Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni ssejjaħ għal projbizzjoni fl-UE kollha tal-mephedrone, droga simili għall-ecstasy

European Commission - IP/10/1355   20/10/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1355

Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2010

Il-Kummissjoni ssejjaħ għal projbizzjoni fl-UE kollha tal-mephedrone, droga simili għall-ecstasy

Il-Kummissjoni Ewropea llum sejħet għall-projbizzjoni ta' droga perikoluża simili għall-ecstasy li għadha legali fi 12-il pajjiz tal-UE. Hija talbet lill-Istati Membri tal-UE biex iwaqqfu iċ-ċirkulazzjoni ħielsa tad-droga "mephedrone" madwar l-UE billi jissottomettuha għal miżuri ta' kontroll. Il-mephedrone hija diġà illegali fi 12-il pajjiż tal-UE. Kienet marbuta ma' mill-inqas 37 mewta fir-Renju Unit u l-Irlanda weħedhom.

"Il-mephedrone hija droga perikoluża disponibbli fuq l-internet u fit-triq. Diġà mietu n-nies minħabba din id-droga, għalhekk inħeġġeġ lill-gvernijiet biex jimxu b'pass mgħaġġel biex jikkontrollawha u jikkriminalizzawha," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Għandna responsabbiltà li nipproteġu liż-żagħżagħ minn sustanzi psikoattivi ġodda u perikolużi bħall-mephedrone."

Kienu rraportati żewġ fatalitajiet fl-UE li fihom il-mephedrone tidher li kienet l-unika kawża tal-mewt. Kien hemm mill-inqas 37 mewta oħra fir-Renju Unit u l-Irlanda biss li fihom il-mephedrone instabet f'kampjuni post mortem.

Il-proposta tal-Kummissjoni llum tipprojbixxi l-manifattura u t-tqegħid fis-suq tal-mephedrone, u tissottomettiha għal sanzjonijiet kriminali madwar l-Ewropa.

Il-Gvernijiet tal-UE jridu issa jiddeċiedu jekk idaħħlux dawn il-miżuri fis-seħħ, billi jivvutaw b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.

Il-mephedrone hija stimulant li l-effetti fiżiċi tiegħu huma kumparabbli ma’ dawk prodotti mill-ecstasy (MDMA) jew il-kokaina. Hija prinċipalment mibjugħa bħala trab, iżda wkoll bħala kapsuli jew pilloli, fuq l-internet, minn "head shops" u minn bejjiegħa tad-droga fit-triq (street-level dealers).

Valutazzjoni xjentifika tar-riskju li saret miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) wriet li l-mephedrone tista' tikkawża problemi serji tas-saħħa u twassal għal dipendenza, filwaqt li numru żgħir ta' fatalitajiet relatati mal-użu tagħha kienu rrapurtati madwar l-Ewropa.

Il-mephedrone ma għandha l-ebda valur mediku stabbilit jew użu leġittimu magħruf. Hija sustanza kkontrollata fi 15-il pajjiż tal-UE: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, ir-Rumanija, l-Isvezja u r-Renju Unit.

Sfond

Il-Kummissjoni ħadet din id-deċiżjoni wara proċedura għall-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll ta' sustanzi psikoattivi ġodda stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2005 (2005/387/JHA). Il-Kunsill talab għal din il-valutazzjoni tar-riskju fis-26 ta' Mejju 2010.

Għal aktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi-President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website