Navigation path

Left navigation

Additional tools

IP/10/1312

Brussell, it-12 ta' Ottubru 2010

Il-Kummissarju Šemeta jniedi Grupp għall-Politika dwar it-Taxxa biex imexxi 'l quddiem kwistjonijiet fundamentali fit-tassazzjoni

Illum, il-Kummissarju Algirdas Šemeta se jippresedi l-ewwel laqgħa tal-Grupp il-ġdid għall-Politika dwar it-Taxxa, li jlaqqa' flimkien rappreżentanti personali tal-Ministri tal-Finanzi tal-UE biex jiddiskutu kwistjonijiet ewlenin dwar il-politika tat-tassazzjoni. Il-Grupp se jaħdem fuq punti fundamentali bħal kif it-tassazzjoni tista' tikkontribwixxi għal Suq Intern aktar b'saħħtu, għat-tkabbir u l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, u għal ekonomija "aktar ekoloġika". Il-Grupp se jservi wkoll bħala forum għal diskussjoni iżjed fil-fond ta' kwistjonijiet prijoritarji, bħat-tassazzjoni tas-settur finanzjarju, bażi fiskali korporattiva komuni u konsolidata, u l-Istrateġija l-ġdida tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT).

Il-Kummissarju Šemeta qal: "Il-koordinazzjoni fiskali hija kruċjali sabiex l-UE terġa' tibni mill-ġdid ekonomija b'saħħitha u qawwija. Il-Grupp għall-Politika dwar it-Taxxa se jkun għodda importanti ħafna biex jiżgura li l-politiki tat-taxxa tal-Istati Membri jikkumplimentaw, iktar milli jikkontradixxu lil xulxin, u li l-miżuri li jittieħdu fil-livell tal-UE jkunu dawk li jippromwovu t-tkabbir u l-prosperità."

Il-Kummissarju Šemeta ħabbar it-tnedija tal-Grupp għall-Politika dwar it-Taxxa bħala waħda mill-ogħla prijoritajiet tiegħu bħala Kummissarju għat-Tassazzjoni, u jqisu bħala mezz kruċjali biex jinżamm momentum politiku fi kwistjonijiet ewlenin relatati mat-tassazzjoni fil-livell tal-UE.

Il-Grupp se jipprovdi forum regolari u stabbilit għal diskussjonijiet f'livell għoli biex jesplora l-ambitu u l-prijoritajiet għal koordinazzjoni tal-politika dwar it-taxxa fl-Ewropa. Se jgħin ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isir skambju ta' opinjonijiet dwar proposti qabel ma dawn jiġu ppreżentati, u biex jitmexxew 'il quddiem diskussjonijiet dwar dokumenti importanti tat-tassazzjoni.

Fil-laqgħa tal-lum, il-grupp se jiddiskuti r-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-Professur Monti dwar it-tnedija mill-ġdid tas-Suq Intern (agħfas hawn), inkluż dwar kif jistgħu jiġu indirizzati ostakli u punti dgħajfa f'oqsma bħat-tassazzjoni korporattiva, taxxi fuq il-konsum u taxxi ambjentali. Il-Grupp se jistudja wkoll kif il-koordinazzjoni tal-politika dwar it-taxxa tista' tikkontribwixxi aħjar għall-konsolidazzjoni fiskali u ttejjeb l-effikaċja tal-istrateġiji nazzjonali.

Fuq it-talba tal-Kunsill ECOFIN li saret fl-aħħar ta' Settembru, il-Grupp għall-Politika dwar it-Taxxa se jiffoka wkoll fuq il-kwistjoni tat-tassazzjoni tas-settur finanzjarju, filwaqt li jqis l-orjentazzjonijiet riċenti tal-politiki tal-Kummissjoni f'dan il-qasam (ara IP/10/1298, MEMO/10/477).

Sfond:

Il-Grupp għall-Politika dwar it-Taxxa tnieda fl-1996 bħala grupp ta' livell għoli għal diskussjoni strateġika ta' kwistjonijiet dwar il-politika fiskali fil-livell Ewropew. Kellu rwol importanti fis-suċċess tal-"Pakkett tat-Taxxa" għall-aħħar tad-disgħinijiet.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website