Navigation path

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: stħarriġ fid-djar jiżvela li hemm aktar Ewropej li qed jużaw l-internet iżda għandhom it-tħassib dwar il-kostijiet u s-sigurtà

European Commission - IP/10/1328   13/10/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1328

Brussell, 13 ta' Ottubru 2010

Aġenda Diġitali: stħarriġ fid-djar jiżvela li hemm aktar Ewropej li qed jużaw l-internet iżda għandhom it-tħassib dwar il-kostijiet u s-sigurtà

L-Ewropej dejjem qed isiru aktar "diġitali" skont stħarriġ tal-Eurobarometer tal-Kummissjoni Ewropea li staqsa 27,000 dar madwar l-UE dwar l-użu tagħhom tal-internet, it-telefowns u t-TV. Ħafna Ewropej għandhom abbonament tal-internet bil-broadband u t-televiżjoni diġitali f''pakketti' ta' kost-fiss. Aktar użu ta' broadband ifisser li aktar Ewropej qed jużaw l-internet, fejn issa 35% qed jużaw siti tal-internet tan-netwerking soċjali. Madankollu, għandhom tħassib dwar il-kost, il-kwalità tas-servizz u s-sigurtà, kif ukoll il-libertà fuq l-internet. Għoxrin fil-mija tal-utenti tal-internet fiss u mobbli żvelaw li huma esperjenzaw problemi b'kontenut u applikazzjonijiet imblukkati. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tal-Kummissjoni ta' Mejju 2010 mhux biss tissettja miri ambizzjużi biex iċ-ċittadini kollha tal-Ewropa jkollhom l-internet bil-broadband imma wkoll tippjana miżuri biex issaħħaħ il-kompetizzjoni, il-fiduċja u s-sigurtà (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Aċċess għall-internet u l-internet bil-broadband

Dan l-istħarriġ jiżvela li 43% tad-djar tal-UE għadhom mingħajr aċċess għall-internet. Dan isaħħaħ l-importanza tal-mira ambizzjuża li l-Kummissjoni stipulat fl-Aġenda Diġitali: kull Ewropew Diġitali. Kważi waħda minn kull ħamest idjar fl-istħarriġ semmiet il-kostijiet għoljin assoċjati mal-internet bħala r-raġuni għaliex fid-dar tagħhom ma għandhomx konnessjoni tal-internet. Għalhekk hemm ċans li n-nies jiġu inkoraġġuti jkollhom konnessjoni tal-internet jekk tiġi mħeġġa l-kompetizzjoni biex il-prezzijiet jonqsu, għan importanti tal-Aġenda Diġitali.

Ħafna minn dawk li ma għandhomx konnessjoni d-dar isostnu li huma mhumiex interessati fl-internet. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li ċ-ċittadini kollha tal-UE għandu jkollhom l-għażla li jabbonaw għall-internet bil-broadband u jekk kulħadd ikun konxju tal-vantaġġi potenzjali (eż. f'termini ta' aċċess għal servizzi innovattivi, ix-xogħol mid-dar), hemm ċans li jkunu interessati ħafna aktar.

Pakketti

Mid-djar li pparteċipaw fl-istħarriġ, 38% għandhom abbonament ta' pakkett b'żewġ servizzi jew aktar. Kważi kwart mid-djar li pparteċipaw fl-istħarriġ jirċievu t-TV diġitali terresti, li huwa ammont simili għat-TV bis-satellita.

Tħassib dwar il-kost u l-kwalità

Skont l-istħarriġ, 61% tal-utenti tat-telefown ċellulari tal-UE u 49% tal-abbonati tat-telefown fiss jillimitaw it-telefonati tagħhom minħabba t-tħassib dwar il-kost.

Fid-djar li għandhom il-konnessjonijiet bil-broadband, 30% jgħidu li l-veloċità tat-tniżżil tad-dejta mhijiex konsistenti, 36% jesperjenzaw sospensjonijiet tas-servizz u 24% jgħidu li l-prestazzjoni ma taqbilx mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt.

L-Aġenda Diġitali timmira li tiżgura aċċess għal veloċità tal-internet ta' 30 Mbps għall-Ewropej kollha sal-2020 u li jkollha tal-inqas 50% tad-djar Ewropej b'abbonamenti tal-konnessjonijiet tal-internet ta' aktar minn 100 Mbps sa dik id-data. Il-Kummissjoni reċentement adottat pakkett fi tliet partijiet ta' miżuri tal-broadband biex tgħin it-twettiq ta' din il-mira (ara IP/10/1142, MEMO/10/427, MEMO/10/426 u MEMO/10/424).

