Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1352

Brussell, l-20 ta' Ottubru 2010

L-istage il-kbir: Il-50 anniversarju tal-programm ta' apprendistat tal-Kummissjoni

X'għandhom komuni bejniethom ir-Re Moħammed VI tal-Marokk, Mario Monti, Silvana Koch-Mehrin u l-konsulent ekonomiku ta' Barack Obama, Michael Froman? Kollha kemm huma kienu xi darba apprendistI fil-Kummissjoni Ewropea. Aktar minn 40,000 gradwati żgħażagħ mill-università ħadu sehem fil-programm ta' apprendistat tal-Kummissjoni mindu tnieda fl-1960. Huwa l-iktar programm ta' apprendistat tax-xorta tiegħu li ilu għaddej u l-ikbar wieħed fid-dinja f'dak li huwa l-għadd ta' dawk ingaġġati kull sena. L-apprendisti jew "stagiaires" kif inhuma magħrufa komunement jaħdmu mal-uffiċjali full-time tal-Kummissjoni fuq firxa wiesgħa ta' xogħlijiet għall-perjodu ta' ħames xhur. Uħud minnhom sa waslu biex saru Kummissarji Ewropej jew Membri Parlamentari Ewropej, filwaqt li oħrajn saru rejiet u saħansitra ġurnalisti. Il-Kummissjoni qed tospita konferenza fi Brussell illum biex tfakkar il-50 anniversarju tal-programm ta' apprendistat, magħruf ukoll bħala "Le Stage".

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropea għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ qalet: ''Matul is-snin, l-apprendisti kkontribwixxew b'mod enormi għall-Kummissjoni bid-dinamiżmu u l-għerf tagħhom. Għal bosta, din l-esperjenza kienet pass ta' importanza kbira fil-karrieri futuri tagħhom u fl-impenn tul il-ħajja lejn l-Unjoni Ewropea.''

Fl-1960, l-ewwel sena tal-programm, kien hemm tliet apprendisti. Sal-1983 din iċ-ċifra kienet telgħet għal 500 u issa laħqet madwar l-1,200. Fil-50 sena ta' kemm ilu jeżisti l-programm, l-Italja pprovdiet l-ogħla għadd ta' apprendisti (kważi 4,500) u Malta l-inqas (madwar 50). Kważi 3,500 apprendist ġew minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea. Matul dawn l-aħħar 10 snin, l-apprendisti nisa kienu iktar fil-għadd mill-apprendisti rġiel b'70% għal 30%. Fl-2009, l-età medja ta' apprendist kienet ta' 26 sena, l-għadd medju ta' lingwi li kienu jistgħu jitkellmu kien aktar minn erbgħa u l-għadd medju ta' diplomi kien kważi ta' tnejn kull apprendist.

Għaxra li kienu apprendisti fil-Kummissjoni

Dawk li kienu apprendisti fil-Kummissjoni jinkludu lil:

Dacian Ciolos, il-Kummissarju għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Il-Prinċep Felipe ta' Spanja, eredi għall-kuruna Spanjola

Michael Froman, Viċi Assistent għall-President Amerikan Barack Obama u Viċi Konsulent tas-Sigurtà Nazzjonali għall-Affarijiet Ekonomiċi Internazzjonali

Silvana Koch-Mehrin, Viċi-President tal-Parlament Ewropew u President tal-Partit Liberali Demokratiku tal-Ġermanja (l-FDP) fil-Parlament Ewropew

Manuel Marín, li kien Viċi President tal-Kummissjoni

Ir-Re Moħammed VI tal-Marokk

Mario Monti, li kien Kummissarju Ewropew responsabbli għas-Suq Intern u għall-Kompetizzjoni

Christine Ockrent, ġurnalista Belġjana, li kienet il-kap tal-uffiċċju editorjali ta' l'Express, preżentatur tat-televiżjoni għal France 2 u France 3

Odile Quintin, li kienet Direttur Ġenerali għall-Edukazzoni u l-Kultura fil-Kummissjoni Ewropea

Viviane Reding, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza

Biex jitfakkar il-50 anniversarju, il-Kummissjoni qed tospita konferenza fi Brussell (fl-binja Charlemagne) li se tiffoka fuq l-iżviluppi tal-imgħoddi, preżenti u futuri tal-programm ta' apprendistat. Apprendisti minn ġenerazzjonajiet u nazzjonalitajiet differenti se jirrakkuntaw l-esperjenzi tagħhom u rappreżentanti mis-servizzi tal-Kummissjoni, b'mod partikulari tar-riżorsi umani, se jagħtu preżentazzjoni. L-uffiċċju tal-apprendistati se jippreżenta vidjow dwar il-vantaġġi soċjali, kulturali u professjonali tal-apprendistat.

Kif issir apprendist tal-Kummissjoni

Il-programm tal-apprendistat huwa miftuħ għall-gradwati tal-università mid-dinja kollha. Mad-90% tal-apprendisti jiġu mill-Istati Membri tal-UE. Il-kompetizzjoni hija ħarxa, b'aktar minn 14,000 applikazzjoni kull sena u 1,200 post biex jiġu allokati. Ikun hemm żewġ apprendistati ta' ħames xhur il-wieħed kull sena, li jibdew fl-1 ta' Marzu u fl-1 ta' Ottubru. L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu seba' xhur qabel il-bidu tal-perjodu permezz tal-websajt tal-uffiċċju tal-apprendistat. L-apprendisti li jiddaħħlu jirċievu għotja ta' kull xahar ta' EUR 1,067 u rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom. L-uffiċċju tal-apprendistati jmexxi wkoll programm speċjali biex jattira kandidati mir-Roma (10 apprendisti kull sena) u interpreti miċ-Ċina (10 kull sena).

L-uffiċċju tal-apprendistati jmexxi l-programm u għandu baġit annwali ta' EUR 7 miljun (2009).

Il-programm tal-apprendistat tal-Kummissjoni huwa parti mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura. Il-Kummissjoni qed tippjana li toħloq komunità ta' "ambaxxaturi ta' rieda tajba" minn fost dawk li kienu apprendisti biex jixterrdu u jkunu promossi l-ideat u l-valuri Ewropej.

Biex tkun taf aktar:

L-Uffiċċju tal-Apprendistati tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/stages/

Profili ta' dawk li kienu apprendisti (1960-2010):

http://www.traineeship-anniversary.eu/en/testimonials

Il-websajt tal-konferenza: http://www.traineeship-anniversary.eu/.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website