Navigation path

Left navigation

Additional tools

Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur – ħames snin għas-servizz tal-konsumaturi Ewropej

European Commission - IP/10/1313   12/10/2010

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1313

Brussell, 12 ta' Ottubru 2010

Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur – ħames snin għas-servizz tal-konsumaturi Ewropej

Qatt ordnajt onlajn, ħallast għall-oġġetti u ma rċevejthomx? Mela ċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur jista' jgħinek. Bejn l-2005 u l-2009, in-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur (ECC-Net) ittratta kważi 270,000 kuntatt ma' konsumaturi tal-UE li marru għandhom għal parir jew għajnuna dwar xiri bejn il-fruntieri, skont ir-rapport tal-ħames anniversarju tal-ECC-Net, ippubblikat mill-Kummisjsoni Ewropea llum. In-numru ta' kuntatti annwali kiber konsistement, minn 43,000 fl-2005 għal aktar minn 60,000 fl-2009. Il-valur annwali tas-soluzzjonijiet amikevoli tal-ilmenti mal-kummerċjanti (f'rimborsi u kumpens lill-konsumaturi) laħaq € 3.5 miljun fl-2008. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jikkofinanzjaw l-ECC-Net li joffri lill-konsumaturi pariri legali u għajnuna b'xejn f'kull pajjiż tal-UE kif ukoll fin-Norveġja u l-Islanda. Ix-xiri onlajn ikompli jkun sors ewlieni tal-ilmenti tal-konsumaturi bejn il-fruntieri: Fl-2009 dawn kienu jirrapreżentaw aktar min-nofs (55.9 %) tal-ilmenti kollha milqugħa.

Meta kien qed ikellem lid-Diretturi tal-ECC fit-tnedija tar-rapport iktar kmieni llum, il-Kummissarju tal-UE għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur John Dalli qal: "Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur jipprovdu xibka importanti ta' sigurtà għall-konsumaturi tal-UE li jridu jaħtfu l-opportunitajiet offruti mis-suq intern billi jfittxu valur aħjar u għażla usa' bejn il-fruntieri. Bis-saħħa ta' dan in-netwerk uniku, dawn jistgħu jiksbu għajnuna effettiva u b'xejn f'pajjiżhom stess u bil-lingwa tagħhom stess irrispettivament fejn fl-UE kellhom problema. Biex nikkonkludi: "Meta n-nies tistaqsi x'qiegħda tagħmel l-UE konkretement għall-konsumaturi, ix-xogħol tal-ECC-Net jista' jiġi kkwotat bħala eżempju ewlieni".

In-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur

Konsumatur Ċek ordna diversi CDs minn ħanut onlajn Daniż, ħallas bil-karta tal-kreditu u qatt ma rċieva l-oġġetti. Il-kummerċjant wiegħed li kien se jibgħat l-oġġetti fi żmien ġimgħa, imbagħad ġimagħtejn, u mbagħad qal li l-kunsinna se tieħu aktar fit-tul. Il-konsumatur talab flusu lura u ma rċieva l-ebda risposta. Il-konsumatur ikkuntattja lill-ECC Ċek li talbu lis-sħab Daniżi tagħhom l-għajununa. Il-kummerċjant ta r-rimbors sħiħ wara l-intervent tal-ECC tad-Danimarka.

Dan t'hawn fuq huwa eżempju ta' lment tipiku ttrattat kuljum min-netwerk ta' 29 Ċentru Ewropew tal-Konsumatur. Hemm ECCs f'kull pajjiż tal-UE kif ukoll fin-Norveġja u l-Islanda. Dawn jipprovdu informazzjoni u pariri b'xejn liċ-ċittadini li jixtru bejn fruntieri u jgħinuhom fl-ilmenti tagħhom meta xi ħaġa tmur ħażin.

B'mod regolari l-ECCS isibu soluzzjoni amikevoli tal-ilmenti (48 % fl-2009). Meta l-ebda soluzzjoni amikevoli ma tkun possibbli, l-ilment huwa tipikament mgħoddi lil organi l-oħra, bħalma huma l-organi tas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) jew l-aġenziji nazzjonali tal-infurzar. B'mod proattiv l-ECCs ixerrdu wkoll l-informazzjoni, inklużi pariri u fuljetti lill-konsumaturi dwar temi popolari, bħalma hija l-kiri ta' karozza f'pajjiż ieħor tal-UE. Prodott ieħor tax-xogħol konġunt tal-ECCs huwa 'Howard' l-assistent tax-xiri onlajn: Għodda tal-web li tgħin lix-xerrejja onlajn jevitaw kummerċjanti frodulenti tal-web u jiksbu parir dwar ix-xiri onlajn.

Ir-Rapport ta' Ħames Snin tal-ECC (2005-2009): Is-sejbiet ewlenin

  • Fl-2009, aktar min-nofs (55.9 %) tal-ilmenti kollha li waslu għand l-ECCs kienu dwar transazzjonijiet onlajn. Il-bqija tal-kuntatti kienu għal informazzjoni u pariri.

  • Is-setturi li l-klijenti tal-ECC ilmentaw l-aktar dwarhom kienu: trasport (30.6 % tal-ilmenti fl-2009), rekreazzjoni u kultura (26.2 %) kif ukoll restoranti u akkomondazzjoni (13.3 %).

  • Fost l-ilmenti dwar is-servizzi tat-trasport, aktar minn tlieta minn erbgħa (75.6 %) ikkonċernaw trasport bl-ajru, pereżempju rimborsi u kumpens għal titjiriet ikkanċellati jew bagalji mitlufa.

  • Il-problemi rrapurtati mill-klijenti tal-ECC kienu l-aktar dwar: il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-oġġetti jew is-servizzi proprja, (29 % fl-2009) il-kunsinna tagħhom (21 %), bħalma meta l-kunsinna ma ssirx jew tittardja, u t-termini tal-kuntratt (18 %), pereżempju, dawk jikkonċernaw it-termini tat-tmiem tal-kuntratt.

  • Kien hemm tnaqqis fl-ilmenti dwar prattiċi kummerċjali u modi ta' bejgħ mhux ġusti.

Ir-rapport kien ippreżentat lill-Membri tal-Parlament Ewropew waqt wirja speċjali tal-ECC Net ilbieraħ filgħaxija fi Brussell.

Aktar informazzjoni dwar l-ECCs inkluż t-test sħiħ tar-rapport ta' ħames snin u dwar Howard l-assistent tax-xiri onlajn:

http://ec.europa.eu/consumers/ecc/index_en.htm

http://uk.theshoppingassistant.com/


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website