Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Vitoria-Gasteiz u Nantes se jkunu "l-Ibliet Kapitali Ekoloġiċi tal-Ewropa" li jmiss

European Commission - IP/10/1366   22/10/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1366

Brussell, it-22 ta' Ottubru 2010

L-Ambjent: Vitoria-Gasteiz u Nantes se jkunu "l-Ibliet Kapitali Ekoloġiċi tal-Ewropa" li jmiss

Il-belt kapitali reġjonali Spanjola Vitoria-Gasteiz u l-belt Franċiża ta' Nantes tħabbru bħala r-rebbieħa tal-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa għall-2012 u 2013. L-iskema ta' premju tal-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lill-ibliet biex itejbu l-kwalità tal-ħajja urbana billi jqisu l-ambjent b'mod sistematiku fl-ippjanar tal-ibliet. Il-premji ġew ippreżentati mill-Kummissarju għall-Ambjent tal-UE Janez Potočnik il-bieraħ filgħaxija waqt ċeremonja f'Stokkolma, Il-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa għall-2010.

Il-Kummissarju Janez Potočnik qal: "Nixtieq nifraħ lil Vitoria-Gasteiz u lil Nantes – kif ukoll lill-ibliet l-oħra – għall-ħidma kollha tagħhom biex itejbu l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini tagħhom. L-ibliet huma l-postijiet fejn il-biċċa l-kbira tal-Ewropej jistgħu jaraw il-politika ambjentali taħdem; u fejn id-deċiżjonijiet ambjentali jieħdu importanza. Ħafna minnhom għandhom impronti ekoloġiċi mifruxin. Il-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika huwa xempju tat-tip ta' impenn urban u ta' innovazzjoni li se jgħinuhom, u lil oħrajn biex fil-ġejjieni jagħmlu avvanzi."

Mercedes Bresso, il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni qalet: "L-Ibliet Kapitali tal-Ewropa huma l-gwidi prominenti ta' armata akbar ta' mexxejja tal-komunitajiet lokali u ta' ċittadini impenjati għat-titjib fil-kwalità tal-ħajja urbana. It-tfassil mill-ġdid u ekoloġiku tal-ibliet tagħna qed jixpruna l-iżvilupp sostenibbli fil-livell globali, billi jimmobilizza liċ-ċittadini u l-ġemellaġġ tal-Ibliet Kapitali Ekoloġiċi madwar il-kontinenti u għalhekk dawn għandhom ikunu prijoritajiet għalina. Wara l-ftehim ta' kooperazzjoni ta' dan l-aħħar iffirmat mill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti, ninsab kuntenta ħafna li s-sindki tal-Istati Uniti qed jaqsmu mal-kontropartijiet Ewropej tagħhom is-suċċessi ekoloġiċi u li qed jieħdu l-ewwel passi biex flimkien jiżviluppaw proġetti konġunti."

Vitoria-Gasteiz – il-Belt rebbieħa għall-2012

Vitoria-Gasteiz, il-belt kapitali reġjonali tan-nofs-in-nhar ta' Spanja, għamlet progress kbir biex ambjent tradizzjonalment urban jieħu direzzjoni ekoloġika. Il-"Green Belt" ["Firxa Ħadra"], qasam ekoloġiku seminaturali li ġie parzjalment irkuprat minn żoni ta' degradazzjoni, idawwar iċ-ċentru, u b'hekk jiżgura li l-popolazzjoni kollha tiegħu ta' kważi kwart ta' miljun ruħ, qed tgħix sa 300 metru 'l bogħod minn spazju ekoloġiku miftuħ. Jeżistu bosta miżuri fis-seħħ biex jgħinu u jżidu s-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistema. Il-flora u l-fawna jiġu mmonitorjati u l-frammentazzjoni tal-ħabitat hija mnaqqsa kull fejn hu possibbli.

Il-belt qed tlaħħaq tajjeb mal-iskarsezza tal-ilma u naqqset b'mod konsistenti l-konsum tal-ilma tul l-aħħar għaxar snin. Saru bosta investimenti relatati mal-ilma għat-titjib fil-provvista u l-kwalità tal-ilma, għat-tnaqqis tat-telf, u għall-ħidma lejn konsum sostenibbli. Vitoria-Gasteiz għandha l-għan ambizzjuż li tnaqqas il-konsum domestiku tal-ilma għal anqas minn 100 litru per capita kuljum.

Nantes – il-Belt rebbieħa għall-2013

Nantes, is-sitt l-akbar belt ta' Franza b'popolazzjoni ta' 285 000, irnexxilha b'suċċess tikkonnettja ż-żoni ekoloġiċi u urbani, billi permezz ta' programm ta' ġestjoni sostenibbli tal-ilma, integrat l-isfidi urbani fil-pożizzjoni tagħha fuq żewġ xmajjar kbar (il-Loire u l-Erdre). Fuq il-konfini tal-belt jinsabu diversi żoni ta' konservazzjoni ta' Natura 2000 u żoni ta' konservazzjoni oħrajn, filwaqt li l-konservazzjoni tal-flora u l-fawna huma ta' tħassib ewlieni għall-popolazzjoni tagħha.

Nantes għandha politika dwar it-trasport integrata u sostenibbli li ilha stabbilita għal ħafna żmien, iffokata fuq it-trasport pubbliku u fuq is-sewqan bir-rota u kienet l-ewwel belt Franċiża li introdiċiet mill-ġdid b'suċċess it-trams bl-elettriku. Il-politika dwar it-trasport tagħha naqqset it-tniġġis tal-arja, u pjan ġdid dwar il-klima jimmira biex sal-2020 inaqqas bi kwart l-emissjonijiet CO2 Inizjattiva ġdida għas-saħħa taċ-ċittadini hija sistema ta' evalwazzjoni tar-riskju għall-allerġiji, f'forma ta' “ġnien għall-osservazzjoni tat-trab tad-dakra” esperimentali.

Il-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa

Il-premju annwali huwa inizjattiva ġdida ppreżentata lil belt li tinsab fuq quddiem nett tal-għixien urban ekoloġiku. Il-bord tal-għażla jevalwa l-ibliet abbażi ta' 11-il indikatur ambjentali. L-ibliet jiġu vvalutati skont ir-rekord tagħhom fil-ksib ta' standards ambjentali għoljin, għall-impenn tagħhom għal miri kemm dawk għaddejjin bħalissa u dawk ambizzjużi għal aktar titjib ambjentali u żvilupp sostenibbli, u l-limitu safejn jistgħu jaġixxu bħala mudell eżemplari u jippromwovu l-aħjar prassi f'ibliet Ewropej oħra.

Stokkolma u Hamburg kienu l-ewwel bliet li rebħu dan it-titlu; Stokkolma għall-2010 u Amburgu għall-2011. Madwar 17-il belt applikaw għall-premijiet tal-2012 u l-2013. Intgħażlu sitt kandidati finalisti: Barċellona, Malmö, Nantes, Nuremberg, Reykjavík u Vitoria-Gasteiz.

Il-ġurija hija magħmula minn rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Gvernijiet Lokali għas-Sostenibbiltà [ICLEI – Local Governments for Sustainability], l-Uffiċċju tal-Konvenzjoni tas-Sindki [Covenant of Mayors Office], il-Burò Ewropew Ambjentali [European Environmental Bureau] u l-Kumitat tar-Reġjuni.

Aktar tagħrif dwar il-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa:

www.europeangreencapital.eu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website