Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1353

Brussell, 20 ta' Ottubru 2010

Il-Kummissjoni tippreżenta l-pjanijiet tagħha għal qafas ġdid tal-UE għall-immaniġjar tal-kriżijiet fis-settur finanzjarju

Il-kriżi wriet biċ-ċar li meta xi bank jintlaqat minn problemi, dawn jistgħu jinfirxu fis-settur finanzjarju kollu u lil hinn sew mill-fruntieri ta' kwalunkwe pajjiż wieħed. Il-kriżi wriet ukoll li ma kienx hemm sistemi lesti biex jimmaniġjaw l-istituzzjonijiet finanzjarji li jkunu qed jaffrontaw diffikultajiet. Jeżistu wisq ftit regoli li jiddeterminaw x'azzjonijiet għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet f'każ ta' kriżi bankarja. Din hija r-raġuni l-għala l-G20 qablu li jridu jiġu stabbiliti oqfsa tal-prevenżjoni u l-immaniġjar tal-kriżijiet. Illum, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda twieġeb billi tippreżenta l-pjanijiet tagħha għal qafas tal-UE għall-immaniġjar tal-kriżijiet fis-settur finanzjarju. Dawn iħejju t-triq għal leġiżlazzjoni li għandha tkun lesta sar-rebbiegħa 2011 u li ser toħloq qafas komprensiv tal-immaniġjar tal-kriżijiet għall-banek u l-impriżi tal-investiment.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, is-Sur Michel Barnier, qal: "Fil-futur l-ewwel irridu nippruvaw nevitaw kriżi finanzjarja. Għalhekk ix-xogħol tagħna li nsaħħu s-settur bankarju u noħolqu qafas superviżorju ta' veru huwa daqshekk importanti. Iżda l-banek xorta ser jaffrontaw diffikultajiet fil-futur. Jistgħu anki jfallu u għandhom jitħallew ifallu. Aħna jeħtiġilna niżguraw li meta jfallu ma jġarrfux is-sistema finanzjarja kollha, jew joħolqu sitwazzjoni fejn il-kontribwenti jintalbu jħallsu l-ispejjeż. L-ebda bank ma għandu jkun "kbir wisq biex ifalli" jew interkonness wisq biex ifalli. Għalhekk neħtieġu qafas ċar li jiżgura li l-awtoritajiet madwar l-Ewropa kollha jkun imħejjija sew biex jaffrontaw banek f'diffikultà u biex jimmaniġjaw b'mod ordinat falliment possibbli ta' bank. Dak huwa l-għan tal-pjanijiet tal-lum."

Il-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta l-elementi ewlenin li s-sena d-dieħla ser ikunu parti mill-proposti leġiżlattivi tagħha, u li hija r-riżultat ta' konsultazzjonijiet estenżivi li saru matul l-aħħar xhur (ara IP/09/1549). Lil hinn mill-prijorità immedjata li jsiru arranġamenti effikaċi ta' mmaniġjar tal-kriżijiet fl-Istati Membri kollha, il-Komunikazzjoni tinkludi wkoll "pjan ġenerali" li jipprovdi viżjoni aktar fit-tul ta' xi wħud mill-isfidi prinċipali li ser ikun hemm bżonn jingħelbu sabiex ikun żgurat maniġġ bla intoppi tal-kriżijiet.

Il-qafas il-ġdid deskritt fil-Komunikazzjoni ser ikopri firxa wiesgħa u ser ikollu l-għan li jgħammar lill-awtoritajiet b'għodod komuni u effettivi, kif ukoll b'setgħat, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw il-kriżijiet bankarji mill-aktar kmieni possibbli u jevitaw spejjeż għall-kontribwenti. Is-sett ta' miżuri ser jinkludi:

  • Miżuri preparatorji u preventivi bħal rekwiżit li l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet jaħsbu għall-irkupru (jiġifieri jindirizzaw id-diffikultajiet serji li jkun qed jaffaċja bank) u ta' riżoluzzjoni sabiex jiżguraw ippjanar xieraq għall-diffikultà jew falliment finanzjarju, (bħalma huma l-hekk imsejħa pjanijiet ta' "testment bioloġiku");

  • Setgħat li jieħdu azzjoni bikrija biex jirrimedjaw il-problemi qabel ma jsiru agħar, pereżempju li s-superviżuri jkollhom il-poter jitolbu li jinbidel il-manaġiment, jew li jitolbu li istituzzjoni timplimenta pjan ta' rkupru jew li dittivesti ruħha minn attivitajiet jew linji ta' negozju li jirripreżentaw riskju eċċessiv għas-saħħa finanzjarja tagħha;

  • Għodod ta' riżoluzzjoni, bħal poteri li jinfurzaw l-akwiżizzjoni minn istituzzjoni soda ta' bank jew ditta li tkun qed tfalli, jew li jittrasferixxu n-negozju kollu tagħha jew parti minnu lejn bank tranżitorju, li jippermettu lill-awtoritajiet jiżguraw il-kontinwità ta' servizzi essenzjali u li jimmaniġjaw il-falliment b'mod ordinat.

