Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1314

Brussell, it-12 ta' Ottubru 2010

Il-Kummissjoni trid li iktar universitajiet joffru korsijiet għat-tradutturi

Il-Kummissjoni Ewropea nediet spinta ġdida biex tħeġġeġ lil aktar universitajiet Ewropej joffru korsijiet ta’ kwalità għolja għall-istudenti li jixtiequ jaħdmu ta’ tradutturi. Bħala parti min dan, il-Kummissjoni espandiet in-netwerk universitarju tagħha ta' 'Master's Ewropea fit-Traduzzjoni' (EMT), li twaqqaf is-sena li għaddiet b'risposta għan-nuqqas li kull ma jmur qed jikber ta’ tradutturi kkwalifikati kif imiss fis-suq tax-xogħol. Minbarra li huwa netwerk, l-EMT sservi wkoll ta’ tikketta ta’ kwalità rikonoxxuta. S’issa, 34 università Ewropea rnexxielhom japplikaw biex jissieħbu fin-netwerk (irreferi għal-link t'hawn taħt għal-lista). L-universitajiet li jixtiequ jużaw it-tikketta EMT, jivvalutawlhom il-korsijiet tagħhom tradutturi esperti, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma membri tan-netwerk eżistenti. In-netwerk ENT se jiltaqa’ għall-konferenza annwali tiegħu fi Brussell mill-11 sat-13 ta’ Ottubru.

Fi kliem il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, Androulla Vassiliou, ‘F’bosta pajjiżi, kulħadd jista’ jaqbad u jgħid li huwa traduttur mingħajr ebda garanzija ta' kompetenza professjonali. Il-mira fit-tul tal-proġett EMT hija li jiżdied l-istandard tat-taħriġ tat-tradutturi; kors li jkollu t-tikketta EMT huwa rikonoxxut bħala fost l-aqwa f'dan il-qasam.’

L-EMT tnieda mill-Kummissjoni b’risposta għal żewġ punti ta’ tħassib: id-domanda li kull ma jmur dejjem qed tiżdied għal servizzi lingwistiċi ta’ livell għoli madwar id-dinja u l-irduppjar tal-għadd ta’ lingwi uffiċjali tal-UE minn 11 għal 23 bejn l-2004 u l-2007.

Id-domanda għas-servizzi tat-traduzzjoni madwar id-dinja qed tikber sew. Skont studju tal-2009 dwar l-industrija lingwistika tal-Unjoni Ewropea1, il-fatturat attwali tagħha mistenni li jiżdied b’talanqas 10 % fis-sena tul il-ftit snin li ġejjin u huwa stmat li din l-industrija se tkun tiswa sa EUR 20 biljun sal-2015.

L-industrija lingwistika tkopri t-traduzzjoni, l-interpretazzjoni, is-sottotitolar, id-doppjaġġ tal-films u l-'lokalizzazzjoni' (l-adattament tat-traduzzjoni għal ħtiġijiet lokali speċifiċi). Il-ħiliet li traduttur jeħtieġ li jitrawwem fihom għas-suq tax-xogħol tal-lum qiegħdin imorru dejjem aktar 'il hinn mill-abilitajiet purament lingwistiċi. Il-proġett EMT jirrikonoxxi li t-tradutturi jeħtieġilhom ukoll li jkollhom ħiliet fl-intraprenditorja, l-immaniġġjar tal-proġetti u n-negozjar. Ħafna universitajiet, pereżempju, saru jgħallmu lill-istudenti tat-traduzzjoni dwar kif imexxu negozju, apparti minn kif wieħed jittraduċi.

Kważi 250 università u istituzzjonijiet oħra tal-edukazzjoni għolja fl-Unjoni Ewropea bħalissa qed joffru korsijiet għal dawk li jixtiequ jilħqu tradutturi.

Id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għat-Traduzzjoni jipprovdi l-appoġġ amministrattiv lin-netwerk EMT u jaġixxi bħala ċentru ewlieni għall-iskambju ta' informazzjoni u l-aqwa prassi.

Il-Kummissjoni allokat madwar EUR 300,000 biex tkopri l-ispejjeż tal-appoġġ amministrattiv min-naħa tagħha u l-konferenza annwali tan-netwerk fl-2010. Ma tipprovdix appoġġ finanzjarju dirett għall-korsijiet ta' taħriġ jew għall-istudenti.

Għal aktar tagħrif:

L-universitajiet fin-netwerk EMT:

http://ec.europa.eu/dgs/translation/programmes/emt/network/index_en.htm

Sejħa għall-applikazzjonijiet għal sħubija fin-Netwerk EMT:

http://ec.europa.eu/dgs/translation/programmes/emt/joinus/emt_network_join_en.htm

Il-Proġett ta' Master’s Ewropea fit-Traduzzjoni :http://ec.europa.eu/dgs/translation/programmes/emt/index_en.htm

Id-DĠ tat-Traduzzjoni: http://ec.europa.eu/dgs/translation/

1 :

Studju tal-Kummissjoni dwar l-industrija lingwistika tal-UE http://ec.europa.eu/dgs/translation/publications/studies/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website