Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1345

Brussell, it-18 ta' Ottubru 2010

Il-Kummissjoni tippremja kumpaniji li jinsabu minn ta' quddiem fl-appoġġ tal-Ekotikketta tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea se tħabbar ir-rebbieħa tal-Premji tal-Komunikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE 2010 fiċ-ċerimonja tal-lejla fi Brussell. Il-premju jirrikonoxxi suċċess eċċezzjonali fit-tkabbir tal-għarfien pubbliku dwar l-Ekotikketta tal-UE – it-tikketta tal-Unjoni Ewropea għal prodotti u servizzi ekoloġiċi. It-tikketta li issa qiegħda dejjem tintuża aktar, illum tinsab fuq kważi 25,000 prodott u servizzi turistiċi ta' akkomodazzjoni fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll lil hinn minnha.

Il-Kummissarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "In-negozji tal-UE għandhom rwol ewlieni fil-bidla tax-xejriet tal-konsum. Jiena nifraħ lil dawn il-kumpaniji għal kontribut tagħhom biex itejbu l-istat tal-ambjent u jippromwovu tikketta ta' eċċellenza."

Il-Premju għal Komunikazzjoni tal-Ekotikketta tal-UE

Il-premju, li tnieda s-sena li għaddiet, jirrikonoxxi attivitajiet promozzjonali eċċezzjonali biex ikabbru l-għarfien pubbliku tal-Ekotikketta tal-UE. L-għan tiegħu huwa li jinkuraġġixxi u jispira detenturi oħrajn tal-Ekotikketta tal-UE biex jieħdu vantaġġ, b'mod attiv, tal-potenzjal tat-tikketta fl-attivitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom.

Din is-sena il-premju attira applikazzjonijiet minn 13-il organizzazzjoni fi 11-il pajjiż (il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja u l-Pajjiżi l-Baxxi). Fil-kategorija tas-servizzi ntlaqgħu nominazzjonijiet minn għadd ta' lukandi, waqt li fil-kategorija produtturi/bejjiegħa bl-imnut, l-applikazzjonijiet għall-premju kienu ġejjin minn manifatturi ta' prodotti li jvarjaw minn sapun u shampoos għal prodotti tat-tindif u koperturi tal-art.

In-Nominati huma kif ġej:

Adria Hotel, Prague (ir-Repubblika Ċeka)

Alpheios International (il-Pajjiżi l-Baxxi)

Alvarella Ecoturismo (Spanja)

Arjowiggins Graphic (Franza)

Bona AB (l-Isvezja)

Delhaize nz (il-Belġju)

Jardim Atlantico (il-Portugall – il-Madejra)

Novoceram sas (Franza)

Sara Lee Corp – Sanex (il-Pajjiżi l-Baxxi)

Solus (l-Irlanda)

Sutter Industries SpA (l-Italja)

UPM-Kymmene Corporation (il-Finlandja)

ZX FAMI Ltd (Ċipru)

Ġurija ta' esperti tal-ambjent u tal-komunikazzjoni, u rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea. vvalutaw diversi kriterji inklużi l-kwalità, il-kreattività u r-rilevanza tal-attivitajiet, kif ukoll l-użu effikaċi tal-logo.

L-Ekotikketta tal-UE

L-Ekotikketta tal-UE – l-unika tikketta panEwropea ambjentali – hija skema volontarja mnedija fl-1992 biex tinkuraġġixxi l-produzzjoni, u l-konsum ta' prodotti u servizzi ekoloġiċi fl-Unjoni Ewropea.

Illum, madwar 25,000 prodott u servizz għandhom il-logo tal-Fjura, it-timbru tat-tikketta. Dawn jinkludu prodotti tat-tindif, elettrodomestiċi, prodotti tal-karta, tessuti, prodotti tad-dar u tal-ġnien u lubrikanti. Jinkludu wkoll servizzi turistiċi ta' akkomodazzjoni.

Dawn il-prodotti u s-servizzi jinsabu fl-Istati Membri tal-UE kollha, kif ukoll f'firxa wiesgħa ta' pajjiżi madwar id-dinja kollha, inklużi l-Indja, in-New Zealand, il-Kanada u ċ-Ċina.

Il-prodotti kollha li fihom l-Ekotikketta tal-UE jiġu ċċekkjati minn entitajiet indipendenti għall-konformità ma' kriterji stretti ekoloġiċi u ta' prestazzjoni. It-tikketta tqis l-impatti ambjentali ewlenin ta' prodott, kif ukoll il-prestazzjoni ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu kollu. L-immaniġjar tal-Ekotikketta tal-UE hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet f'kull Stat Membru tal-UE, kif ukoll, fl-Islanda, fin-Norveġja u f'Liechtenstein.

L-iskema kienet riveduta biex twessa' l-għadd ta' prodotti u servizzi koperti u biex tiffoka fuq dawk bl-akbar potenzjal għal titjib. L-iskema riveduta tissimplifika wkoll il-proċeduri għal kumpaniji li japplikaw għat-tikketta, kif ukoll tnaqqas it-tariffi.

Iċ-ċeremonja tal-għoti tal-premji tibda fis-6.30pm fil-Plaza Hotel, 118-126 Boulevard Adolphe Max, Brussell. Għal aktar dettalji kkuntatja l-Helpdesk tal-Ekotikketta fuq l-indirizz elettroniku: ecolabel@biois.com.

Għal aktar tagħrif dwar l-Ekotikketta tal-UE mur fuq is-sit tal-internet www.ecolabel.eu


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website