Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

IP/10/1348

Brussell, id-19 ta' Ottubru 2010

Il-Kummissjoni Ewropea tadotta strateġija biex tiżgura r-rispett għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat strateġija biex tiżgura li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – legalment vinkolanti mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona - tkun effettivament implimentata. Il-Kummissjoni se tivverifika li l-liġijiet kollha tal-UE jkunu konformi mal-Karta f'kull stadju tal-proċess leġiżlattiv – mix-xogħol preparatorju bikri fil-Kummissjoni sal-adozzjoni tal-abbozzi tal-liġijiet mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u mbagħad fl-applikazzjoni tagħhom mill-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni liċ-ċittadini dwar meta tista' tintervjeni fi kwistjonijiet dwar drittijiet fundamentali u se tippubblika Rapport Annwali fuq l-applikazzjoni tal-Karta biex tissorvelja l-progress li jkun sar. Il-Kummissjoni qiegħda b'hekk twieġeb għal sejħiet mill-Parlament Ewropew.

"Il-Karta hi riflessjoni tal-valuri komuni u l-wirt kostituzzjonali tagħna," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Il-Karta għandha tkun il-boxxla tal-politiki kollha tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea, u b'mod partikolari id-Dipartiment tal-Ġustizzja tagħha, se tkun viġilanti ferm biex tiżgura li l-Karta tkun irrispettata fil-proposti kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE, fl-emendi kollha introdotti mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, kif ukoll mill-Istati Membri meta jimplimentaw il-liġijiet tal-UE. L-istrateġija adottata mill-Kummissjoni llum hija pass importanti fil-ħolqien ta' kultura Ewropea tad-drittijiet fundamentali.

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (l-1 ta' Diċembru 2009), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea saret legalment vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet tal-UE u fuq l-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE. Il-Karta tistabbilixxi d-drittijiet kollha li jinsabu fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll drittijiet u prinċipji oħra li jirriżultaw minn tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri tal-UE, il-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u strumenti internazzjonali oħra. Il-Karta hi kodifikazzjoni moderna ħafna u tinkludi drittijiet fundamentali tat-"tielet ġenerazzjoni", bħall-protezzjoni tad-dejta, garanziji fuq bijoetika u amministrazzjoni trasparenti.

Skont din l-istrateġija, il-Kummissjoni tispjega l-passi li tista' tieħu biex tiżgura li l-UE jkollha rekord eżemplari tad-drittijiet fundamentali u biex ittejjeb il-fehim tal-pubbliku tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-Ewropa billi:

1. Tiggarantixxi li l-UE tkun 'il fuq minn kull kritika fir-rispett tad-drittijiet fundamentali

  • Il-proposti kollha tal-leġiżlazzjoni tal-UE għandhom jirrispettaw il-Karta. Il-Kummissjoni għalhekk se ssaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatt ta' proposti ġodda leġiżlattivi dwar id-drittijiet fundamentali. Fuq il-bażi ta' "lista ta' verifika" tad-drittijiet fundamentali, is-servizzi tal-Kummissjoni se jidentifikaw liema drittijiet fundamentali jistgħu jiġu affettwati minn proposta u jivvalutaw sistematikament l-impatt fuq dawn id-drittijiet ta' kull alternattiva ta' politika maħsuba.

  • Matul il-proċess leġiżlattiv, inklużi l-kompromessi finali fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-koleġiżlaturi biex tiżgura li l-liġi tal-UE tkun konformi mal-Karta. Il-Kummissjoni se tniedi djalogu interistituzzjonali biex tiddetermina l-metodi kif jiġu ttrattati l-emendi li jqajmu mistoqsijiet ta' kumpatibbiltà mad-drittijiet fundamentali.

  • L-Istati Membri tal-UE huma diġà marbuta bid-drittijiet fundamentali iggarantiti taħt il-kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom. Madankollu, meta jimplimentaw il-liġi tal-UE, huma għandhom jirrispettaw ukoll id-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni se tuża l-għodod kollha disponibbli, inklużi proċedimenti ta’ ksur meta jkun meħtieġ, biex tiżgura konformità mal-Karta fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE.

2. Titjib tal-informazzjoni għaċ-ċittadini

  • Iċ-ċittadini għandhom ikunu jafu fuq min iduru għall-għajnuna f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali. Huma se jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar rimedji legali fl-Istati Membri kollha permezz tal-e-Justice portal il-ġdid tal-Kummissjoni fl-2011.

  • Il-Kummissjoni se tispjega fejn tista' u fejn ma tistax tintervjeni dwar ilmenti dwar drittijiet fundamentali meta dawn ikunu 'il barra mill-ambitu tal-kompetenza tal-UE. Il-Karta ma tistabbilixxix poter ġenerali għall-Kummissjoni biex tintervjeni fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Tista' tintervjeni biss meta tkun involuta l-liġi tal-UE (pereżempju, meta tkun adottata l-leġiżlazzjoni tal-UE jew meta miżura nazzjonali tapplika l-liġi tal-UE b'mod inkompatibbli mal-Karta). L-Istati Membri għandhom is-sistemi tagħhom biex iħarsu d-drittijiet fundamentali permezz tal-kostituzzjonijiet nazzjonali u l-qrati. Il-Karta mhix se teħdilhom posthom. Għalhekk, fl-ewwel post, hu f'idejn il-qrati nazzjonali biex jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali.

3. Sorveljanza tal-progress

  • Il-Kummissjoni se tippubblika Rapport Annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta. Ir-rapport se jissorvelja l-progress fl-oqsma fejn l-UE għandha l-poteri biex taġixxi: juri fejn il-Karta ġiet ikkunsidrata f'każijiet konkreti (bħal meta tkun proposta xi leġiżlazzjoni ġdida). Se jipprovdi opportunità għal skambju ta' opinjonijiet kull sena mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill u jservi ta' mutur għat-titjib tal-informazzjoni għall-pubbliku.

Il-kuntest

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-bidu kienet ipproklamata solennement mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-Kunsill Ewropew ta' Nizza fis-7 ta' Diċembru tal-2000. Dak iż-żmien, ma kellha l-ebda effett legali vinkolanti. L-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif immodifikat bit-Trattat ta' Lisbona, jipprovdi li l-Karta hi legalment vinkolanti u għandha l-istess valur legali bħat-Trattati; b'mod partikolari dan ifisser li leġiżlazzjoni tal-UE li tikser id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tista' tiġi annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. It-Trattat jiddikjara wkoll li d-dispożizzjonijiet tal-Karta m'għandhomx jestendu l-kompetenzi tal-UE kif iddefiniti fit-Trattati. L-Artikolu 51 tal-Karta jiddikjara li "[i]d-dispożizzjonijiet ta' din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni."

Għall-ewwel darba, il-membri tal-Kulleġġ tal-Kummissarji għamlu dikjarazzjoni solenni li ħa jirrispettaw il-Karta kif ukoll it-Trattati f'Mejju ta' din is-sena (IP/10/487).

Għal aktar informazzjoni

Il-Komunikazzjoni tal-lum hi disponibbli fil-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-websajt tal-Viċi-President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site