Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tippreżenta pjan direzzjonali għal sorveljanza marittima iktar effiċjenti u kost effettiva

European Commission - IP/10/1363   21/10/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL ET LT LV PL SL BG RO

IP/10/1363

Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010

Il-Kummissjoni tippreżenta pjan direzzjonali għal sorveljanza marittima iktar effiċjenti u kost effettiva

Il-Kummissjoni Ewropea illum stabbilixxiet il-passi sabiex isaħħaħ l-effikaċja u l-kost effettività tas-sorveljanza tal-Ibħra Ewropej. Fi pjan direzzjonali, il-Kummissjoni tispjega kif se tlaqqa' flimkien awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri mill-oqsma marittimi kollha biex tippermetti l-iskambju ta' dejta ta' sorveljanza marittima, miżmuma minn awtoritajiet bħall-gwardji kostali, il-monitoraġġ tat-traffiku, il-monitoraġġ ambjentali, il-prevenzjoni tat-tniġġis, is-sajd, il-kontrolli tal-fruntieri, l-awtoritajiet fiskali u dawk li jinfurzaw il-liġi ġenerali, kif ukoll il-flotot navali. Din iż-żieda fil-kooperazzjoni se tgħin ukoll biex ikunu trattati b'mod aktar effiċjenti avvenimenti f'ħin reali fuq il-baħar. Il-'Pjan Direzzjonali għall-istabbiliment ta' Ambjent Komuni ta' Skambju ta' Informazzjoni Komuni (Common Information Sharing Environment (CISE)) għas-sorveljanza tat-territorju marittimu tal-UE' huwa inizjattiva taħt il-Politika Marittima Integrata tal-UE li tipproponi approċċ integrat għall-immaniġjar u l-governanza tal-oċeani, l-ibħra u l-kosti, u jrawwem interazzjoni bejn il-politiki kollha relatati mal-baħar fl-UE.

Il-Kummisarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, qalet: "L-integrazzjoni tas-Sorveljanza Marittima se tagħtina l-għodda adattata biex nipproteġu l-interessi marittimi tagħna kontra kull tip ta' theddid, biex nittrattaw b'mod aktar effiċjenti l-avvenimenti f'ħin reali fuq il-baħar bħal aċċidenti u t-tixrid ta' żjut u biex intejbu l-kapaċitajiet ta' prevenzjoni u ta' reazzjoni tagħna".

Il-pajjiżi tal-UE jwettqu sorveljanza marittima u se jkomplu jagħmlu dan. Madankollu, diversi awtoritajiet ta' sorveljanza fl-Ewropa għandhom aċċess insuffiċjenti għall-informazzjoni ta' xulxin. L-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima se tippreżenta għadd ta' benefiċċji għall-UE. L-awtoritajiet ta' tiftix u salvataġġ jagħmlu użu malajr ta' informazzjoni aħjar meta ħajjiet ta' individwi jkunu f'periklu fuq il-baħar. Il-gwardji kostali, il-pulizija u l-flotot navali jistgħu jaqsmu din l-informazzjoni biex jevitaw u jiġġieldu b'mod aħjar il-forom kollha ta' attivitajiet illegali fuq il-baħar jew biex jipproteġu vapuri tal-merkanzija u dgħajjes tas-sajd minn attakki u minn theddidiet oħra fuq il-baħar. L-awtoritajiet ambjentali u dawk fil-qasam tal-prevenzjoni u r-rispons għat-tniġġis jistgħu jaqsmu informazzjoni mal-awtoritajiet tat-traffiku marittimu jew mal-gwardji kostali li tippermetti prevenzjoni, interċettazzjoni jew tindif aħjar ta' tipi differenti ta' tniġġis fil-baħar.

Skambju elettroniku ta' informazzjoni marittima mas-setturi u l-fruntieri kollha għandha tkun appoġġjata minn sistema diġitali ta' skambju ta' dejta bbażata fuq mezzi ta' telekomunikazzjoni moderni u sikuri.

Iktar effikaċja u kost effettività fl-iżgurar tal-kundizzjonijiet fundamentali għal attivitajiet sikuri, żguri u sostenibbli fuq il-baħar huma vitali sabiex ikun appoġġjat tkabbir ekonomiku sod, peress li 90 % tal-kummerċ estern tal-Ewropa jsir fuq il-baħar, il-flotta tas-sajd tal-UE tammonta għal madwar 84 000 bastiment u r-reġjuni marittimi tal-UE ikopru madwar 40 % tal-Prodott Domestiku Gross tagħha u tal-popolazzjoni.

Il-Pjan Direzzjonali jipproponi l-istabbiliment tan-netwerk CISE skont is-sitt passi li ġejjin:

  • L-identifikazzjoni tal-komunitajiet tal-utenti kollha

  • L-immappjar ta' settijiet ta' dejta u ta' analiżi dwar in-nuqqasijiet fl-iskambju tad-dejta

  • Id-definizzjoni ta' livelli komuni ta' klassifikazzjoni ta' dejta

  • L-iżvilupp ta' qafas ta' appoġġ għas-CISE

  • Id-definizzjoni tad-drittijiet ta' aċċess

  • Il-provvediment ta' qafas legali koerenti

Dawn is-sitt passi jiffurmaw il-bażi ta' azzjoni ulterjuri. Diġà qed iseħħu proġetti pilota ta' kooperazzjoni u sal-2014, tista' tkun stabbilita sistema sħiħa ta' qsim tal-informazzjoni bejn is-sistemi differenti ta' sorveljanza marittima.

Il-Pjan Direzzjonali kien ivvalidat mill-Istati Membri tal-UE matul konsultazzjoni estensiva. Huwa segwitu għall-ewwel Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2009 dwar dan is-suġġett, kif mitlub mill-Kunsill f'Novembru 2009. Fuq talba tal-Kunsill, se jiġi rfinut sal-aħħar tal-2011.

Aktar tagħrif:

Ħolqa għas-sit elettroniku tal-Affarijiet Marittimi:

http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/surveillance_en.html


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website