Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1349

Brussell, id-19 ta' Ottubru 2010

Il-Kummissjoni hija favur is-sospensjoni temporanja tal-klonazzjoni tal-annimali għall-produzzjoni alimentari fl-UE

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħabbret li se tipproponi sospensjoni temporanja tal-klonazzjoni tal-annimali għall-produzzjoni alimentari fl-UE. Il-Kummissjoni tippjana wkoll li tissospendi temporanjament l-użu ta' annimali tal-irziezet ikklonati u t-tqegħid fis-suq ta' ikel minn kloni. Il-miżuri temporanji kollha se jkunu riveduti wara ħames snin. Huwa previst ukoll it-twaqqif ta' sistema ta' traċċabilità għall-importazzjonijiet ta' materjali riproduttivi għall-kloni, bħas-semen u l-embrijuni tal-kloni. Is-sistema se tippermetti lir-raħħala u lill-industrija jistabbilixxu bażi ta' dejta bl-annimali li jemerġu minn dawn il-materjali riproduttivi.

Il-Kummissarju responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumaturi, John Dalli, qal: "Il-Komunikazzjoni adottata llum hija r-reazzjoni għas-sejħiet mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri biex titnieda politika tal-UE speċifika fuq din il-kwistjoni sensittiva. Jiena nemmen li s-sospensjoni temporanja hija soluzzjoni realistika u fattibbli bħala reazzjoni għat-tħassib preżenti rigward il-benessri." Il-Kummissarju enfasizza li l-proposta mhix se tissospendi l-klonazzjoni għal użi li mhumiex ikel, bħar-riċerka, il-konservazzjoni ta' speċi fil-periklu jew użu ta' annimali għall-produzzjoni ta' farmaċewtiċi. Finalment, huwa esprima t-tama li "bl-adozzjoni ta' dan ir-rapport, il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni se jkomplu bil-proposta dwar l-Ikel Ġdid li hija kontribut importanti għall-protezzjoni tal-konsumatur u l-innovazzjoni."

It-triq ’il quddiem

Fil-fehma tal-Kummissjoni, taħlita selettiva ta' miżuri, akkompanjati bi klawżola għar-reviżjoni wara ħames snin, tkun l-aqwa mod kif tindirizza l-kwistjoni. Dawn il-miżuri jindirizzaw biżżejjed it-tħassib rigward il-benessri tal-annimali mingħajr l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet bla bżonn u bla ġustifikazzjoni.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni

Il-komunikazzjoni tippreżenta valutazzjoni tat-teknoloġija tal-klonazzjoni b'relazzjoni mal-produzzjoni tal-ikel u jeżamina l-aspetti rilevanti tal-klonazzjoni fid-dawl tal-qafas leġiżlattiv eżistenti. Huwa jagħraf l-isfida imposta mill-kwistjonijiet ta' benessri tal-annimali u jqis il-parti etika tal-klonazzjoni. Huwa jinnota wkoll li m'hemm l-ebda evidenza xjentifika li tikkonferma tħassib dwar is-sikurezza alimentari rigward ikel miksub minn annimali kklownjati jew uliedhom.

Il-komunikazzjoni teżamina l-klonazzjoni kemm fl-Istati Membri u kemm f'pajjiżi terzi. Fl-UE, l-importazzjonijiet, il-kummerċ u l-użu ta' prodotti minn kloni bħalissa huma koperti mil-leġiżlazzjoni ġenerali tal-UE. Id-Danimarka huwa l-uniku Stat Membru li impona projbizzjoni nazzjonali fuq l-użu ta' kklownjar tal-annimali għal finijiet kummerċjali, filwaqt li xi pajjiżi terzi diġà qed jużaw il-klonazzjoni biex jipproduċu annimali għat-tnissil.

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet interessati, staqsiet lill-EFSA taġġorna l-kwistjonijiet xjentifiċi u qieset l-opinjoni tal-Grupp Ewropew tal-Etika.

Sfond

Il-klonazzjoni hija l-ħolqien ta' organiżmu li jkun il-kopja ġenetika tal-ieħor. Dan ifisser li ż-żewġ organiżmi jaqsmu eżattament l-istess DNA.

Id-dibattitu dwar il-klonazzjoni għal finijiet tal-ikel bdiet ftit snin ilu meta embrijuni kklownjati ġew importati fl-UE. Skont ir-Regolament tal-UE fis-seħħ bħalissa, huwa biss l-ikel prodott mill-kloni li jitqies "ikel ġdid" peress li mhux prodott permezz ta' tekniki ta' tnissil tradizzjonali. Għalhekk, ikel ta' dan it-tip jaqa' fl-ambitu tar-Regolament dwar Ikel Ġdid, li bħalissa qed jiġi diskuss fil-livell tal-UE. Ikel ġdid huwa ikel u ingredjenti tal-ikel li ma ntużawx b'mod sinifikanti għall-konsum mill-bniedem fi ħdan l-UE qabel il-15 ta' Mejju 1997.

F'Settembru 2008, f'riżoluzzjoni li adotta, il-Parlament Ewropew appoġġja l-projbizzjoni totali tal-klonazzjoni. Fl-2009, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tagħmel rapport biex ikun jista' jkollu veduta iktar wiesgħa tal-kwistjoni. Fis-seduta tiegħu fil-Parlament Ewropew iktar kmieni din is-sena, il-Kummissarju Dalli wiegħed li r-rapport se jitlesta sa tmiem l-2010.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur:

http://www.efsa.europa.eu/EFSA/efsa_locale-1178620753812_1211902019540.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website