Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Drittijiet ta' smigħ ġust: Il-Ministri tal-Ġustizzja tal-UE japprovaw liġi li tiggarantixxi d-drittijiet ta' traduzzjoni u ta' interpretazzjoni fi proċedimenti kriminali

Commission Européenne - IP/10/1305   08/10/2010

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

IP/10/1305

Brussell, it-8 ta' Ottubru 2010

Drittijiet ta' smigħ ġust: Il-Ministri tal-Ġustizzja tal-UE japprovaw liġi li tiggarantixxi d-drittijiet ta' traduzzjoni u ta' interpretazzjoni fi proċedimenti kriminali

Il-Ministri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea approvaw liġi li tiggarantixxi d-drittijiet ta' traduzzjoni u ta' interpretazzjoni fi proċedimenti kriminali. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew approvaw il-liġi aktar kmieni din is-sena (IP/10/746). Din hija l-ewwel miżura tal-UE li tistabbilixxi standards minimi komuni għal drittijiet tad-difiża f'affarijiet kriminali. Il-liġi tiggarantixxi d-dritt tas-suspettati li jiksbu servizzi ta' interpretazzjoni matul il-proċedimenti kriminali, inkluż meta jirċievu pariri legali, bil-lingwa tagħhom, fil-qrati kollha tal-UE. Din hija l-ewwel miżura, li kien imissha ilha żmien li saret, li tiggarantixxi smigħ xieraq lil kulħadd fl-UE kollha. Il-liġi hija l-ewwel f'sensiela ta' miżuri dwar is-smigħ xieraq biex jiġu stabbiliti standards komuni tal-UE f'każijiet kriminali. L-Istati Membri tal-UE issa għandhom tliet snin biex il-miżura tiddaħħal fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

"Dan hu mument storiku bl-approvazzjoni tal-ewwel liġi li qatt kien hemm dwar id-drittijiet ta' smigħ ġust għaċ-ċittadini. Għall-Kummissjoni Ewropea dan hu l-ewwel pass ta' importanza biex jiġi kkoreġut l-iżbilanċ li jeżisti bħalissa bejn id-drittijiet tal-prosekuzzjoni u drittijiet aħjar u aktar qawwija għad-difiża fl-Ewropa," qalet il-Viċi-President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. "Nixtieq nirringrazzja lir-rapporteur tal-Parlament Ewropew, il-Barunessa Sarah Ludford, kif ukoll lill-presidenza Spanjola u dik Belġjana talli kkonkretizzaw din il-miżuri b'ħeffa liema bħalha. Issa huwa f'idejn l-Istati Membri li jdaħħlu dawk ir-regoli fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom u japplikawhom kemm jista' jkun malajr sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom. Dan huwa wkoll iż-żmien li nħaffu l-ħidma tagħna biex naraw li jkun hemm bilanċ effettiv bejn is-setgħa tal-prosekuzzjoni u d-drittijiet proċedurali tal-akkużati. Huwa għalhekk li jiena nitlob lill-Parlament u lill-Kunsill biex jaħdmu fuq it-tieni miżura - l-ittra tad-drittijiet – li l-Kummissjoni pproponiet f'Lulju."

Fid-9 ta’ Marzu l-Kummissjoni ħadet l-ewwel pass f’sensiela ta’ miżuri biex tistabbilixxi standards komuni tal-UE f’kawżi kriminali. Ipproponiet regoli li jobbligaw lill-pajjiżi tal-UE jipprovdu servizzi ta' interpretazzjoni u traduzzjoni kompluti lis-suspettati (IP/10/249, MEMO/10/70).

Il-Parlament Ewropew ivvota bi ħġaru favur abbozz innegozjat f'Ġunju (IP/10/746). Dan kien possibbli minħabba ftehim ta’ kompromess li ntlaħaq bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew fis-27 ta' Mejju. Il-plenarja tal-Parlament approva dan il-kompromess fil-15 ta' Ġunju.

Il-miżuri se jiggarantixxu d-dritt taċ-ċittadini li jsirulhom mistoqsijiet, li jieħdu sehem f'seduti u li jirċievu pariri legali bil-lingwa tagħhom stess f'kull parti ta' proċediment kriminali, fil-qrati kollha tal-UE.

Il-Kummissjoni insistiet fuq drittijiet ta' traduzzjoni u ta' interpretazzjoni matul il-proċedimenti kriminali biex ikun hemm konformità sħiħa mal-istandards stabbiliti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-każistika tal-Qorti ta’ Strasburgu kif ukoll mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Dawn ir-regoli se jiżguraw li ċ-ċittadini jiġu pprovduti bi traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti essenzjali kollha, bħall-att tal-akkuża, u li jkunu intitolati għall-interpretazzjoni tas-seduti kollha u tal-mistoqsijiet li jsiru kif ukoll tal-laqgħat li jkollhom mal-avukati tagħhom. Ma jistgħux jirrinunzjaw għad-drittijiet tagħhom mingħajr ma l-ewwel jirċievi parir legali jew tagħrif komplut dwar il-konsegwenzi tar-rinunzja tad-drittijiet tagħhom.

L-ispejjeż tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni jkunu jridu jintrefgħu mill-Istat Membru, mhux mis-suspettat. Mingħajr standards minimi komuni bħala garanzija ta' proċeduri ġusti, l-awtoritajiet ġudizzjarji jevitaw li jibagħtu lil xi ħadd biex jgħaddi ġuri f'pajjiż ieħor. Minħabba f'hekk, il-miżuri tal-UE biex tiġġieled il-kriminalità – bħal ma hu l-Mandat Ewropew tal-Arrest - jista' ma jkunux applikati kollu kemm huma. Fl-2007 inħarġu 11,000 warrant Ewropew ta' arrest, żieda mis-6,900 li kien hemm fl-2005. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-mandati kollha bħal dawn għandhom fil-futur ikunu koperti mill-istandards tal-UE dwar drittijiet għal proċess ġust, inkluż id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni.

L-Istati Membri tal-UE għandhom tliet snin biex jadottaw dawn ir-regoli, aktar mis-sentejn tas-solu, biex l-awtoritajiet ikollhom żmien biżżejjed biex l-informazzjoni tradotta titqiegħed f'postha.

Sfond

It-Trattat ta' Liżbona jippermetti lill-UE li tadotta miżuri biex issaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE.

Peress li proposti “inklussivi” dwar id-dritt għal proċess ġust ma kellhomx l-appoġġ unanimu tal-gvernijiet kollha tal-UE meta l-Kummissjoni l-ewwel ressqet proposti f’dan il-qasam fl-2004, il-Kummissjoni issa miexja “pass pass”, kif ġie previst f’sensiela ta’ miżuri dwar id-dritt għal proċess ġust mniżżla fil-Programm ta' Stokkolma ta' Diċembru 2009 (IP/10/447). Il-Kummissjoni se tipproponi sensiela ta' miżuri matul l-erba' snin li ġejjin.

Il-Kummissjoni pproponiet it-tieni miżura – id-dritt għall-informazzjoni – f'Lulju (IP/10/989) Il-Kunsill u l-Parlament diġà bdew il-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni (MEMO/10/475) Il-miżura li jmiss, prevista mill-Kummissjoni għall-2011, se tkun Direttiva dwar id-dritt li wieħed ikollu aċċess għal avukat; u dwar id-dritt li wieħed jikkomunika mal-qraba, ma' min iħaddem u mal-awtoritajiet konsulari.

Għal iktar informazzjoni

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali tal-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi-President Viviane Reding, Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site