Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1325

Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2010

Il-Kummissjoni Ewropea twettaq konsultazzjoni dwar kif jista’ jittejjeb is-suq Ewropew tal-verifiki

Illum il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni wiesgħa dwar ir-rwol tal-verifika statutorja kif ukoll dwar il-kuntest usa’ li fih jitwettqu l-verifiki. Wara l-kriżi finanzjarja, jeħtieġ li nistaqsu jekk ir-rwol tal-awdituri jistax jittejjeb sabiex jittaffa kwalunkwe riskju finanzjarju li jista’ jkun hemm fil-ġejjieni. Il-kriżi wriet ukoll ċerti nuqqasijiet fis-settur tal-verifiki li għandhom jiġu mistħarrġa iktar. Din il-ħidma dwar il-verifiki hija parti mill-isforzi tagħna biex nitgħallmu mill-kriżi u nwettqu riforma tas-settur finanzjarju. Il-Kummissjoni tixtieq b’mod partikulari tiddiskuti jekk il-verifiki jipprovdux it-tagħrif korrett lil dawk kollha li huma involuti fis-settur finanzjarju, jekk hemmx kwistjonijiet marbutin mal-indipendenza tal-kumpaniji tal-verifiki, jekk hemmx riskji marbutin ma’ suq ikkonċentrat, jekk is-sorveljanza f’livell Ewropew tistax tkun utli u kif wieħed jista’ jissodisfa bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tan-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju. Id-data ta’ skadenza biex jintbagħtu r-reazzjonijiet għal din il-konsultazzjoni hija t-8 ta’ Diċembru 2010.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, is-Sur Michel Barnier, qal: “L-eżattezza tar-rapporti finanzjarji hija importanti ferm biex ikun hemm fiduċja fis-suq.

Dawk kollha li huma involuti fis-settur finanzjarju għandhom bżonn li jkunu jistgħu jiddependu fuq tagħrif li jkun jirrifletti l-qagħda finanzjarja reali tal-kumpaniji.

L-awdituri għandhom rwol importanti u huwa għalhekk li għandna bżonn verifiki li jkunu b’saħħithom u li jkunu indipendenti għal kollox. Il-kriżi wriet ċerti nuqqasijiet fis-settur tal-verifiki. Jeħtieġ li dawn in-nuqqasijiet jiġu mistħarrġa u li naraw x’titjib jista’ jsir. Jiena nħoss li huwa importanti li nidħlu għal din id-diskussjoni b’mod dirett u miftuħ. M’għandna neskludu l-ebda suġġett.”

Il-verifika statutorja hija l-verifika tal-kontijiet tal-kumpanija kif meħtieġa mil-liġijiet tal-UE. Il-liġi tafda f’idejn l-awdituri biex iwettqu l-verifki statutorji. Il-mira ta’ verifika hija li tagħti opinjoni dwar kemm ir-rapporti finanzjarji tal-kumpaniji li tkun qed issirilhom il-verifika huma veri u ġusti, b’mod li jkun indipendenti għal kollox mill-kumpanija li tkun qed issirilha l-verifika. Għalhekk, l-indipendenza tal-awdituri għandha tkun il-pedament li fuqu jissejjes l-ambjent tal-verifika.

B’mod partikulari minħabba l-kriżi tal-banek, qamu mistoqsijiet dwar jekk ir-rwol tal-awdituri jistax jittejjeb sabiex jittaffa kwalunkwe riskju finanzjarju ġdid li jista’ jkun hemm fil-ġejjieni. L-għan tal-Green Paper huwa li titnieda konsultazzjoni wiesgħa sabiex jiġi deċiż x’bidliet jista’ jkun hemm bżonn li jsiru fil-politika dwar il-verifika.

Hemm għadd ta’ oqsma li l-Kummissjoni tħoss li għandhom jiġu mistħarrġa iktar, b’mod partikulari:

    - l-indipendenza tal-awdituri – mhuwiex ċar jekk l-awdituri jkunux verament imparzjali u kritiċi meta jkunu qed jeżaminaw ir-rapporti finanzjarji ta’ kumpanija partikulari li tkun diġà klijenta tagħhom, jew li potenzjalment tista’ tkun klijenta tagħhom, għal servizzi li ma jkunux ta’ verifika;

  • kemm il-partijiet interessati jistgħu jiddependu fuq ir-rapporti finanzjarji li tkun saritilhom verifika. Huwa għalhekk li qed nippruvaw nifhmu liema “differenzi f’dak li hu mistenni” jeżistu bejn il-partijiet interessati f’dak li għandu x’jaqsam mal-ambitu u l-metodoloġija tal-verifika, jekk dawn id-differenzi jeżistu;

  • il-potenzjal għal riskju sistemiku minħabba l-konċentrazzjoni qawwija fis-settur tal-verifiki (x’konsegwenzi jista’ jkun hemm għas-sistema finanzjarja usa’ jekk tagħlaq waħda mill-kumpaniji l-kbar tal-verifika?);

  • ir-rwol tas-superviżuri, u jekk is-sorveljanza nazzjonali hijiex effettiva għal kollox;

    - il-potenzjal għal suq intern reali għall-verifiki, u t-tneħħija tal-ostakli li bħalissa qed jagħmlu s-settur tal-verifika b’mod ewlieni suq nazzjonali. F’dak il-kuntest, għandu jiġi mistħarreġ iktar il-kunċett ta’ passaport Ewropew għall-awdituri;

- il-ħtiġijiet speċifiċi tan-negozji ż-żgħar – l-iżgurar ta’ applikazzjoni proporzjonali tar-regoli għall-SMEs;

- il-kuntest dinji: is-suq tal-verifiki huwa wieħed dinji li fih il-kumpaniji jaħdmu bħala netwerks dinjin; għalhekk huwa importanti li l-isforzi tagħna jkunu kkoordinati f’livell internazzjonali.

Ir-reazzjonijiet għall-Green Paper qed jintlaqgħu sat-8 ta’ Diċembru. Abbażi ta’ dawk ir-reazzjonijiet, il-Kummissjoni se tiddeċiedi dwar jekk hemmx bżonn li jittieħdu xi miżuri fl-2011. Il-Kummissjoni se tipprova tikkoopera mal-ħafna msieħba internazzjonali tagħha fi ħdan il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja u l-G-20 u se tipprova tieħu l-istess linja tagħhom.

Ir-reazzjonijiet għall-Green Paper għandhom jintbagħtu fl-indirizz tal-posta elettronika li ġej:

markt-greenpaper-audit@ec.europa.eu sa mhux aktar tard mit-8 ta’ Diċembru 2010. Il-Green Paper tinsab fis-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/internal_market/auditing/otherdocs/index_en.htm

MEMO/10/487


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website