Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1354

Brussell, l-20 ta' Ottubru 2010

Pjattaforma tal-Avjazzjoni ġdida biex tindirizza l-isfidi tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Siim Kallas, li huwa responsabbli għat-trasport, illum iltaqa' mar-rappreżentanti tal-ogħla livell tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew biex jiddiskutu sfidi tal-ġejjieni għall-avjazzjoni fl-Ewropa fl-ewwel laqgħa li qatt saret tal-Pjattaforma tal-Avjazzjoni. Il-Pjattaforma tal-Avjazzjoni ġiet stabbilita biex tagħti pariri strateġiċi lill-Viċi President sabiex tiġi stabbilita l-bażi għal ġejjieni sostenibbli għat-trasport bl-ajru u ġejjieni kompetittiv għall-industrija tal-avjazzjoni Ewropea.

Il-Viċi President Kallas qal: "It-trasport bl-ajru qed jaffaċċa sfidi kbar u qiegħed taħt pressjoni dejjem tikber biex jirreaġixxi għar-rekwiżiti tal-industrija u l-politika. Għalhekk huwa importanti ħafna li nirriflettu b'mod strateġiku fuq il-ġejjieni tiegħu fl-Ewropa. Sabiex tinżamm il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-mobbiltà taċ-ċittadini u l-industriji Ewropej, neħtieġu sistema tat-trasport bl-ajru effiċjenti, affidabbli u ekonomikament aċċessibbli."

Il-Pjattaforma tal-Avjazzjoni ltaqgħet għall-ewwel darba fi Brussell illum (l-20 ta' Ottubru). Il-Viċi President Kallas stieden 15-il persuna tal-ogħla livell mis-settur tal-avjazzjoni – li jirrappreżentaw il-linji tal-ajru, l-ajruporti, it-trade unions, l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-industrija tal-avjazzjoni - bħala membri tal-Pjattaforma tal-Avjazzjoni. Huwa previst li l-Pjattaforma, li hija preseduta mill-Viċi President, se tiltaqa' darbtejn fis-sena biex tiddiskuti l-isfidi strateġiċi għas-settur tal-avjazzjoni Ewropew.

Il-Kummissjoni ħabbret l-istabbilment tal-Pjattaforma tal-Avjazzjoni wara l-kriżi kkawżata mill-isħaba volkanika t'April. Il-Ministri tat-Trasport tal-UE u r-rappreżentanti tal-partijiet interessati laqgħu l-ħolqien tal-Pjattaforma tal-Avjazzjoni bħala mezz biex ikun hemm djalogu strateġiku.

Minkejja l-kriżi ekonomika globali, aktar minn 750 miljun passiġġier użaw l-ajruporti tal-UE fl-2009. L-industrija tal-avjazzjoni (li tinkludi l-linji tal-ajru, l-ajruporti, il-provvedituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, il-provvedituri ta' servizzi fuq l-art u l-organizzazzjonijiet tal-manutenzjoni) tħaddem direttament madwar 700,000 persuna fl-Ewropa. Sa ftit żmien ilu, it-trasport bl-ajru fl-Ewropa kien qed juri rati għolja ta' tkabbir, minkejja li kien qed jaffaċċa dejjem aktar sfidi ambjentali u tal-kapaċità.

Il-konklużjonijiet ewlenin tal-Pjattaforma jinkludu l-bżonn li –

  • Tiġi żgurata l-implimentazzjoni kompluta tal-Ajru Uniku (Single Sky), kif maqbul mill-Gvernijiet. L-Ajru Uniku Ewropew tal-UE huwa inizjattiva ambizzjuża varata mill-Kummissjoni Ewropea fl-2004 biex tirriforma l-arkitettura tal-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru Ewropew.

  • Tiġi estiża l-ħidma li diġà qed issir mill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-possibbiltajiet għall-avjazzjoni Ewropea biex tidħol fi swieq ġodda – permezz tal-iffirmar ta' ftehimiet bilaterali.

  • Tiġi ddefinita struttura ta' governanza effettiva għall-mobilizzazzjoni tas-SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew), il-parti teknoloġika tal-Ajru Uniku, fil-ġejjieni.

  • Jiġu estiżi l-prinċipji tal-Ajru Uniku għal żoni li huma lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.

  • Tittieħed deċiżjoni mill-Viċi President biex jiġi stabbilit grupp ta' livell għoli dwar ir-riċerka fl-avjazzjoni biex jagħti ħarsa lejn l-isfidi speċifiċi li s-settur tal-avjazzjoni qed jaffaċċa f'dan il-qasam.

Anness: Membri tal-Pjattaforma tal-Avjazzjoni

  • François Ballestero, Segretarju tal-Politika għall-Avjazzjoni Ċivili u t-Turiżmu tal-European Transport Workers' Federation (ETF)

  • Capt. Martin Chalk, President tal-European Cockpit Association

  • Claude Chêne, Konsulent Speċjali tal-Viċi President Kallas

  • -Richard Deakin, Kap Eżekuttiv tal-NATS Ltd

  • Louis Gallois, Kap Eżekuttiv tal-European Aeronautic Defence and Space Company EADS N.V.

  • Massimo Garbini, Direttur Ġenerali tal-ENAV S.p.A.

  • Jacek Krawczyk, President tal-Bord Superviżorju tal-LOT Polish Airlines S.A., Viċi President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

  • Rein Loik, President tal-Bord Maniġerjali tat-Tallinn Airport Ltd

  • Wolfgang Mayrhuber, President tal-Bord Eżekuttiv tad-Deutsche Lufthansa AG

  • Carolyn McCall, Kap Eżekuttiv tal-easyJet plc

  • Ad Rutten, Kap Uffiċjal tal-Operat ta' Schiphol Group, President tal-Board of Airports Council International - Europe

  • Antonis Simigdalas, Kap Eżekuttiv tal-Olympic Air S.A.

  • Jean-Cyril Spinetta, President tal-Bord tad-Diretturi tal-Air France-KLM

  • Niky Terzakis, Direttur Maniġerjali tat-TNT Airways SA

  • Willie Walsh, Kap Eżekuttiv tal-British Airways plc u l-President attwali tal-Presidents' Committee of the Association of European Airlines

  • Daniel Weder, Kap Eżekuttiv ta' Skyguide Swiss Air Navigation Services


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website