Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni u l-Parlament jiffirmaw Ftehim ta' Qafas rivedut

European Commission - IP/10/1358   20/10/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1358

Brussell, l-20 ta' Ottubru 2010

Il-Kummissjoni u l-Parlament jiffirmaw Ftehim ta' Qafas rivedut

Illum fi Strasburgu l-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso u l-President tal-Parlament Ewropew Jerzy Buzek iffirmaw il-Ftehim ta' Qafas rivedut li jirregola r-relazzjonijiet ta' ħidma bejn iż-żewġ istituzzjonijiet. Bl-iffirmar il-proċess mibdi kważi sena ilu hekk kif daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona intemm b'suċċess. Il-FQ rivedut jadatta l-ftehim eżistenti tal-2005 għall-qafas tat-Trattat il-ġdid. Iż-żewġ Presidenti stqarrew li huma fiduċjużi li dan se japprofondixxi r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ istituzzjonijiet u joffri soluzzjonijiet prattiċi f'konformità mal-kompetenzi miżjuda tal-Parlament bit-Trattat ta' Lisbona. Xi elementi importanti tal-ftehim diġà ġew implimentati, anki qabel ma jidħol fis-seħħ. Fost affarijiet oħra sar progress dwar it-tħejjija tal-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2011.

Il-President Barroso stqarr: "Dan il-ftehim jimmarka tluq ġdid wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona li jsaħħaħ ir-rwoli tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew b'mod li titmexxa 'l quddiem l-aġenda Ewropea. Jien fiduċjuż li l-ħidma tagħna flimkien issa se tissaħħaħ dejjem aktar."

Il-President Buzek stqarr: "Il-Parlament Ewropew huwa kburi b'dan il-Ftehim ta' Qafas ġdid ta' ħames snin mal-Kummissjoni Ewropea. Huwa jirrifletti l-pożizzjoni l-ġdida, aktar influwenti tal-Parlament Ewropew taħt it-Trattat ta' Lisbona u jpoġġi s-sħubija tagħna mal-Kummissjoni Ewropea fuq livell ġdid. Nilqa' b'sodisfazzjon b'mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tirrapporta dwar is-segwitu konkret li jingħata lil kwalunkwe talba ta' inizjattiva leġiżlattiva mill-Parlament u li l-Kummissjoni qed taċċetta l-prinċipju li tittratta ndaqs lill-Parlament u lill-Kunsill tal-Ministri f'affarijiet leġiżlattivi u baġitarji."

Maroš Šefčovič, il-Viċi-President tal-Kummissjoni għar-relazzjonijiet interistituzzjonali u l-amministrazzjoni, li nnegozja f'isem il-Kummissjoni, żied ma' dan: "Huwa kruċjali li jkollna bażi soda u maqbula formalment għall-ħidma tagħna flimkien, u li din titwettaq b'mod konkret fil-prassi ta' kuljum. Se nagħmel kull ma nista' biex nara li dan iseħħ. Nixtieq nirringrazzja lin-negozjaturi tal-Parlament għall-isforzi tagħhom matul dawk li kienu diskussjonijiet dejjem onesti u ċari!".

Fost numru ta' punti mtejba, il-ftehim rivedut jistabbilixxi regoli u skeda għal djalogu imsaħħaħ u strutturat bejn iż-żewġ istituzzjonijiet li jippermetti lill-Kummissjoni tibbenefika mill-kontribut tal-Parlament meta l-Kummissjoni tkun qed tħejji l-Programm ta' Ħidma bħala s-sehem tagħha għall-ipprogrammar tal-UE.

Huwa jistabbilixxi regoli dettaljati dwar kif il-Kummissjoni se tinforma lill-Parlament dwar in-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, kull meta din ir-responsabbiltà taqa' fuq il-Kummissjoni. Huwa jpoġġi r-regoli dwar l-għoti ta' informazzjoni klassifikata lill-Parlament fuq livelli internazzjonali u b'hekk se jkun aktar faċli biex il-Parlament ikun infurmat. Huwa jistabbilixxi wkoll regoli biex il-Parlament jingħata informazzjoni aħjar fejn jidħol ix-xogħol ta' esperti li jagħtu pariri lill-Kummissjoni. Se jtejjeb ukoll id-djalogu u l-koordinazzjoni fejn jidħol l-ippjanar tas-sessjonijiet parzjali tal-Parlament.

Dan kollu għandu l-għan li jsaħħaħ id-djalogu politiku bejn l-istituzzjonijiet fir-rispett sħiħ tal-bilanċ bejn l-istituzzjonijiet kif definit mit-Trattati u l-impenn lejn kooperazzjoni tajba magħhom. Dan se jwassal għat-twettiq aktar effiċjenti tal-linji ta' politika tal-UE.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website