Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1344

Brussell, it-18 ta' Ottubru 2010

Riċerka fil-qasam tal-ICT: Proġett appoġġat mill-Kummissjoni biex jgħin fl-identifikazzjoni tar-riskji sistematiċi fis-suq finanzjarju

Il-Kummissjoni Ewropea qed tinvesti fi proġett ta' riċerka biex tiżviluppa indikaturi sistematiċi ta' riskji ġodda għal “sistemi ta' twissija bikrija” li jistgħu jallarmaw lill-gvernijiet u lill-bankiera biex jiġu evitati kriżijiet finanzjarji fl-istadji bikrin u tittieħed azzjoni bikrija biex jitwaqqfu milli jinxterdu. Riċerkaturi minn universitajiet fl-Italja, Spanja, l-Isvizzera u r-Renju Unit, esperti mill-Yahoo! u l-Bank Ċentrali Ewropew se jinvestigaw kif l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu esposti għal riskju sistematiku bħala riżultat ta' sistemi ta' transazzjoni u ta' informazzjoni diġitali kumplessi u interkonnessi ħafna. Imsejjes fuq approċċ ta' riċerka ġdid u multidixxiplinarju, il-proġett se janalizza s-sistema kumplessa ta' transazzjonijiet finanzjarji globali u msejsa fuq l-ICT, flimkien ma' mistoqsijiet ta' tfittix fl-internet, biex jimmonitorja l-binja ta' riskju fis-sistema finanzjarja u l-ekonomija inġenerali.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni għall-Aġenda Diġitali, Neelie Kroes, qalet "Din ir-riċerka ġdida timmira li tippermetti monitoraġġ aħjar tas-swieq finanzjarji billi tiffoka fuq ir-riskji sistemiċi li jinħolqu mis-sistemi ta' transazzjoni u ta' informazzjoni diġitali kumplessi u interkonnessi ħafna fis-swieq finanzjarji."

L-istituzzjonijiet finanzjarji tal-lum huma interkonnessi b'mod reċiproku f'firxa kumplessa ta' sistemi ta' transazzjoni msejsa fuq il-kompjuter. F'sistema daqshekk interkonnessa, jekk tfalli istituzzjoni finanzjarja, jista' jkun hemm riskju li l-"effett domino" jista' jwassal biex istituzzjonijiet oħrajn ikollhom il-problemi, anke dawk finanzjarjament b'saħħithom.. Raġuni waħda għala s-severità tal-kriżi finanzjarja riċenti ma kinitx prevista b'mod adegwat kienet minħabba li l-għodod u d-dejta eżistenti ma ppermettewx lill-esperti jikkunsidraw b'mod konsiderevoli kemm is-settur jistrieħ fuq dawn l-interazzjonijiet kumplessi u l-esponiment reċiproku.

L-għan tal-proġett "Tbassir ta' Kriżijiet Finanzjarji" huwa li jitjieb il-fehim ta' dawk li jfasslu l-politika dwar kif inhuma interkonnessi b'mod reċiproku s-sistemi bankarji, is-swieq tal-ishma u l-fluss tal-kreditu. L-istrumenti kunċettwali u tas-softwer żviluppati matul ir-riċerka jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta' sistemi ta' twissija bikrija li jippermettu li jittieħdu azzjonijiet jekk ikun meħtieġ li s-swieq finanzjarji jiġu stabbilizzati. Ir-riċerka mhux se tiffoka biss fuq dejta ta' transazzjoni finanzjarja, imma wkoll fuq dejta tat-tfittix fl-internet, bħall-frekwenza ta' ċerti kliem ewlieni relatat mal-finanzi fl-għodod għat-tfittxija. L-għan huwa li jiġu żviluppati indikaturi ġodda ta' riskju li jistgħu jintużaw mill-entitajiet ta' politika bħall-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, jew il-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja biex jgħinu fl-evitar ta' kriżijiet finanzjarji fil-futur.

L-approċċ huwa msejjes fuq riċerka multidixxiplinarja ġdida li torbot ir-riżultati mix-xjenza ta' sistema kumplessa u l-fiżika tal-istabbiltà u r-elastiċità għal approċċi moderni fix-xjenza ekonomika.

L-għodod msejsa fuq l-ICT li jirriżultaw jikkumplimentaw il-miżuri b’implikazzjonijiet wiesgħa meħuda fl-Ewropa bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja riċenti biex jitħaffef il-pass tar-regolazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji u biex jiżdiedu l-monitoraġġ u s–superviżjoni tas-swieq IP/09/1347).

Il-kuntest

Il-ħidma tar-riċerka bdiet f'Settembru 2010 u se tintemm fi tmiem l-2013 bi spiża totali ta' EUR 2.48 miljuni. Il-Kummissjoni qed tikkontribwixxi EUR 1.8 miljun taħt il-baġit għar-riċerka tal-ICT tas-Seba' Programm Kwadru għar-Rriċerka u l-iżvilupp mill-2007 sal-2013. Il-proġett jagħmel parti mill-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tagħti spinta lir-riċerka fl-ICT ta' riskju għoli f'teknologiji futuri u emerġenti tal-informazzjoni (FET Miftuħa), għan tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa adottata mill-Kummissjoni f'Mejju 2010 (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200) wara l-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (IP/10/225).

L-FET-Miftuħa kontinwament jaċċettaw proposti ta' riċerka b'kunċetti ġodda u b'potenzjal kbir b'viżjoni fit-tul. Jiffinanzjaw riċerka biex tirreaġixxi malajr għal sfidi emerġenti ġodda fir-riċerka tal-ICT li ma jkunux jagħmlu parti mill-prijoritajiet ta' skemi ta' finanzjament oħrajn.

Il-proġett "Tbassir ta' Kriżijiet Finanzjarji" jippreżenta sitt istituzzjonijiet akkademiċi Ewropej: L-Istitut ta' Sistemi Kumplessi tal-Kunsill Taljan għar-Riċerka Nazzjonali, l-Università ta' Oxford (ir-Renju Unit), L-Istitut Federali Svizzeru tat-Teknoloġija ta' Zurich, Fundació Barcelona Media tal-Università ta' Pompeu-Fabra (Spanja), is-City University ta' Londra (ir-Renju Unit), u l-Università Politecnica delle Marche (l-Italja). Ir-riċerka tal- Yahoo! se tagħmel disponibbli d-dejta u l-għarfien espert dwar id-dejta ta' tfittix fl-internet. Il-Bank Ċentrali Ewropew qed jipparteċipa fil-proġett bħala konsulent.

Aqra iktar dwar il-proġett:

www.focproject.net


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website