IP/10/1324
Brussell, it-13 ta' Ottubru 2010
Tħaffir għaż-żejt fil-baħar: Il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tipproponi regoli tal-UE dwar is-sikurezza
Għall-ewwel darba, l-Kummissjoni Ewropea qed tipprevedi li jkun hemm leġislazzjoni komprensiva tal-UE dwar il-pjattaformi taż-żejt bl-għan li jiġu żgurati l-ogħla standards ta' sikurezza fid-dinja. Fil-Kommunikazzjoni dwar is-sikurezza tal-attivitajiet tal-gass u ż-żejt, il-Kummissjoni qed tikkontempla standards ġodda tal-UE, inkluż kriterji għall-ħruġ tal-permessi għat-tħaffir, il-kontrolli tar-riggijiet u l-mekkaniżmi tal-kontroll tas-sikurezza.
Günther Oettinger, il-Kummissarju responsabbli għall-Enerġija, qal: "Is-sikurezza mhijiex negozjabbli. Għandna niżguraw li diżastru simili għal dak li seħħ fil-Golf tal-Messiku ma jseħħ qatt fl-ilmijiet Ewropej. Għaldaqstant qegħdin nipproponu li l-aħjar prattiki, li jeżistu diġà fl-Ewropa, jsiru standard madwar l-Unjoni Ewropea kollha."
Fil-Kommunikazzjoni, il-Kummissjoni tirrakkomanda leġislazzjoni speċifika tal-UE dwar il-pjattaformi taż-żejt u, b'hekk, qed tindika li jista' jkun li tiġi ppreżentata proposta formali fil-bidu tas-sena dieħla. Approċċ fuq livell globali tal-UE qed jiġi meqjus bħala xi ħaġa neċessarja, hekk kif mhemmx limiti ta' konfini għall-ħsarat ambjentali, ekonomiċi u soċjali kkawżati minn aċċident li jista' jiġri fil-baħar.
Il-Kommunikazzjoni tkopri standards dwar il-prevenzjoni, r-reazzjoni u r-responsabbiltà finanzjarja:
Ħruġ tal-permessi: Meta jinħarġu l-permessi għal tħaffir ġdid, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji taż-żejt jissodisfaw ir-rekwiżiti ewlenin tal-UE: Il-kumpaniji għandhom ikollhom pjan ta' kontinġenza u juru li għandhom l-mezzi finanzjarji disponibbli biex iħallsu għal ħsara ambjentali kkawżata f'każ ta' aċċident.
Kontrolli : Il-pjattaformi taż-żejt huma kkontrollati mill-awtoritajiet nazzjonali. Dawn l-inkarigi ta' superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiġu evalwati minn esperti indipendenti.
Standards għat-tagħmir ta' sikurezza: L-istandards tekniċi se jiżguraw li jiġi biss permess tagħmir li jissodisfa l-ogħla standards ta' sikurezza. Dawn jinkludu tagħmir li jipprevjeni l-iżbroffi.
Ħsarat/Reazzjoni: Il-kumpaniji taż-żejt għandhom inaddfu u joffru rimedju għal ħsara kkawżata lill-ambjent wara aċċident f'żona sa massimu ta' 200 mil nawtiku mill-kosta. L-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima (EMSA), li bħalissa qegħda tiffoka fuq it-tniġġis ikkawżat mill-vapuri, se tgħin ukoll fi kwistjonijiet marbuta ma' tniġġis ikkawżat mill-pjattaformi taż-żejt.
Internazzjonali: Il-Kummissjoni se taħdem fuq l-implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti kif ukoll inizjattivi komuni ġodda.
Sfond:
Wara d-diżastru fil-Golf tal-Messiku fl-20 ta' April 2010, il-Kummissjoni Ewropea eżaminat r-regoli eżistenti dwar il-pjattaformi taż-żejt. Minkejja li l-istandards dwar is-sikurezza fl-industrija tal-UE huma, ġeneralment, ta' livell għoli, ir-regoli ta' spiss ivarjaw minn kumpanija għall-oħra, u tvarja wkoll il-leġislazzjoni minn Stat Membru għall-ieħor. Ċertu aspetti tas-sikurezza huma rregolati minn leġislazzjoni tal-UE eżistenti bħad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Madankollu, l-analiżi wriet li jeħtieġu riforma ġenerali u qafas legali aktar koerenti sabiex jiġu żgurati standards tal-ogħla livell.
Ir-Rapport dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali tal-2010 maħruġ mill-Kummissjoni jinsab fuq is-sit tal-internet: