Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1368

Brussell, is-22 ta' Ottubru 2010

L-Aġenda Diġitali: stħarriġ dwar l-użu tal-Internet mit-tfal; kompetizzjoni għal kontenut onlajn ta' kwalità għolja

Skont stħarriġ pan-Ewropew ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, bħala medja, it-tfal fl-Ewropa jibdew jużaw l-Internet tal-età ta' 7 snin imma wieħed biss minn kull tlett itfal bejn l-età ta' 9 u 12-il sena jħoss li hemm biżżejjed "affarijiet adattati għat-tfal" tal-età tagħhom onlajn. L-istudju juru wkoll li wieħed minn kull tmint itfal kellhom esperjenzi negattivi onlajn u għadhom neqsin mill-ħiliet u l-kunfidenza kif jużaw l-Internet. Biex tipprova tittratta din il-problem, il-Kummissjoni varat kompetizzjoni biex tħeġġeġ il-ħolqien ta' kontenut onlajn għat-tfal ta' kwalità għolja. Il-Kummissjoni hija impenjata li tgħin lill-ġenituri u lit-tfal tagħhom biex ikunu sikuri onlajn bħala parti mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes qalet: “It-tfal jibdew imorru onlajn ta' età dejjem iżgħar u jeħtieġ li aħna niżguraw li jħossuhom kunfidenti onlajn, u li jkunu jistgħu jsibu kontenut eċitanti, sikuri, edukattivi u adattati għall-età tagħhom meta jisserfjaw il-web".

It-tfal onlajn ta' età dejjem iżgħar u għal tul ta' żmien dejjem itwal

Skont l-istħarriġ, it-tfal qed imorru onlajn ta' età dejjem iżgħar minn qatt qabel,. It-tfal li issa huma tal-età bejn il-15 u 16-il sena użaw l-Internet għall-ewwel darba meta kellhom 11-il sena, filwaqt li tfal ta' bejn 9-10 snin stqarrew li użaw l-Internet għall-ewwwel darba meta kellhom 7 snin. Hemm ukoll differenzi fost il-pajjiżi: it-tfal imorru onlajn l-aktar kmieni fil-pajjiżi Nordiċi, fl-Estonja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit u wara jsegwu l-Awstrija, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall u r-Rumanija. Nofs it-tfal idumu onlajn medja ta' siegħa u nofs kuljum. It-tfal ta' bejn 15-16-il sena jużaw l-Internet saħansitra b'mod aktar attiv, billi 77 % minnhom imorru onlajn kuljum.

It-tfal fl-istħarriġ jgħidu li jużaw l-Internet primarjament għax-xogħol tal-iskola jew biex jaraw vidjos (84 % u 83 % rispettivament). L-attivitajiet l-aktar popolari warajhom huma l-logħob (74 %) u l-komunikazzjoni permezz ta' messaġġi istantanji (61%).

It-tfal imorru onlajn l-aktar fid-dar (85 %), u aktar minn nofs it-tfal ta' bejn 13-16-il sena jaċċessjaw l-Internet fil-kmamar tas-sodda tagħhom. L-iskola huwa t-tieni post l-aktar komuni fejn jaċċessjaw l-Internet (63 %). Filwaqt li l-biċċa l-kbira tat-tfal imorru onlajn permezz ta' PCs jew laptops, wieħed minn kull tlett itfal issa jikkonnettjaw permezz tal-mowbajls jew apparati mobbli oħra.

Ir-riskji onlajn qed jonqsu imma t-tfal xorta waħda jonqoshom il-ħiliet bażiċi ta' sikurezza

L-istħarriġ wera wkoll li t-tfal jiffaċċjaw anqas riskji onlajn milli wrew l-istħarriġiet li saru qabel . Ħamsa fil-mija tat-tfal fl-Ewropa jgħidu li esperjenzaw l-ibbuljar onlajn, bi proporzjon għoli ta' 14% fl-Estonja u fir-Rumanija. Madankollu, wieħed minn kull tmienja kienu inkwetati jew imħawdin minħabba xi ħaġa li sabu onlajn.

Fl-istess ħin, ir-rapport juri li għalkemm l-adulti jqisu lit-tfal bħala "ċittadini diġitali”, nofs it-tfal aktar żgħar jonqoshom ħiliet bażiċi ta' sikurezza bħal ngħidu aħna li jkunu jafu kif jistabbilixxu konfigurazzjonijiet ta' privatezza jew kif jimblukkaw kuntatti mhux mixtieqa.

Tletin fil-mija tat-tfal tal-età bejn 11-16-il sena esperjenzaw sintomi marbutin mal-użu eċċessiv tal-Internet, bħall-isserfjar fuq l-Internet meta ma jkunux verament interessati, li jqattgħu anqas ħin mal-ħbieb, mal-familja jew li ma jagħmlux ix-xogħol tal-iskola minħabba l-ħin li jqattgħu onlajn jew li jħossuhom imdejqin meta ma jkunux jistgħu jkunu onlajn. Il-Programm tal-UE għal Internet Aktar Sikur se jikkofinanzja proġett fl-2011 biex din il-problem tinftiehem aħjar.

Il-promozzjoni ta' kontenut innovattiv u adattat għall-età

Il-Kummissjoni Ewropea u ċ-Ċentri għal Internet aktar Sikur f'14-il pajjiż għadhom kif ħabbru kompetizzjoni għall-Premju Ewropew għall-Aħjar Kontenut Onlajn għat-Tfal [European Award for Best Children's Online Content]. Din hija miftuħa għal produtturi ta' kontenut onlajn f'żewġ kategoriji: għal tfal tal-età bejn 12-17-il sena u għall-adulti u l-għan tagħha hija li tistimola l-produzzjoni u t-tixrid ta' kontenut onlajn ta' kwalità għolja adattat għat-tfal u ż-żgħażagħ. Se ssir f'14-il pajjiż: il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja. Ir-rebbieħa taż-żewġ kategoriji fil-kompetizzjonijiet nazzjonali se jikkompetu għall-Premju Ewropew, li se jiġi ppreżentat f'Ġunju 2011.

Sfond

L-istħarriġ EUKidsOnline sar bil-parteċipazzjoni ta' aktar minn 23 000 tifel u tifla u wieħed mill-ġenituri tagħhom fil-pajjiżi li ġejjin: L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, it-Turkija u r-Renju Unit. L-istħarriġ huwa parti mill-proġett EUKidsOnline II iffinanzjat mill-Programm għal Internet aktar Sikur u kkoordinat mil-London School of Economics and Political Science.

Il-Kummissjoni kkomissjonat ftehimiet awtoregolatorji ma' wħud mill-fornituri tas-servizzi onlajn ewlenin li huma l-aktar popolari fost il-ġenerazzjonijiet iżgħar (e.g. netwerks soċjali, l-operaturi tal-mowbajls) (ara IP/10/144). L-iżvilupp imsaħħaħ ta' miżuri awtoregolatorji dwar is-sikurezza onlajn għat-tfal qed jitqies bħala parti mill-politika għall-Aġenda Diġitali li jitkabbru l-fiduċja u s-sigurtà fit-teknolġiji l-ġodda.

Fl-2009, il-Kummissjoni Ewropea appoġġat kampanja kontra l-ibbuljar fuq is-siti tal-internet [cyberbullying] fl-Istati Membri tal-UE kollha mmexxija min-netwerk taċ-ċentri tal-għarfien INSAFE (MEMO/09/58). In-netwerk INSAFE stabbilixxa linji ta' għajnuna li permezz tagħhom it-tfal, il-ġenituri u l-għalliema jistgħu jitolbu parir personalizzat dwar kwistjonijiet ta' sikurezza, inkluż l-ibbuljar fuq is-siti tal-internet.

Għal iktar informazzjoni:

Ir-rapport sħiħ huwa disponibbli onlajn fuq:

www.eukidsonline.net

Aktar Tagħrif dwar il-Forum għal Internet Aktar Sikur:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/events/forum/index_en.htm

Aktar tagħrif dwar il-kompetizzjoni:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/events/competition/index_en.htm

Annex

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website