Navigation path

Left navigation

Additional tools

Evalwat il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen: Il-Kummissjoni mħassba dwar id-diffikultajiet irrappurtati għal min jivjaġġa

European Commission - IP/10/1329   13/10/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1329

Brussell, it-13 ta' Ottubru 2010

Evalwat il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen: Il-Kummissjoni mħassba dwar id-diffikultajiet irrappurtati għal min jivjaġġa

Fir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen fejn jidħlu l-fruntieri interni, il-Kummissjoni tipponta lejn tliet kwistjonijiet speċifiċi ta' tħassib: diffikultajiet marbuta ma' allegati verifiki regolari u sistematiċi f'ċerti żoni interni tal-fruntieri; il-fatt li għad fadal ta’ ostakoli għat-traffiku fluwidu f’punti ta’ qsim tat-toroq fi fruntieri interni; u dewmien fin-notifikazzjoni tal-pjanijiet għall-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli mal-fruntieri interni.

"Żona mingħajr fruntieri interni fejn in-nies jistgħu jiċċaqilqu liberament hi waħda mill-akbar kisbiet tal-koperazzjoni Ewropea, u xi ħaġa li minnha ċ-ċittadini jibbenefikaw bil-kbir. Għalhekk hu ta' dispjaċir li dan mhux qed ikun irrispettat kullimkien, li hu dak li qed juri dan ir-rapport, qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström.

Il-ftehim Schengen ifisser li l-individwi, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, jistgħu jaqsmu l-fruntieri interni f'kull punt mingħajr ma jkunu suġġetti għall-kontrolli fil-fruntieri. Madankollu, kontrolli fuq persuni fl-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma permessi madwar it-territorju kollu tagħhom, inkluż fiż-żoni tal-fruntieri, sakemm l-eżerċizzju ta' dawk il-poteri ma jkollux effett ekwivalenti għal spezzjonijiet fil-fruntiera.

Il-Kummissjoni tinsab imħassba mid-diffikultajiet li jirrappurtaw dawk li jivvjaġġaw rigward spezzjonijiet allegati regolari u sistematiċi li jsiru f'ċerti żoni tal-fruntieri interni. Biex din is-sitwazzjoni tiġi ssorveljata kif suppost u biex jiġi indirizzat dak li jħasseb liċ-ċittadini, il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn ta' aktar informazzjoni mill-Istati Membri dwar kemm huma spissi u r-raġunijiet wara l-verifiki li qed isiru fl-inħawi ta' madwar il-frunitieri.

Bi tweġiba għal din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni qed tivvaluta l-ilmenti u qed tindirizza lill-Istati Membri biex tikseb spejgazzjonijiet. Jekk l-ispjegazzjonijiet ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni se tuża' kull mezz disponibbli, sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni se titlob ukoll lill-Istati Membri biex jipprovdu statistika dwar l-ispezzjonijiet mill-pulizija li jkunu saru fit-territorji tagħhom u b'mod partikolari fiż-żoni tal-fruntieri interni. Barra minn hekk, fil-proposta tagħha għal Mekkaniżmu rivedut ta' Schengen, il-Kummissjoni tipprevedi li twettaq żjarat għal għarrieda fuq il-post sabiex tivverifika li ma jkunx hemm spezzjonijiet fil-fruntieri interni.

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li għad baqa', fil-punti fejn jiltaqgħu it-toroq fil-fruntieri interni, infrastrutturi ta' skala kbira, li ta' spiss tkun akkumpanjata minn limiti sinifikanti ta' veloċità. Il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li l-Istati Membri għandhom ineħħu dawn l-ostakli kollha biex jiffaċilitaw il-fluss tat-traffiku, b'mod partikolari kwalunkwe limitu ta' veloċità li ma jkunx esklużivament ibbażat fuq konsiderazzjonijiet ta' sikurezza fuq it-toroq.

Fl-aħħar, fir-rigward tal-fatt li l-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen jippermetti l-introduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni, il-Kummissjoni tinsisti fuq in-notifikazzjoni fil-ħin ta' kwalunkwe introduzzjoni ppjanata ta' kontrolli fil-fruntieri interni. Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni ddettaljata biex il-Kummissjoni tkun tista', fejn meħtieġ, tagħti l-opinjoni tagħha, u sabiex tipproċedi għal konsultazzjonijiet formali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Il-kuntest

Il-ftehim Schengen ġie ffirmat fl-14 ta' Ġunju 1985 mill-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi u jippermetti l-moviment ħieles tan-nies fi ħdan iż-żona Schengen billi jneħħi l-kontrolli sistematiċi fil-fruntieri interni.

Iż-żona Schengen bħalissa tikkonsisti minn 25 Stat Membru Schengen jiġifieri l-pajjiżi tal-UE l-Awstrija, il-Belġju, Ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ugerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugal, Spanja, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Isvezja, kif ukoll it-tliet pajjiżi assoċjati li mhumiex membri tal-UE, in-Norveġja, l-Islanda u l-Isvizzera. Fil-mument, il-Bulgarija, ir-Rumanija u Ċipru japplikaw biss parzjalment l-acquis Schengen u għalhekk għadhom isiru l-kontrolli fil-fruntieri ta' dawn it-tliet Stati Membri.

Il-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen (Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006) daħal fis-seħħ fit-13 ta' Ottubru 2006. Hu jikkonsolida u jiżviluppa ulterjorment il-leġiżlazzjoni ta' Schngen. Titolu III tal-Kodiċi kkonferma t-tneħħija ta' kwalunkwe kontroll fuq persuni li jaqsmu l-fruntieri bejn il-pajjiżi ta' Schengen.

L-Artikolu 38 tal-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament u lill-Kunsill sat-13 ta' Ottubru 2009 rapport dwar l-applikazzjoni ta' Titolu III. B'dan il-għan, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Istati Membri sabiex tikseb informazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' Titolu III tal-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen. L-iskadenza għas-sottomissjoni ta' dan ir-rapport ma setgħetx tkun rispettata minħabba s-sottomissjoni tard ta' informazzjoni minn diversi Stati Membri. Ir-rapport tal-Kummissjoni, imħejji fuq il-bażi tat-tweġibiet tal-Istati Membri, jirrifletti wkoll informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni minn ċittadini u Membri tal-Parlament Ewropew, li jippontaw lejn allegati verifiki fil-fruntieri fil-fruntieri interni u li fadal ostakli għall-fluss fluwidu tat-traffiku f'ċerti inħawi li kienu punti fejn wieħed kien jaqsam il-fruntiera.

Għal iktar informazzjoni

Il-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Kummissarju għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/malmstrom/index_en.htm

MEMO/10/488


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website