Fiduċja u sigurtà fl-internet

84% tad-djar jeżiġu li jiġu nnotifikati jekk id-dejta personali tagħhom tkun insterqet, intilfet jew inbidlet. 45% jinsabu inkwetati dwar iċ-ċans li d-dejta personali tagħhom tintuża b'mod ħażin fuq is-siti tan-netwerking soċjali. Dawk li għandhom inqas minn 24 sena huma anqas inkwetati dwar dan minn dawk li għandhom aktar minn 40 sena. Il-pakkett tat-telekom tal-2009, li għandu jiġi implimentat sas-26 ta' Mejju tal-2011, fih diversi dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, biex jinfurmaw lir-regolatur nazzjonali jew lill-abbonati jekk ikun hemm xi ksur ta' regoli fid-dejta personali (ara MEMO/09/568).

Il-Kummissjoni reċentement ippreżentat miżuri biex issaħħaħ l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) u biex tiġġieled iċ-ċiberattakki (ara IP/10/1239, MEMO/10/459 u MEMO/10/463).

Aċċess imblukkat

21% tad-djar Ewropej li għandhom aċċess għall-internet jikkunsidraw li l-aċċess tagħhom għal ċertu kontenut u applikazzjonijiet fuq l-internet ġie imblukkat mill-fornitur tal-internet tagħhom. Proporzjon ekkwivalenti ta' utenti tal-internet mobbli jgħidu l-istess ħaġa, iżda madwar terz jattribwixxu dan għal kapaċità limitata fuq it-telfown tagħhom jew l-abbonament tat-telefown tagħhom. Il-Kummissjoni reċentement varat konsultazzjoni dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tiegħu (ara IP/10/860), biex tipprepara r-rapport tagħha li jmiss dwar il-firxa ta' kwalunkwe problema ta' dan it-tip u dwar jekk humiex meħtieġa aktar miżuri f'dan il-qasam.

Riżultati oħra tal-istħarriġ

Aktar minn terz taċ-ċittadini tal-UE jużaw xi sit tan-netwerking soċjali; dawn huwa veru kemm għal pajjiżi li għandhom użu kbir tal-internet (eż. il-Pajjiżi l-Baxxi) u kif ukoll għal dawk li għandhom użu żgħir (eż. il-Latvja). 22% tad-djar li għandhom aċċess għall-internet jużaw il-kompjuter tagħhom biex jagħmlu t-telefonati tagħhom minn fuq l-internet. Id-djar fit-12 Stati Membri l-ġodda għandhom darbtejn iżjed ċans li jagħmlu dan minn dawk fil-15 Stati Membri l-oħra.

98% tad-djar tal-UE għandhom aċċess għat-telefown u proporzjon dejjem jikber ta' djar (87%) għandhom aċċess għal telefown ċellulari. 11% biss għandhom aċċess għal linja tat-telefown fissa biss. 25% jużaw biss it-telefown ċellulari u ma għandhomx linja tat-telefown fissa.

98% tad-djar tal-UE għandhom it-televiżjoni imma 30% biss jużaw trażmissjoni permezz ta' netwerk tal-kejbil, filwaqt li 23% jużaw it-TV diġitali, żieda ta' 11% meta mqabbla mal-2007.

L-istħarriġ komplut jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/ext_studies/index_en.htm

Anness

Rati ta’ penetrazzjoni għal servizzi ewlenin tat-telekomunikazzjoni

Medja tad-djar tal-UE 27 Nov.-Diċ. 2009

Medja tad-djar tal-UE 27 Nov.-Diċ. 2007

Punti ta' % Nov.-Diċ. 2009/ Nov.-Diċ. 2007

Aċċess globali għat-telefown (fiss u/jew ċellulari)

98%

95%

+3

Aċċess għat-telefown ċellulari

87%

83%

+4

Aċċess għat-telefown fiss

73%

70%

+3

Aċċess kemm għat-telefown ċellulari kif ukoll għal dak fiss

62%

57%

+5

Aċċess għat-telefown ċellulari iżda mhux għal dak fiss

25%

25%

=

Aċċess għat-telefown fiss iżda mhux għal dak ċellulari

11%

14%

-3

Televiżjoni

98%

96%

+2

Antenna

34%

41%

-7

TV bil-kejbil

30%

34%

-4

Bis-satellita

24%

22%

+2

TV Diġitali Terrestri

22%

12%

+10

Pakkett ta' servizzi (aktar minn wieħed)

38%

29%

+9


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website