-laħam u ninkoraġġixxu lill-awtoritajiet nazzjonali biex jużaw ir-riżultati fix-xogħol tagħhom."

It-Tabella tal-Valutazzjoni

It-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur hija bbażata fuq stħarriġ ta’ monitoraġġ tas-suq li jkejjel l-esperjenza rrappurtata u l-opinjonijiet tal-konsumaturi b’esperjenza riċenti tax-xiri f’kull suq. Għall-ewwel darba fl-2010, hija tipprovdi dejta għal 50 suq tal-konsumatur, li jkopru aktar minn 60% tal-baġit tal-familja tal-konsumaturi.

L-għan tat-Tabella tal-Valutazzjoni huwa biex ikunu identifikati s-swieq li jistgħu jkunu qed jonqsu fil-prestazzjoni tagħhom lejn il-konsumaturi. Dan jipprovdi evidenza kruċjali għal segwitu tal-politika, u jidħol fix-xogħol usa tal-Kummissjoni biex ikun immonitorat il-funzjonament tas-Suq Intern.

Il-klassifika tas-swieq prinċipali hija bbażata fuq il-punti totali magħmula mill-indikaturi li ġejjin:

  • Faċilità biex jitqabblu l-prodotti u s-servizzi. Is-swieq fejn il-konsumaturi sabuha l-aktar diffiċli biex iqabblu l-offerti kienu dawk tal-banek, it-telekoms, l-utilitajiet (il-provvista tal-ilma, il-gass u l-elettriċità), is-servizzi dwar il-proprjetà immobbli u s-servizzi legali (li jinkludu s-servizzi tal-kontijiet u tan-nutara). Il-kotba, ir-rivisti u l-gazzetti għandhom l-ogħla komparabbiltà.

  • Il-fiduċja tal-konsumaturi fil-konformità tal-bejjiegħa mar-regoli tal-konsumaturi: is-swieq li huma b’mod partikulari sfiduċjati mill-konsumaturi huma l-investiment, il-pensjonijiet u t-titoli, il-karozzi second hand u s-servizzi dwar il-proprjetà immobbli.

  • Problemi u lmenti. Is-swieq fejn il-konsumaturi esperjenzaw l-aktar problemi huma l-aċċess għall-internet, il-ferroviji, is-servizz dwar il-proprjetà immobbli u l-investmenti, il-pensjonijiet u t-titoli. Dawk bl-ogħla għadd ta’ lmenti huma t-telefonija ċellulari, l-aċċess għall-internet, il-karozzi l-ġodda u l-kontijiet kurrenti bankarji.

  • Sodisfazzjon globali u aspettattivi. B’mod ġenerali, 57% tal-konsumaturi Ewropej jemmnu li s-swieq qed iwasslu l-prodotti u s-servizzi fil-livell mixtieq. L-ogħla livelli ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon jeżistu għall-investmenti, il-pensjonijiet u t-titoli, is-servizzi dwar il-proprjetà immobbli u l-ferroviji. Il-prodotti u s-servizzi kulturali jipprovdu l-ogħla sodisfazzjon għall-konsumaturi tal-UE.

Barra minn hekk, it-Tabella tal-Valutazzjoni timmonitorja wkoll:

  • Il-faċilità li wieħed jibdel lil min jipprovdi s-servizz kif ukoll l-imġiba attwali għal din il-bidla. Il-bidla fis-servizzi hija perċeputa bħala li hija l-aktar diffiċli fil-provvista tal-elettriċità segwita mill-investiment permezz tal-banek, il-provvista tal-gass u s-self mill-banek.

  • Diverġenza fil-prezzijiet. Il-prezz huwa wieħed mill-kriterji prinċipali tax-xiri għall-konsumaturi u d-diverġenzi kbar fil-prezzijiet fis-suq intern jistgħu jkunu indikazzjoni tal-frammentazzjoni. It-Tabella tal-Valutazzjoni turi differenzi ċari fil-prezzijiet mal-UE. Id-differenzi bejn il-prezzijiet tas-servizzi huma b’mod ġenerali ħafna ikbar minn dawk għall-prodotti, bl-akbar diverġenzi misjuba fil-kontijiet kurrenti tal-banek u s-servizzi għall-aċċess tal-internet.

It-telf sofrut mill-konsumaturi Ewropej, bħala riżultat tal-problemi li minħabba fihom kellhom kull raġun li jilmentaw, huwa stmat li huwa madwar 0.3% tal-PGD tal-UE. Dawn il-flus jistgħu jintużaw aħjar biex jinxtraw prodotti u servizzi effiċjenti u innovattivi u b’hekk jagħtu l-ispinta tant meħtieġa lill-ekonomija tal-UE.

Ir-riżultati prinċipali

  • Mill-perspettiva tal-konsumatur, tlett iswieq tas-servizzi jkollhom konsistentement l-inqas punti irrispettivament jekk jingħatax kas jew le tad-daqs tal-pajjiżi tal-UE. Dawn huma: "l-investmenti, il-pensjonijiet u t-titoli", is-servizzi dwar il-proprjetà immobbli u l-provvediment tas-servizzi tal-internet.

  • It-tlett iswieq tal-prodotti bl-agħar prestazzjoni huma: il-karozzi second hand, il-ħwejjeġ u ż-żraben, u l-laħam (ara l-MEMO/10/514 għad-dettalji).

  • "Il-kotba, ir-rivisti u l-gazzetti" kif ukoll "is-servizzi kulturali u tad-divertiment" huma fost is-swieq li kienu kklassifikati fuq nett.

  • Il-konsumaturi jpoġġu lil-linji tal-ajru fl-ewwel nofs tal-klassifika, ’il fuq minn servizzi oħra tat-trasport u speċjalment waqt żmien diffiċli ħafna għall-industrija.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni Ewropea se tniedi żewġ studji tas-suq biex ikunu investigati fil-fond ir-raġunijiet għal dawn ir-riżultati u biex ikunu identifikati r-rimedji politiċi. Is-swieq konċernati huma:

  • Il-provvediment tas-servizzi tal-internet, li huwa t-tielet suq li kklassifika fost l-agħar b’mod ġenerali, u s-suq fejn l-ogħla perċentwali tal-konsumaturi esperjenzaw il-problemi u fejn il-prezzijiet huma diverġenti minn xulxin bil-kbir mal-UE. L-aċċess għall-internet huwa essenzjali għall-inklużjoni diġitali u għas-Suq Intern Diġitali.

  • Il-laħam, huwa wieħed mis-swieq tal-prodotti kklassifikat 'l isfel nett. Il-laħam huwa wkoll prodott mixtri b’mod frekwenti u li jifforma parti kbira tal-baġit tal-konsumaturi.

It-test sħiħ tat-Tabella tal-Valutazzjoni:

http://ec.europa.eu/consumers/strategy/facts_en.htm#4CMS


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site