L-ebda entità ma għandha tkun "kbira wisq biex tfalli". L-għan fundamentali ser ikun li jiġi żgurat li l-banek ikunu jistgħu jfallu mingħajr ma jheddu l-istabbiltà finanzjarja usa'. Dak ifisser li tkun tista' ssir ir-riżoluzzjoni ta' banek b'modi li jimminimizaw ir-riskji tal-kontaġju u jiżguraw il-kontinwità ta' servizzi finanzjarji esenzjali, fosthom li d-detenturi tal-kontijiet ikomplu jkollhom aċċess għall-kontijiet tagħhom. Il-qafas għandu jipprovdi alternattiva kredibbli għall-ippleġġjar għali tal-banek li rajna fl-aħħar snin.

L-Ewropa hija wkoll affrontata bil-kwistjoni li ħafna banek joperaw madwar l-Ewropa kollha iżda ma teżistix sistema li tindirizza l-implikazzjonijiet transkonfinali ta' falliment ta' wieħed minn dawn il-banek ta' livell Ewropew. Għalhekk sfida ewlenija hija li jsiru arranġamenti effettivi li jiżguraw li l-awtoritajiet jikkoordinaw u jikkooperaw mill-qrib kemm jista' jkun sabiex jimminimizzaw kwalunkwe effetti ħżiena minn falliment ta' bank transkonfinali. Il-Kummissjoni qed tipproponi li nkomplu nibnu fuq il-kulleġġi superviżorji eżistenti (gruppi ta' superviżuri nazzjonali) biex jitwaqqfu kulleġġi ta' riżoluzzjoni (fejn jiltaqgħu s-superviżuri u l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mir-riżoluzzjoni) u li jkollhom l-għan li jilqgħu għal kriżijiet u jimmaniġjawhom. Il-Kummissjoni ser tipproponi wkoll li l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej il-ġodda (ara MEMO/10/434) u partikolarment l-Awtorità Bankarja Ewropea, għandu jkollhom rwoli ta' koordinament u appoġġ f'sitwazzjonjiet ta' kriżi, mingħajr ma jaffettwaw ir-responsabbiltajiet fiskali tal-Istati Membri.

Kif diġà spjegat fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-fondi tar-riżoluzzjoni tal-banek ta' Mejju 2010, il-Kummissjoni qiegħda wkoll tipproponi li għandhom jitwaqqfu fondi nazzjonali (ara IP/10/610), abbażi tal-kontributi mħallsa mill-banek, sabiex jiġi ffinanzjat il-prezz tal-miżuri ta' riżoluzzjoni fil-futur u jiżguraw li r-riżoluzzjoni ta' bank tkun alternattiva kredibbli. Fil-preżent jeżisti periklu morali fis-sistema kollha peress li ma teżisti l-ebda alternattiva għall-ippleġġjar mill-gvern. L-eżistenza ta' mekkaniżmi finanzjarji komuni li jevitaw l-użu tal-fondi tal-kontribwenti għandha ttejjeb il-kooperazzjoni transkonfinali u tiffaċilita l-ippjanar bil-quddiem ta' kif għandhom jinqassmu l-ispejjeż ta' riżoluzzjoni ta' istituzzjoni transkonfinali.

Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni tippreżenta pjan ġenerali ta' miżuri li ser jitqiesu fil-perjodu twil ta' żmien bi ħsieb li jiġi pprovdut qafas aktar integrat għall-immaniġjar tal-kriżijiet li jkun partikolarment aktar adatt għall-gruppi bankarji Ewropej integrati (jiġifieri banek li joperaw fil-livell Ewropew). Il-Kummissjoni qed tippjana li teżamina l-ħtieġa għal aktar armonizzazzjoni tas-sistemi ta' insolvenza tal-banek b'rapport sa tmiem l-2012 u flimkien ma' eżami tal-Awtorità Bankarja Ewropea fl-2014, ser tivvaluta kif l-aħjar jista' jinħoloq qafas aktar integrat għar-riżoluzzjoni ta' gruppi transkonfinali.

Sfond:

Il-kriżi finanzjarja pprovdiet evidenza ċara tal-ħtieġa ta' arranġamenti aktar robusti għall-immaniġjar tal-kriżijiet fil-livell nazzjonali, kif ukoll il-ħtieġa li jsiru arranġamenti li jkunu jistgħu jindirizzaw aħjar il-fallimenti ta' banek transkonfinali. Matul il-kriżi seħħew għadd ta' fallimenti bankarji bi profil għoli (Fortis, Lehman Brothers, Icelandic banks, Anglo Irish Bank) li żvelaw nuqqasijiet serji fl-arranġamenti eżistenti. Fin-nuqqas ta' mekkaniżmi li jorganizzaw l-istralċ b'mod ordinat, l-Istati Membri tal-UE ma għandhom l-ebda alternattiva milli jippleġġjaw is-settur bankarju tagħhom. L-għajnuna mill-Istat biex issostni lill-banek ammontat għall-13% tal-PDG. Il-Kummissjoni diġà ppubblikat żewġ Komunikazzjonijiet preċedenti dwar kif nistgħu nimxu 'l quddiem f'dan is-suġġett (ara IP/09/1549 u IP/10/610).

Ara wkoll MEMO/10/506.

Aktar informazzjoni tinsab fis-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/internal_market/bank/crisis_management/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website